Ħarsa ġenerali
Id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali huma valuri fundaturi tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-valuri huma komuni fost l-Istati Membri u huma l-pedamenti għal soċjetà li fiha jsaltnu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza.
Iċ-ċittadini jistgħu jesprimu fehmiethom liberament u jiffurmaw l-opinjonijiet tagħhom. Jistgħu jipparteċipaw fil-ħajja demokratika, jagħżlu r-rappreżentanti politiċi tagħhom, u jsemmgħu leħinhom dwar il-ġejjieni tagħhom fi spazju pubbliku fejn jistgħu jesprimu fehmiet differenti u fejn id-diversità hi aċċettata
Il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin huma theddida serja għal dan. Jistgħu jdgħajfu l-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi billi ma jħallux lin-nies jieħdu deċiżjonijiet infurmati jew jaqtgħulhom qalbhom biex jivvutaw. Jistgħu wkoll jifirdu lis-soċjetà billi jsaħħnu lill-komunitajiet kontra xulxin.
Bit-teknoloġiji l-ġodda, l-atturi ostili jistgħu joperaw u jxerrdu d-diżinformazzjoni b’mod estensiv u b’ħeffa li qatt ma rajna bħalhom qabel.
Għalhekk, l-indirizzar tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin, kif ukoll it-tisħiħ tar-reżiljenza tas-soċjetà kontra dan it-theddid, huma kwistjonijiet urġenti għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.
Taħt il-lenti
Il-Kummissjoni nediet sejħa għal proposti biex tappoġġa l-proġetti li jressqu ġenerazzjonijiet differenti lejn xulxin permezz tat-tema tal-litteriżmu medjatiku fiż-żoni rurali u l-bliet żgħar u medji fil-Bulgarija, ir-Rumanija, il-Greċja u Ċipru.
Din is-sejħa se tappoġġa proġett wieħed f’kull pajjiż għal perjodu ta’ 8 xhur b’finanzjament ta’ €50,000.
Il-perjodu għall-applikazzjonijiet għalaq fis-6 ta’ Frar 2026. Bħalissa qed jiġu evalwati l-proposti.

Kif qed twieġeb il-Kummissjoni Ewropea?
Il-Kummissjoni qed issaħħaħ il-komunikazzjoni strateġika tagħha b’reazzjoni għall-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin li jkunu mmirati lejn il-politiki tal-UE.
Bħala parti minn reazzjoni komprensiva, hu wkoll importanti li jiġu garantiti l-libertà u l-pluraliżmu tal-media, u jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal aħbarijiet u informazzjoni ta’ kwalità u affidabbli.
Ir-reazzjoni tal-Kummissjoni għall-manipulazzjoni tal-informazzjoni hi msejsa fuq:
- L-iżvilupp ta’ politiki li jsaħħu d-demokraziji Ewropej, li jipproteġu l-ġurnalisti u l-pluraliżmu tal-media, u li bihom l-awturi tat-theddid isibuha aktar diffiċli biex jużaw il-pjattaformi online ħażin jew jindaħlu fl-elezzjonijiet
- Iż-żieda fl-għarfien tas-sitwazzjoni permezz tal-monitoraġġ, l-identifikazzjoni u l-analiżi tal-informazzjoni minn sorsi miftuħa
- Il-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin permezz ta’ proġetti ta’ sensibilizzazzjoni, soluzzjonijiet teknoloġiċi avvanzati, u koordinazzjoni aħjar
- It-tisħiħ tar-reżiljenza soċjetali u tal-involviment taċ-ċittadini permezz tal-litteriżmu diġitali u medjatiku, u miżuri oħra
- Il-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet, l-awtoritajiet nazzjonali, il-verifikaturi tal-fatti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-dinja akkademika u organizzazzjonijiet oħra
Oqsma ewlenin ta’ azzjoni

Nippromwovu elezzjonijiet ħielsa u ġusti, inħarsu d-dibattitu pubbliku u niġġieldu l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin permezz tat-Tarka Ewropea għad-demokrazija

Niżguraw li l-pjattaformi jerfgħu r-responsabbiltà fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin, bis-saħħa tal-Att dwar is-servizzi diġitali, il-Kodiċi ta’ kondotta dwar id-diżinformazzjoni, l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA), u r-Regolament dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku

Niddefendu l-pluraliżmu u l-indipendenza tal-media fl-UE permezz tal-Att dwar il-Libertà tal-Media u l-leġiżlazzjoni li tipproteġi lill-ġurnalisti minn kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (anti-SLAPPs)

Nesponu l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u t-tattiki ta’ indħil minn barranin, u niżguraw it-tħejjija fil-każ ta’ attakki ċibernetiċi

Ngħinu liċ-ċittadini jinnavigaw l-ambjent modern tal-aħbarijiet, inżidu l-għarfien dwar it-tattiki tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin, u niggwidawhom fil-ġlieda kontra din it-theddida permezz tal-edukazzjoni

Nappoġġaw il-proġetti li jikkontribwixxu għall-isforz mis-soċjetà kollha fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin, kif ukoll fit-tisħiħ tal-libertà u l-pluraliżmu tal-media
Nipprovdu informazzjoni affidabbli
Informazzjoni preċiża u affidabbli hija kruċjali fl-azzjoni kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin.
L-għażla ta’ riżorsi hawn taħt dwar is-suġġetti li spiss ikunu fil-mira, tista’ tgħin liċ-ċittadini biex jiddistingwu bejn il-fatti u l-ħrejjef u jiffurmaw l-opinjoni tagħhom.

Il-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni jistgħu jikkompromettu b’mod serju l-għajnuna umanitarja u l-azzjonijiet tal-protezzjoni ċivili bħala reazzjoni għad-diżastri

Kun af iżjed dwar kif il-ftehim hu ta’ ġid għall-familji u l-kumpaniji Ewropej, inkluż kif isaħħaħ il-kummerċ, iħaddem l-istandards Ewropej u jipproteġi lil aktar minn 350 prodott tal-UE, mingħajr ma jdgħajjef l-impenn favur is-sostenibbiltà

L-eventi ta’ temp estrem qed ikunu dejjem aktar spissi, u saru aktar vjolenti minn dawk li kienu jseħħu sa ftit għexieren ta’ snin ilu. Skopri aktar dwar ir-rabta tagħhom mat-tibdil fil-klima.
Kronoloġija tal-azzjonijiet tal-UE
- Novembru 2025
Il-Kummissjoni tippreżenta t-Tarka Ewropea għad-Demokrazija
- Ottubru 2025
Jibda japplika r-Regolament dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku
- Frar 2025
Il-Kummissjoni u l-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali japprovaw l-integrazzjoni uffiċjali tal-Kodiċi ta’ Prattika volontarju dwar id-Diżinformazzjoni fil-qafas tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali, u b’hekk il-Kodiċi sar Kodiċi ta’ Kondotta biex il-pjattaformi jikkonformaw mal-Att dwar is-Servizzi Diġitali
- Jannar 2025
Il-Kodiċi ta’ kondotta rivedut dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda online illegali + huwa integrat fl-Att dwar is-Servizzi Diġitali
- Awwissu 2024
Jidħol fis-seħħ l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA)
- Mejju 2024
Jidħlu fis-seħħ l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media u regoli ġodda kontra kawżi abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (anti-SLAPPs)
- April 2024
Jidħol fis-seħħ ir-Regolament dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku
- Marzu 2024
Il-Kummissjoni tippubblika linji gwida skont Att dwar is-Servizzi Diġitali għall-Pjattaformi Online Kbar Ħafna u l-Magni tat-Tiftix biex ittaffi r-riskji sistemiċi online li jista’ jħallu impatt fuq l-integrità tal-elezzjonijiet, bi gwida speċifika għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju 2024
- Marzu 2024
Joħroġ kompendju ġdid dwar iċ-Ċibersigurtà dwar kif inħarsu l-integrità tal-elezzjonijiet
- Diċembru 2023
Il-Kummissjoni Ewropea tadotta Pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija, qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2024
- Ottubru 2023
Il-Kummissjoni tippubblika sejħa għal proposti li tappoġġa lill-verifikaturi tal-fatti tal-UE biex jaqbdu u jikxfu d-diżinformazzjoni
- Ottubru 2022
Il-Kummissjoni tippubblika linji gwida għall-għalliema u l-edukaturi fl-iskejjel primarji u sekondarji, dwar kif jeħtieġ tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni u kif jeħtieġ iwasslu l-litteriżmu diġitali fil-klassijiet tagħhom
- Settembru 2022
Il-Kummissjoni tippreżenta proposta għal Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media
- Ġunju 2022
Bosta pjattaformi online ewlenin, pjattaformi emerġenti u speċjalizzati, atturi fl-industrija tar-reklamar, verifikaturi tal-fatti, organizzazzjonijiet tar-riċerka u tas-soċjetà ċivili jiffirmaw Kodiċi msaħħaħ ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni
- Novembru 2021
Il-Kummissjoni tippreżenta proposta għal liġijiet ġodda dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku
- Diċembru 2020
Il-Kummissjoni tippreżenta proposta għall-Att dwar is-Servizzi Diġitali
- Diċembru 2020
Il-Kummissjoni tistabbilixxi l-Pjan ta' Azzjoni tagħha għad-Demokrazija Ewropea
- Ġunju 2020
Jitnieda l-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali
- Marzu 2019
Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) iniedi s-Sistema tat-Twissija Rapida tiegħu
- Diċembru 2018
Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jistabbilixxu Pjan ta’ Azzjoni kontra d-diżinformazzjoni
- Settembru 2018
Jiġi stabbilit l-ewwel Kodiċi ta’ Prattika kontra d-Diżinformazzjoni
- Settembru 2018
Il-Kummissjoni tippubblika Komunikazzjoni dwar elezzjonijiet Ewropej liberi u ġusti
- April 2018
Il-Kummissjoni tippubblika Komunikazzjoni dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni online
- April 2016
Jiġi adottat Qafas Konġunt dwar il-ġlieda kontra t-theddid ibridu biex jiġġieled l-azzjonijiet ostili li jitfasslu apposta biex jiddestabbilizzaw reġjun jew stat
- Jannar 2015
Jitnieda t-Task Force East StratCom tas-SEAE biex jindirizza l-kampanji Russi tad-diżinformazzjoni
Din il-paġna ġiet rieżaminata l-aħħar: 20 Jannar 2026
