X’tagħmel l-UE
L-aċċess għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi hu dritt taċ-ċittadini kollha. L-UE u l-Istati Membri tagħha qed jistinkaw flimkien biex itejbu l-eżiti edukattivi, inaqqsu r-rati tat-tluq bikri mill-iskola, u jxejnu d-distakki tal-ħiliet.
Filwaqt li l-pajjiżi tal-UE huma responsabbli għas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom stess, l-Unjoni Ewropea tgħinhom jipprovdu edukazzjoni ta’ kwalità bi skambji ta’ prattika tajba, billi toħloq miri u parametri referenzjarji, u billi tipprovdi finanzjament u għarfien espert.
Il-politika tal-UE dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ timmira li tneħħi l-ostakli għat-tagħlim u twessa’ l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd. Fost l-inizjattivi ewlenin hemm li tinbena ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni għal kollaborazzjoni madwar l-UE kollha b’rabta ma’ dawn l-għanijiet.
Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni hi maħsuba biex:
- iżżid il-kwalità u l-ekwità fl-edukazzjoni u t-taħriġ,
- tappoġġa lill-għalliema, lill-ħarrieġa u lill-mexxejja tal-iskejjel
- tippromwovi l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali ta’ kulħadd
- tħeġġeġ inizjattivi tal-edukazzjoni ekoloġika
- issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi madwar id-dinja

Oqsma ta’ azzjoni
L-UE tappoġġa l-edukazzjoni, il-kooperazzjoni istituzzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja
Intejbu l-ħiliet fil-qari, fil-matematika, fix-xjenza, diġitali u ċiviċi fost l-etajiet kollha bi pjan ta’ azzjoni apposta
Nippromwovu l-istatus tal-għalliema u l-iżvilupp professjonali tagħhom
Nippromwovu soluzzjonijiet tal-edukazzjoni diġitali u nkattru l-ħiliet diġitali fost l-istudenti u l-għalliema
Isaħħu l-edukazzjoni biex nappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u s-sostenibbiltà
Sir af iżjed kif l-UE qed tappoġġa l-iskambju u l-kooperazzjoni internazzjonali
Il-pjan tagħna hu li nnaqqsu d-distakki tax-xogħol u tal-ħiliet li qed iżommu lura t-tkabbir Ewropew
Kisbiet ewlenin
- B’baġit li b’kollox jaqbeż it-€28 biljun, jiġifieri d-doppju tal-finanzjament tal-programm ta’ qablu, Erasmus+ qed jiftaħ il-bibien biex bejn l-2021 u l-2027 aktar minn 10 miljun persuna jistudjaw, jitħarrġu, jiksbu esperjenza tax-xogħol jew iwettqu volontarjat f’xi pajjiż ieħor.
- Bħala parti mill-programm Erasmus+, l-inizjattiva DiscoverEU tagħti opportunità liż-żgħażagħ ta’ 18-il sena biex jiskopru l-UE b’pass tal-ivvjaġġar imħallas. Sal-lum iż-żgħażagħ ingħataw aktar minn 430,000 pass tal-ivvjaġġar biex ikollhom l-opportunità jitgħallmu aktar dwar il-kultura u l-istorja Ewropea, jagħmlu ħbieb ġodda u jtejbu l-ħiliet lingwistiċi tagħhom.
- Eluf ta’ universitajiet, skejjel u ħarrieġa jieħdu sehem f’għadd ta’ sħubijiet transfruntieri.
- Jeżistu 73 alleanza li jinvolvu lil kważi 650 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja madwar l-Ewropa, fl-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej. Dawn l-universitajiet jikkollaboraw flimkien fuq lawrji, riċerka u mobbiltà konġunti, u b’hekk jintegraw aħjar l-ambjent Ewropew tal-edukazzjoni għolja.
- Bis-saħħa tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali u l-Koalizzjoni tal-Edukazzjoni għall-Klima, l-UE qed tgħin lis-sistemi edukattivi jadattaw għall-isfidi tat-trasformazzjoni diġitali u tas-sostenibbiltà, filwaqt li tiżgura li kulħadd ikollu l-ħiliet essenzjali tas-seklu 21.
Taħt il-lenti
DiscoverEU, parti mill-programm Erasmus+, toffri pass tal-ivvjaġġar mingħajr ħlas lil żgħażagħ ta’ 18-il sena biex jivvjaġġaw madwar l-Ewropa bil-ferrovija. Hija opportunità unika biex jesploraw id-diversità tal-Ewropa, jitgħallmu dwar il-wirt kulturali u l-istorja tagħha, u jiltaqgħu ma’ nies mill-kontinent kollu. L-applikazzjonijiet għal dan iċ-ċiklu jiftħu fl-1 ta’ Ottubru u jibqgħu miftuħin sal-15 ta’ Ottubru 2026 f’nofsinhar (ħin ta’ Malta). L-applikanti magħżula jistgħu jivvjaġġaw meta jridu bejn l-1 ta’ Lulju 2027 u l-31 ta’ Mejju 2028 għal massimu ta’ 7 ijiem fuq medda ta’ xahar.

Din il-paġna ġiet rieżaminata l-aħħar: 8 April 2026