Il-pandemija tal-coronavirus wasslet għal żieda globali fid-domanda għat-tagħmir protettiv personali, għall-prodotti mediċi u għat-terapiji użati fl-unitajiet tal-kura intensiva (ICU). Sabiex tiġi ffaċilitata d-disponibbiltà f’waqtha tal-provvisti mediċi meħtieġa biex jiġi miġġieled il-virus, jiġu salvati l-ħajjiet u tingħeleb il-kriżi tas-saħħa pubblika fl-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni ħolqot il-Punt Ċentrali ta’ Koordinament għat-tagħmir mediku għall-COVID-19, li beda jopera fl-1 ta’ April 2020 għal perjodu ta’ sitt xhur. Tqabbil tad-domanda mal-provvista ta’ tagħmir mediku Il-Punt Ċentrali ta’ Koordinament ħadem mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali fl-UE kollha, mal-manifatturi u mal-partijiet ikkonċernati l-oħra, biex jgħin lill-Istati Membri jiksbu l-provvisti disponibbli biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom. Huwa serva ta’ pjattaforma għad-djalogu u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fl-oqsma tas-saħħa u tal-ekonomija dwar id-domanda u l-provvista ta’ tagħmir mediku fil-livell tal-UE u dwar mezzi biex jingħelbu n-nuqqasijiet u tinbena l-kapaċità. Permezz tad-djalogu mar-rappreżentanti tal-industrija, il-Punt Ċentrali ta’ Koordinament ġabar u appoġġja l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ix-xejriet tad-domanda u l-provvista li qed jevolvu għal prodotti mediċi ewlenin. Il-Punt Ċentrali ta’ Koordinament pprovda wkoll lill-Istati Membri b’għodod ta’ appoġġ, inkluża pjattaforma għall-iskambju tal-informazzjoni fejn setgħu jippreżentaw il-ħtiġijiet tagħhom għal tagħmir mediku fuq żmien qasir, medju u fit-tul u setgħu jsibu offerti ta’ provvista mill-kumpaniji. Il-Punt Ċentrali ta' Koordinament immonitorja l-importazzjonijiet, ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni stabbiliti minn pajjiżi terzi, il-kapaċità tal-produzzjoni, u l-ktajjen tal-provvista, inklużi l-konġestjonijiet tat-trasport u tal-loġistika. Għen ukoll biex jitbassru u jissolvew l-ostakli kkawżati minn raġunijiet regolatorji jew tekniċi. Il-Punt Ċentrali ta' Koordinament ikkontribwixxa wkoll għall-monitoraġġ tar-rekwiżit tal-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni għal tagħmir protettiv personali li jitlaq mill-Unjoni Ewropea li ġie introdott temporanjament mill-Kummissjoni mill-15 ta’ Marzu sal-25 ta’ Mejju 2020. Dan kollu għen biex jiġu identifikati fejn għandhom jiġu ffukati l-isforzi biex jakkumpanjaw kull fażi tal-Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19 u biex tiżdied it-tħejjija għal tifqigħat futuri jew mewġiet oħra possibbli tal-virus, f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istat ta' tħejjija tal-UE fuq medda qasira ta' żmien fil-qasam tas-saħħa għal tifqigħat futuri tal-COVID-19. Il-Punt Ċentrali ta' Koordinament ġabar flimkien l-għarfien espert mid-diversi dipartimenti fil-Kummissjoni Ewropea li huma involuti fil-ġlieda kontra l-COVID-19. Il-Punt Ċentrali ta' Koordinament kien organizzat f’ħames raggruppamenti relatati mal-prodotti: it-tagħmir protettiv personali, il-ventilaturi, il-provvisti mediċi u tal-isptar oħrajn, il-materjali għall-ittestjar, u t-terapiji tal-ICU u l-vaċċini. Il-Punt Ċentrali ta' Koordinament jkkomplementa l-ħidma tal-Kummissjoni dwar l-akkwist konġunt u l-kumulazzjoni ta’ riżerva ta’ tagħmir mediku permezz tar-rescEU. M’organizzax l-akkwist konġunt, u lanqas ma qabbel direttament id-domanda u l-provvista individwali. Ir-rwol tiegħu kien li jipprovdi appoġġ, għodod u informazzjoni kritika biex jiffaċilita, jantiċipa u jaċċellera d-disponibbiltà tal-provvisti mediċi meħtieġa biex jiġi indirizzat il-virus. Il-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja), l-Iżvizzera u r-Renju Unit kienu assoċjati fil-ħidma tal-Punt Ċentrali ta' Koordinament. Il-pjattaforma ta’ tlaqqigħ Il-pjattaforma ta’ tlaqqigħ kienet għodda online għall-ġbir tal-informazzjoni fejn l-Istati Membri setgħu jindikaw il-ħtiġijiet mistennija tagħhom għall-prodotti mediċinali, u fejn il-kumpaniji li jipproduċu u jfornu dawn il-prodotti setgħu jtellgħu d-dettalji tal-offerti rispettivi tagħhom. L-operazzjoni tal-pjattaforma hija deskritta f’aktar dettall f’din il-preżentazzjoni. Il-kumpaniji interessati li jtellgħu offerta ta’ provvista setgħu jimlew formola fuq il-pjattaforma ta’ tlaqqigħ tal-Kummissjoni. Laqgħat mal-Istati Membri u mal-Pajjiżi Assoċjati Il-Punt Ċentrali ta' Koordinament organizza laqgħat regolari mar-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi assoċjati. Dawn il-laqgħat ipprovdew struttura għall-ġbir u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni. Il-laqgħat tematiċi ippermettew skambju aktar fil-fond ta’ fehmiet u għarfien dwar oqsma ta’ prijorità li qed jevolvu. Laqgħa tematika dwar l-ittestjar L-ittestjar għall-COVID-19 jippermetti l-identifikazzjoni ta’ individwi infettati u l-iżolament tagħhom biex jiġi evitat it-tixrid tal-virus filwaqt li jitwettqu attivitajiet ta’ traċċar u rintraċċar biex jiġi vverifikat jekk individwi oħra kinux infettati. Strateġiji tal-ittestjar xierqa u kapaċità tal-ittestjar suffiċjenti għalhekk jikkostitwixxu wieħed mill-aktar aspetti kruċjali għat-tħejjija u r-rispons għall-COVID-19. Madankollu, matul l-ewwel xhur tal-pandemija, l-Ewropa kienet qed tbati minn nuqqas ta’ testijiet u materjali għall-ittestjar, staff tal-laboratorju mħarreġ u għal xi provvisti ta’ tagħmir tal-laboratorju. Fit-28 ta’ Mejju 2020, il-Punt Ċentrali ta' Koordinament organizza laqgħa dwar l-istrateġiji tal-ittestjar u dwar il-kapaċità attwali u ppjanata fl-Ewropa. Qabel il-laqgħa, l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati kkontribwixxew għal stħarriġ dwar is-suġġett, li wassal għal xi ideat utli importanti. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard ippreżenta l-ħsieb tiegħu dwar it-traċċar tal-kuntatti. Iċ-Ċentru Konġunt tar-riċerka ppreżenta l-bażi tad-data tiegħu ta’ apparati dijanjostiċi u metodi tal-ittestjar in-vitro tal-COVID-19. Laqgħa tematika dwar il-ventilaturi It-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 uriet li l-ventilaturi mekkaniċi huma kruċjali fil-ġestjoni klinika ta’ pazjenti tal-COVID-19 u li jista’ jkun hemm nuqqas tagħhom minħabba domanda esponenzjali fuq żmien qasir. Minkejja li l-industrija malajr żiedet il-produzzjoni, dan ma kienx biżżejjed biex tintlaħaq id-domanda għolja ħafna matul il-quċċata tal-kriżi. Fid-29 ta’ Ġunju 2020, il-Punt Ċentrali ta' Koordinament għalhekk organizza laqgħa dwar it-tagħlimiet meħuda u t-tħejjija għall-ventilaturi mekkaniċi fl-Ewropa biex tgħin fit-tħejjija għall-possibbiltà li jerġgħu jiżdiedu l-każijiet tal-COVID-19. Mehmuż issib xi tagħrif ewlieni (rapport tal-laqgħa) dwar il-ventilaturi. Ġew ippreżentati xi tagħlimiet dwar l-użu tal-ventilaturi f’kuntesti ta’ unitajiet ta’ kura intensiva min-naħa tal-kliniki mis-Soċjetà Ewropea tal-Mediċini tal-Kura Intensiva ( ESICM): il-ventilaturi jsalvaw il-ħajjiet, iżda għandhom jintużaw b’mod xieraq minn staff tal-kura tas-saħħa kkwalifikat u speċjalizzat. Spanja qasmet l-esperjenzi tagħha (1 u 2) biex tindirizza ħtiġijiet akbar għall-ventilaturi u ttejjeb il-kapaċità tal-manifattura. Il-Kummissjoni ħadmet biex tgħin lill-Istati Membri u lill-pajjiżi assoċjati biex jiksbu l-ventilaturi meħtieġa permezz ta’ strumenti varji, b’mod partikolari l-Ftehim dwar l-Akkwist Konġunt u r-rescEU. Inżidu l-produzzjoni It-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal diversi skarsezzi fil-prodotti essenzjali u skattat il-ħtieġa li żżid il-produzzjoni b’mod sostanzjali ta’ ċerti tipi ta’ tagħmir. Fil-laqgħa tat-13 ta’ Mejju dwar iż-żieda fil-produzzjoni ta’ Tagħmir Protettiv Personali (PPE), il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri spjegaw li huma qed jimmonitorjaw il-provvista tagħhom ta’ tagħmir mediku u qed jikkuntattjaw b’mod proattiv lin-negozji biex jifhmu s-sitwazzjoni attwali tal-provvista u jaraw kif se jżidu l-produzzjoni. L-Estonja u l-Italja qasmu l-esperjenza u l-aħjar prattiki tagħhom. Laqgħa ta’ segwitu fid-19 ta’ Mejju esplorat il-provvista eżistenti u ż-żieda mistennija fil-produzzjoni ta’ tagħmir mediku, inklużi l-ostakli u l-punti ta’ konġestjoni aktar fil-fond. Il-Bulgarija ppreżentat l-għodda ta’ informazzjoni tagħha għan-negozji bi gwida u links għall-miżuri kollha ta’ kontra l-kriżi biex jiġi indirizzat l-impatt ekonomiku tal-COVID-19. Il-Belġju ppreżenta l-pjattaforma organizzata min-Network Enterprise Europe Flanders għat-tqabbil u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni utli u miżuri ta’ appoġġ. Links utli oħra: Hemm informazzjoni addizzjonali dwar ir-rispons għall-coronavirus tal-Kummissjoni fil-qasam tas-saħħa pubblika Il-Komunikazzjoni dwar l-istat ta’ tħejjija tal-UE għas-saħħa fuq żmien qasir għal tifqigħat futuri tal-COVID-19 Strument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza għar-rispons għall-kriżi tal-coronavirus.(ESI) Akkwist konġunt ta’ kontromiżuri mediċi L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard Bażi tad-Data tal-Apparati Djanjostiċi u tal-Metodi tal-Ittestjar In Vitro tal-COVID-19: https://covid-19-diagnostics.jrc.ec.europa.eu/ Niffaċilitaw iż-żieda fil-kapaċità tat-tagħmir mediku It-tagħmir mediku normalment jiġi vvalutat u ċċertifikat minn korp notifikat fil-livell nazzjonali. Fl-eqqel tal-kriżi, minħabba n-nuqqasijiet ta’ provvisti mediċi essenzjali, il-Kummissjoni qieset li huwa kruċjali li jinstabu modi biex jiġi ffaċilitat dan il-proċess. F’konformità mal-Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19, il-Kummissjoni fasslet, bi qbil mal-Istati Membri, lista ta’ prodotti ta’ prijorità għall-korpi notifikati u informazzjoni kondiviża dwar id-disponibbiltà u l-kapaċità ta’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità mal-operaturi tas-suq. Saru żewġ stħarriġiet tal-korpi notifikati. Dan għen lill-kumpaniji biex idaħħlu malajr fis-suq xi prodotti relatati mal-COVID-19. Korpi notifikati – Lista ta’ tagħmir essenzjali Fil-Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt lejn it-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-Covid-19 adottat fil-15 ta’ April 2020, il-Kummissjoni talbet lill-korpi notifikati biex jagħtu prijorità lit-tagħmir mediku essenzjali fil-ġlieda kontra l-COVID-19, abbażi ta’ lista li għandha tiġi miftiehma mal-Istati Membri. Il-lista ta’ tagħmir mediku essenzjali tinsab hawn taħt: Lista ta’ tagħmir protettiv personali (PPE) essenzjali Lista ta’ apparat mediku (MD) essenzjali Korpi notifikati – Disponibbiltà u kapaċità Barra minn hekk, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tipprovdi informazzjoni dwar id-disponibbiltà u l-kapaċità tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u li tixxerjaha mal-operaturi tas-suq. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni wettqet stħarriġ mal-korpi notifikati inkarigati miċ-ċertifikazzjoni tal-apparat mediku relatat mal-COVID-19, it-tagħmir mediku dijanjostiku in vitro u t-tagħmir protettiv personali. Id-dokumenti ta’ hawn taħt jipprovdu xi nstab f’dawn l-istħarriġiet: Stħarriġ dwar it-tagħmir protettiv (PPE) personali Stħarriġ dwar l-apparat mediku (MD)