X’tagħmel l-UE
Il-politiki tal-UE dwar l-impjiegi u l-affarijiet soċjali għandhom l-għan li joħolqu impjiegi ta’ kwalità madwar l-Unjoni, jappoġġaw lill-ħaddiema biex isibu impjieg kemm f’pajjiżhom kif ukoll fi Stati Membri oħrajn, u jippromwovu l-iżvilupp tal-ħiliet u l-intraprenditorija. Dawn il-politiki jiffukaw ukoll fuq l-immodernizzar u l-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol permezz ta’ standards minimi komuni, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, u l-ġlieda kontra l-faqar u l-problema tan-nies bla saqaf fuq rashom. Barra minn hekk, għandhom l-irwol li jipproteġu d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, filwaqt li jiżguraw opportunitajiet indaqs għal kulħadd.
L-UE tipprovdi u tikkoordina l-finanzjament biex tgħin lill-Istati Membri jinvestu f’oqsma bħas-servizzi għall-indukrar tat-tfal, is-servizzi tas-saħħa, it-taħriġ, l-infrastruttura aċċessibbli, u l-għajnuna biex wieħed isib impjieg.

Ċifri ewlenin b’rabta mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistabbilixxi 20 prinċipju u dritt ewlenin biex jingħata sostenn lis-swieq tax-xogħol u lil sistemi tal-protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw sew. Il-pjan ta’ azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistabbilixxi miri soċjali li l-UE trid tilħaq sal-2030.
Oqsma ta’ azzjoni
Inizjattivi għal akkomodazzjoni, trasport, enerġija, u ikel bi prezzijiet raġonevoli
Regoli li jgħinu biex jiġi żgurat li l-ħaddiema jaqilgħu pagi minimi adegwati
Insaħħu l-prinċipju ta’ pagi ugwali għal xogħol ugwali għall-irġiel u għan-nisa permezz tat-trasparenza
Pjan biex jittejbu l-edukazzjoni, it-taħriġ, u t-tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità għolja
It-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni li jaħdmu permezz tal-pjattaformi diġitali
Ngħinu liż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni bla xkiel mill-edukazzjoni għax-xogħol u nipprevjenu l-qgħad fit-tul fost iż-żgħażagħ
Niżguraw li kull tifel u tifla f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali jkollhom aċċess għad-drittijiet bażiċi, bħas-servizzi tas-saħħa u l-edukazzjoni
Aċċess għal servizzi tas-saħħa pubblika meħtieġa waqt soġġorn temporanju fl-UE, fiż-ŻEE, fl-Iżvizzera, jew fir-Renju Unit, bl-istess kundizzjonijiet bħar-residenti lokali
Il-EURES jgħin lil dawk li qed ifittxu xogħol biex isibu impjiegi u lill-impjegaturi biex jirreklutaw minn kwalunkwe parti tal-Ewropa.
Il-kisbiet ewlenin
- L-UE stabbiliet regoli biex ittejjeb l-adegwatezza tal-pagi minimi u tippromwovi n-negozjar kollettiv. Pagi adegwati jiżguraw għajxien deċenti għal kulħadd u jtejbu l-ġustizzja soċjali.
- Stabbilixxejna regoli biex intejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaformi. Mit-28 miljun persuna li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi diġitali, sa 4.1 miljun li huma kklassifikati b’mod żbaljat bħala persuni li jaħdmu għal rashom jistgħu jsiru impjegati. Dawn il-ħaddiema se jibbenefikaw minn drittijiet tax-xogħol u soċjali, inklużi assigurazzjoni tas-saħħa, liv imħallas, l-appoġġ għad-diżokkupazzjoni, u aċċess għall-protezzjoni soċjali.
- Fl-UE, in-nisa jaqilgħu 13% inqas mill-irġiel għall-istess xogħol. Stabbilixxejna regoli dwar it-trasparenza fil-pagi, biex il-prinċipju bażiku li xogħol ugwali jistħoqqlu paga ugwali jsir realtà. Il-kumpaniji b’aktar minn 100 impjegat se jkollhom jippubblikaw informazzjoni dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel.
- Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tiżgura li ż-żgħażagħ jiġu offruti impjieg, edukazzjoni kontinwa, traineeship, jew apprendistat fi żmien erba' xhur minn meta jisfaw bla xogħol jew minn meta jieqfu mill-iskola. Mill-2013 ‘l hawn, il-garanzija Ewropea għaż-żgħażagħ għenet lil aktar minn 50 miljun żagħżugħ.
- Mill-2022 ’l hawn, aktar minn erba’ miljun Ukren ibbenefikaw minn protezzjoni temporanja, li ppermettitilhom jibnu ħajjithom mill-ġdid u jaħdmu fl-UE.
- Il-patt għall-ħiliet, li ilu għaddej mill-2020, iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati biex jingħaqdu flimkien għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema. Sal-2024, kien laqqa’ aktar minn 2,500 membru, li flimkien ħarrġu aktar minn 3.5 miljun ruħ.
- Jekk nieħdu biss il-perjodu bejn l-2007 u l-2024, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati intervjena f’182 każ, u alloka €700 miljun biex jipprovdi għajnuna lil aktar minn 170,000 ruħ f’20 Stat Membru.
Taħt il-lenti
Il-faqar jolqot lil wieħed 1 minn kull 5 Ewropej, fosthom tifel jew tifla minn kull 4, filwaqt li madwar miljun persuna fl-UE jinsabu mingħajr dar.
Il-Kummissjoni pproponiet pakkett ta’ miżuri biex tikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-faqar u tal-kriżi tal-akkomodazzjoni, fosthom l-ewwel strateġija tal-UE kontra l-faqar, Garanzija għat-Tfal imsaħħa, u azzjoni biex tiġi indirizzata l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni.

Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 6 Mejju 2026