Il-Kummissjoni Ewropea qed tikkoordina rispons Ewropew komuni għat-tifqigħa tal-coronavirus. Qed nieħdu azzjoni determinata biex insaħħu s-setturi tas-saħħa pubblika tagħna u ntaffu l-impatt soċjoekonomiku fl-Unjoni Ewropea. Qed nimmobilizzaw il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħna biex ngħinu lill-Istati Membri jikkoordinaw ir-rispons nazzjonali tagħhom u qed nipprovdu informazzjoni oġġettiva dwar it-tixrid tal-virus u l-isforzi effettivi biex jiġi kkontrollat.
Il-President von der Leyen stabbilixxiet tim ta’ rispons għall-Coronavirus fil-livell politiku biex jikkoordina r-rispons tagħna għall-pandemija.
Matul dawn iż-żminijiet ta’ kriżi, fl-Unjoni Ewropea kollha, il-pajjiżi, ir-reġjuni u l-ibliet qed jagħtu daqqa t’id lill-ġirien u qed tingħata assistenza lil dawk l-aktar fil-bżonn: donazzjonijiet ta’ tagħmir protettiv bħall-maskri, trattamenti transfruntieri ta’ pazjenti morda u r-ritorn f’pajjiżhom ta’ ċittadini li kienu barra u baqgħu l-art. Din hija s-solidarjetà Ewropea fl-aqwa tagħha.
Vaċċini sikuri kontra l-COVID-19 għall-Ewropej
Vaċċin sikur u effettiv huwa l-aħjar mod biex negħlbu l-coronavirus u nerġgħu lura għall-ħajja normali tagħna.
Il-Kummissjoni Ewropea ilha taħdem bla heda biex tiżgura dożi ta’ vaċċini potenzjali, li jistgħu jiġu xxerjati ma’ kulħadd.
Punti ewlenin

L-Awtorità tal-Kummissjoni għat-Tħejjija u għar-Rispons (HERA) f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa, iffirmat Kuntratt Qafas tal-akkwist konġunt għall-provvista ta’ Paxlovid, li hu trattament għall-pazjenti bil-COVID-19 f’riskju li jiżviluppaw mard serju. Il-kuntratt ġie ffirmat mal-kumpanija farmaċewtika Pfizer u jibqa’ għaddej għal perjodu inizjali ta’ 12-il xahar.