Ħarsa ġenerali
Matul dawn l-aħħar 5 snin, l-UE wittiet it-triq lejn programm ta’ modernizzazzjoni ambizzjuż. Matul dan il-mandat, il-Kummissjoni Ewropea se tiffoka fuq l-implimentazzjoni, l-investiment u r-riforma biex tħejji għall-futur. Dan se jinvolvi l-iżvilupp ta’ baġit tal-UE aktar sempliċi u li jħalli impatt akbar biex il-fondi jiġu pprovduti fejn huma l-aktar meħtieġa; l-implimentazzjoni ta’ riformi biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb ta’ unjoni akbar u t-tisħiħ tas-sħubija bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew. Il-ħidma f’dawn l-oqsma se tolqot l-azzjonijiet dwar il-prijoritajiet l-oħra tagħna u se tirrikjedi lill-istituzzjonijiet u l-pajjiżi tal-UE jaħdmu flimkien bħala tim.
X’appoġġ joffri l-baġit tal-UE?
Objettivi
- Baġit ġdid adattat għall-ambizzjonijiet tagħna
biex nużaw il-kapaċità finanzjarja tagħna bl-aħjar mod possibbli
- Aġenda ta’ riforma ambizzjuża għall-Ewropa
biex niżguraw il-funzjonament tajjeb ta’ Unjoni akbar
- Tisħiħ tas-sħubija mal-Parlament Ewropew
biex niksbu r-riżultati flimkien b’mod aktar effettiv
Kif se nilħqu l-objettivi tagħna
Matul il-mandat tal-Kummissjoni bejn l-2024 u l-2029, u bl-għan li nżommu lill-Ewropa fit-triq tagħha ta’ modernizzazzjoni u tħejjija għall-futur, se nwasslu
Baġit ġdid adattat għall-ambizzjonijiet tagħna
Biex inkomplu nwettqu l-ambizzjonijiet tagħna, neħtieġu baġit tal-UE modern u msaħħaħ. Għal dan l-għan, aħna se:
- nipproponu baġit ġdid fit-tul fl-2025, li jkun aktar iffukat fuq il-prijoritajiet tagħna, aktar sempliċi fil-mod kif jaħdem, u li jħalli impatt akbar permezz ta’ żieda fl-ingranaġġ tal-finanzjament nazzjonali, privat u istituzzjonali
- nipprovdu l-fondi tal-UE biss meta l-istat tad-dritt jitħares
- insaħħu u nimmodernizzaw id-dħul għall-baġit tal-UE b’riżorsi proprji ġodda biex niżguraw finanzjament suffiċjenti għall-prijoritajiet komuni tagħna
- nagħtu spinta lill-finanzjament tal-azzjoni esterna tagħna, biex ikollu impatt akbar u jkun aktar maħsub għas-sħab tagħna u aktar allinjat mal-interessi strateġiċi tagħna

Biex niżguraw il-funzjonament tajjeb tal-Unjoni tagħna fid-dawl ta’ tkabbir futur, neħtieġu riformi ambizzjużi. Jeħtieġ ikollna l-għodod biex nindirizzaw l-isfidi ġeopolitiċi u ntejbu l-leġittimità demokratika. Biex niksbu dan, se:
- nissoktaw bis-segwitu tal-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa
- nappoġġaw bidliet fit-trattati meta dawn ikunu jistgħu jtejbu l-Unjoni tagħna
- naħdmu biex niżguraw li kemm il-pajjiżi tal-UE kif ukoll il-pajjiżi futuri tal-UE jkunu lesti meta l-UE titkabbar
- nippreżentaw ir-rieżamijiet tal-politiki ta’ qabel it-tkabbir li jiffukaw fuq setturi individwali bħall-istat tad-dritt, is-suq uniku, is-sigurtà tal-ikel, id-difiża u s-sigurtà, il-klima u l-enerġija, u l-migrazzjoni
- nippreżentaw proposti biex insaħħu l-kapaċità tal-Ewropa li taġixxi, billi neżaminaw formati u proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ġodda, inkluż għal Unjoni akbar

Biex insaħħu s-sħubija tagħna mal-Parlament Ewropew, ħalli nkunu nistgħu niksbu r-riżultati flimkien b’mod aktar effettiv, se:
- inkomplu nappoġġaw l-inizjattivi leġiżlattivi tal-Parlament Ewropew
- insaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni tagħna mal-Parlament, fejn il-Kummissarji se jieħdu sehem fi djalogi strutturati mal-kumitati Parlamentari meta l-Parlament jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal liġi (f’konformità mal-Artikolu 225 tat-TFUE)
- naħdmu mal-Parlament Ewropew biex nirrevedu l-Ftehim Qafas tagħna ħalli nsaħħu r-responsabbiltà politika konġunta tagħna, inżidu l-fluss tal-informazzjoni u niżguraw trasparenza akbar
- insaħħu d-djalogu tagħna u niżguraw li l-Kummissarji jkunu aktar preżenti fil-kumitati rispettivi tagħhom u fis-sessjonijiet plenarji tal-Parlament.

Progress s’issa
Immonitorja, segwi, u ibqa’ aġġornat dwar il-progress ta’ inizjattivi ġodda, liġijiet proposti u bidliet leġiżlattivi fil-qafas ta’ din il-prijorità.
- 16 ta’ Novembru 2024
Ftehim politiku dwar il-baġit annwali tal-UE għall-2025
- 7 ta’ Frar 2024
Ftehim politiku dwar ir-reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-2021-2027
- 21 ta’ Novembru 2023
Il-Kummissjoni tniedi ċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew tal-2024 li jgħin jidentifika l-isfidi ekonomiċi u soċjali fl-UE
Fiċ-ċentru tal-attenzjoni
Skont ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tagħha tal-politika ta’ koeżjoni, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet emendi tal-liġijiet eżistenti u stiednet lill-pajjiżi tal-UE jaġġustaw il-programmi ta’ koeżjoni tagħhom biex jinvestu fil-prijoritajiet strateġiċi tal-UE. Il-prijoritajiet jirriflettu l-aktar sfidi urġenti tal-UE u jinkludu t-titjib tal-kompetittività, id-difiża, is-sigurtà u l-appoġġ tal-UE għar-reġjuni tal-fruntiera tal-Lvant kif ukoll l-akkomodazzjoni affordabbli, ir-reżiljenza tal-ilma, u t-tranżizzjoni tal-enerġija. Il-Kummissjoni qed tfittex li fl-2025, tikkonkludi l-eżerċizzju ta’ riprogrammazzjoni tal-koeżjoni mal-pajjiżi u r-reġjuni tal-UE, biex il-programmi l-ġodda jkunu jistgħu jibdew jiġu implimentati kmieni fl-2026. Il-politika ta’ koeżjoni għandha rwol ewlieni li tnaqqas id-disparitajiet bejn ir-reġjuni tal-UE għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u tagħmel lill-UE aktar kompetittiva, sostenibbli u ekwa.

Min hu inkarigat?

Il-Viċi President Eżekuttiv għall-Koeżjoni u r-Riformi

Il-Kummissarju għall-Kummerċ u għas-Sigurtà Ekonomika kif ukoll għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u għat-Trasparenza

Il-Kummissarju għall-Ekonomija u għall-Produttività kif ukoll għall-Implimentazzjoni u għas-Simplifikazzjoni

Il-Kummissarju għall-Baġit, għall-Ġlieda Kontra l-Frodi u għall-Amministrazzjoni Pubblika