Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Azzjoni min-naħa tal-UE biex tiġi affrontata l-kriżi tal-enerġija

Sommarju

  • Il-prezzijiet tal-enerġija għolew minħabba l-gwerer fil-Lvant Nofsani 
  • L-UE qed tgħin lill-pajjiżi tal-UE jipproteġu lill-familji u lin-negozji minn żidiet qawwijin fil-prezzijiet 
  • Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-UE għadha stabbli
  • L-UE qed tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili billi tinvesti fl-enerġija nadifa

Għajnuna immedjata

F’April 2026, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet l-AccelerateEU, sett ta’ miżuri biex il-familji u l-industriji jittaffielhom il-piż billi

  • inżidu l-koordinazzjoni tal-UE, kemm fi ħdan l-Unjoni nnifisha kif ukoll mal-fornituri tal-enerġija u mal-pajjiżi sħabna

  • nagħtu appoġġ lill-pajjiżi tal-UE biex jipproteġu lill-konsumaturi u lin-negozji mill-ogħla livelli tal-prezzijiet

  • innaqqsu d-dipendenza fuq iż-żejt u l-gass

  • nippromwovu l-elettrifikazzjoni u l-enerġija nadifa u prodotta lokalment

  • nagħtu spinta lill-investimenti pubbliċi u privati

L-AccelerateEU jappella għal koordinazzjoni eqreb bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-mili tal-ħżin tal-gass, tar-rilaxxi possibbli tal-ħażniet taż-żejt, u tal-użu tal-flessibbiltajiet biex jiġu evitati l-iskarsezzi.

Jipproponi wkoll li jiġu introdotti miżuri temporanji u mmirati bħall-għajnuna mill-Istat għas-setturi ekonomiċi li huma l-aktar esposti għal żidiet qawwijin fil-prezzijiet.

Il-Kummissjoni waqqfet osservatorju tal-fjuwils, li jimmappja l-provvista ta’ fjuwils rilevanti għat-trasport (prodotti fl-UE, importati, u esportati) u l-ħażniet disponibbli fl-UE.

Biex nipproteġu lill-familji u lin-negozji minn żidiet qawwijin fil-prezzijiet, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jistabbilixxu skemi ta’ appoġġ għall-introjtu, vawċers tal-enerġija, u skemi ta’ leasing soċjali, u taxxi iktar baxxi fuq id-dawl għall-familji vulnerabbli.

Skopri aktar dwar l-AccelerateEU

Niggarantixxu s-sigurtà tal-provvista

Il-Kummissjoni tissorvelja s-swieq tal-enerġija mill-qrib f’kollaborazzjoni mal-pajjiżi tal-UE permezz ta’ Task Force apposta għall-Unjoni tal-Enerġija, li dan l-aħħar ikkonkludiet li s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija għadha stabbli.

Il-provvista li għandna, kemm taż-żejt — inklużi d-diżil u l-fjuwils tal-ġettijiet — kif ukoll tal-gass, hija diversifikata fis-swieq globali. L-UE rnexxielha titbiegħed mid-dipendenza żejda fuq fornitur wieħed tal-gass u jkollha taħlita ta’ provvisti tal-pipelines u tal-LNG minn madwar id-dinja.

F’Ottubru 2026, il-mexxejja tal-G7 qablu dwar rilaxx koordinat ta’ 100 miljun barmil żejt matul l-erba’ xhur sussegwenti biex jiġu stabbilizzati l-ħtiġijiet immedjati tal-enerġija, inkluż rilaxx sostanzjali ta’ diżil fl-ewwel 20 jum. 

Innaqqsu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili

  • sehem ta’ ’l fuq minn 70% ta’ enerġija rinnovabbli u nukleari

    fil-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-2025, żieda meta mqabbel mat-63% ta’ qabel il-kriżi tal-2022

Ninvestu fl-enerġija nadifa u fl-infrastruttura

Biex tiżgura enerġija bi prezzijiet raġonevoli u l-indipendenza enerġetika, l-UE qed taċċellera l-iżvilupp tal-infrastruttura u tat-teknoloġiji tal-enerġija nadifa. L-inizjattivi ewlenin jinkludu

  • il-Pakkett dwar il-Grilji Ewropej, li jippermetti fluss effiċjenti tal-elettriku li jaqsam il-fruntieri u l-integrazzjoni ta’ enerġija orħos u aktar nadifa
  • il-pjan ta’ azzjoni għall-elettrifikazzjoni, li ġie ppreżentat f’Lulju 2026 u li se jiffaċilita l-elettrifikazzjoni tas-setturi industrijali, tat-trasport, u tal-bini. Dan jistabbilixxi mira indikattiva ta’ elettrifikazzjoni ta’ 46% sal-2040, li tista’ tnaqqas l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili min-naħa tal-UE b’€260 biljun fis-sena sal-2040

Bejn l-2025 u l-2026, kważi €2 biljun f’għotjiet qed jappoġġaw proġetti transfruntieri tal-enerġija biex jissaħħu s-sigurtà u l-kompetittività tal-enerġija.

L-UE tejbet ukoll l-Iskema tagħha għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS) biex tkompli tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u tixpruna l-investimenti fl-enerġija rinnovabbli u nukleari. Il-miżuri ewlenin jinkludu

Mistoqsijiet frekwenti

Minn fejn qed inġibuha l-enerġija?

L-enerġija li nużaw fi djarna fl-UE ġejja minn sorsi differenti, kemm mill-UE kif ukoll minn barra l-UE.

Skopri aktar dwar il-produzzjoni u l-importazzjoni tal-enerġija tal-UE.

Għaliex qed jogħlew il-prezzijiet?

Il-kunflitt li għaddej fil-Lvant Nofsani qed jgħolli l-prezzijiet tal-fjuwils fossili u l-ispejjeż tal-importazzjonijiet. L-UE għadha tiddependi ħafna fuq il-fjuwils fossili impurtati, u għalhekk ix-xokkijiet fil-prezzijiet barra mill-Unjoni jissarrfu minnufih fi spejjeż ogħla fil-livell nazzjonali. 

Fil-kuntest tal-volatilità fis-swieq globali, l-UE hija mħejjija tajjeb iżda qed tintensifika l-azzjoni tagħha kemm fuq terminu qasir kif ukoll fit-tul.

Jeżisti xi appoġġ min-naħa tal-UE għaċ-ċittadini li qed jiffaċċjaw spejjeż għoljin tal-enerġija?

Fl-2025, il-Kummissjoni adottat il-pjan ta’ azzjoni għal enerġija affordabbli, b’miżuri konkreti fuq terminu qasir u strutturali biex jitraħħsu l-kontijiet tad-dawl u jitnaqqas l-esponiment għal xokkijiet fil-prezzijiet.

Bħala parti essenzjali minn dan il-pjan ta’ azzjoni, il-pakkett tal-enerġija taċ-ċittadini jistabbilixxi azzjonijiet konkreti biex jitraħħsu l-kontijiet, jiġu protetti l-konsumaturi, u jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku billi

  • jagħmilha aktar faċli li wieħed jaqleb għal fornitur tal-enerġija orħos. Il-konsumaturi jaf ikunu jistgħu jiffrankaw medja ta’ €150 fis-sena

  • jitnaqqsu t-taxxi u l-imposti fuq il-kontijiet tal-elettriku. Il-familji jaf ikunu jistgħu jiffrankaw medja ta’ €200 fis-sena

  • bl-għoti ta’ informazzjoni aktar trasparenti fuq il-kontijiet u l-kuntratti tal-enerġija. Dan jgħin lill-konsumaturi biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati

Il-pajjiżi tal-UE huma mħeġġin jgħinu lill-konsumaturi vulnerabbli, b’appoġġ immirat għall-introjtu, vawċers tal-enerġija, u tnaqqis fit-taxxi fuq l-enerġija.

L-UE kif qed tippjana li tipproteġi lill-familji li qed jiffaċċjaw il-kriżi tal-enerġija?

L-UE introduċiet regoli ġodda tas-suq tal-elettriku u tal-gass biex tagħti lill-familji protezzjoni aktar b’saħħitha minn żidiet qawwijin fil-prezzijiet. Dawn jinkludu 

  • aktar għażla bejn kuntratti tal-elettriku bi prezzijiet fissi u bi prezzijiet dinamiċi, bil-prezzijiet fissi joffru prevedibbiltà akbar 
  • informazzjoni aktar ċara u salvagwardji aktar b’saħħithom meta jintgħażel jew jinbidel il-fornitur tal-enerġija 
  • protezzjoni aktar b’saħħitha għall-klijenti vulnerabbli mill-iskonnessjoni tal-provvista tal-elettriku jew tal-gass tagħhom 
  • f’emerġenza, l-għażla għall-pajjiżi tal-UE li jistabbilixxu temporanjament il-prezzijiet tal-elettriku ’l isfel mill-kost għal ammont limitat ta’ konsum 
Se jkun hemm skarsezzi tal-enerġija?

Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-UE għadha stabbli. Il-provvista li għandna, kemm taż-żejt — inklużi d-diżil u l-fjuwils tal-ġettijiet — kif ukoll tal-gass, hija diversifikata fis-swieq globali. L-UE rnexxielha titbiegħed mid-dipendenza żejda fuq fornitur wieħed tal-gass u jkollha taħlita ta’ provvisti tal-pipelines u tal-LNG minn madwar id-dinja.

L-investimenti tal-UE fl-enerġija rinnovabbli kif qed jgħinu biex jittaffa l-impatt tal-kriżi globali tal-enerġija fl-Ewropa?

Il-kostijiet għoljin tal-enerġija fl-Ewropa huma influwenzati ħafna mid-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili impurtati. Jekk inkabbru l-ammont u l-firxa tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, inkunu qed ngħinu biex jitbaxxew il-kostijiet tal-provvista tal-enerġija u tal-prezzijiet tal-enerġija għall-industrija u għaċ-ċittadini. 

L-Istati Membri li għandhom proporzjon għoli ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u nukleari ġeneralment ikollhom prezzijiet tad-dawl aktar baxxi mill-medja tal-UE. 

Mill-2021 ’l hawn, l-UE għamlet progress sostanzjali fl-espansjoni tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli tagħha, bis-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-elettriku jiżdied minn 36% għal 48% sal-2025. Meta wieħed jinkludi l-enerġija nukleari, aktar minn 70% tal-elettriku tagħna issa qed jiġi prodott minn sorsi tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

L-UE qed tagħmel xi ħaġa biex twaqqaf lill-kumpaniji tal-enerġija milli jġiegħlu lil-konsumaturi jħallsu żżejjed?

L-UE qed tirregola b’mod attiv is-swieq tal-enerġija biex ma tħallix li jkun hemm ipprezzar inġust, abbuż tas-suq, u prattiki li jistgħu jwasslu biex il-konsumaturi jintalbu jħallsu żżejjed. 

Ir-Regolament dwar l-Integrità u t-Trasparenza tas-Swieq tal-Enerġija (REMIT) huwa politika ewlenija tal-UE li tipproteġi liċ-ċittadini u lin-negozji tal-UE mill-abbuż tas-suq tal-enerġija. Jipprevjeni l-manipulazzjoni tas-suq billi jobbliga r-rapportar tat-tranżazzjonijiet, jistabbilixxi oqfsa ta’ monitoraġġ tal-prezzijiet, u jippermetti lir-regolaturi jinvestigaw u jissanzjonaw każijiet ta’ ksur bħalma huwa l-abbuż minn informazzjoni privileġġata.

Fil-komunikazzjoni dwar l-AccelerateEU, il-Kummissjoni kkonfermat li l-Istati Membri jistgħu jieħdu wkoll miżuri dwar it-tassazzjoni tal-profitti mhux mistennijin biex jiżguraw il-ġustizzja soċjali; il-Kummissjoni se tirrispetta d-deċiżjonijiet tal-Istati Membri u se tivvaluta dawn il-miżuri nazzjonali u l-impatt tagħhom fuq is-suq uniku. 

X’inhuma drittijieti jekk it-titjira jew il-btala tiegħi jitħassru minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil?

Jekk linja tal-ajru tħassar titjira li tkun diġà bbukkjajt, jew tagħmel bidliet fiha, ir-regoli tal-UE jipproteġuk.

  • Jekk it-titjira tiegħek mill-UE jew lejha titħassar, intitolat(a) biex tibbukkja titjira differenti jew tingħata flusek lura. 
    Anki jekk it-tħassir iseħħ inqas minn 14-il jum qabel titjira, intitolat(a) għal kumpens. 
    Aktar informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri
  • Rigward il-pakketti tal-ivvjaġġar, il-kumpaniji tal-ivvjaġġar jistgħu jgħollu l-prezz tal-btajjel tiegħek sa 8% wara li tkun ħallast għall-pakkett, iżda dan jistgħu jagħmluh biss jekk iż-żieda tkun ġustifikata u jinfurmawk mhux aktar tard minn 20 jum qabel it-tluq. Jekk iż-żieda fil-prezz tkun ta’ aktar minn 8%, għandek id-dritt li tikkanċella.
    Aktar informazzjoni dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar

Il-linji tal-ajru jiġu eżentati mill-kumpens biss jekk jagħtu prova li l-kanċellazzjoni tkun ġiet ikkawżata minn ċirkustanzi straordinarji, bħal nuqqas lokali ta’ fjuwil. Il-Kummissjoni ma tqisx il-prezzijiet għoljin tal-fjuwil bħala ċirkustanza straordinarja.

L-UE kif se tiżgura li l-linji tal-ajru ma jitolbux spejjeż addizzjonali mingħand il-passiġġieri?

Sabiex jiġi żgurat ipprezzar trasparenti tan-nollijiet tal-ajru, ir-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru jirrikjedi li l-linji tal-ajru juru l-prezzijiet finali tal-biljetti bil-quddiem. Għalhekk, mhuwiex permess li jintalbu tariffi addizzjonali b’mod retroattiv bħal ħlasijiet addizzjonali fuq il-fjuwil. 

Għall-pakketti tal-ivvjaġġar, id-Direttiva dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar tista’ tippermetti żidiet fil-prezzijiet biss jekk dan ikun speċifikat fil-kuntratt u f’ċirkustanzi speċifiċi.

L-UE kif se tappoġġa lil-linji tal-ajru f’każ ta’ skarsezza fil-provvista tal-fjuwil?

Bħala kontribut biex jiġi evitat l-għeluq ta’ ċerti rotot, il-linji tal-ajru jistgħu jiġu eżentati mir-regola ta’ 90% tal-fjuwil ippumpjat skont ir-Regolament ReFuelEU Aviation meta jkun jista’ jagħti l-każ li r-rekwiżiti tas-sikurezza biex jinġarr fjuwil żejjed jipprevjenu titjiriet ulterjuri minħabba li ma jkunx hemm biżżejjed fjuwil fl-ajruport tad-destinazzjoni. 

Jistgħu jiġu eżentati wkoll mill-obbligi tas-soltu dwar is-slots għall-inżul u t-tluq u ma jiġux ippenalizzati għan-nuqqas ġustifikat ta’ użu ta’ slots ikkawżat minn kwistjonijiet marbutin mal-provvista tal-fjuwil.

Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 8 Ottubru 2026