X’tagħmel l-UE
L-Unjoni Ewropea tipprovdi assistenza umanitarja kull fejn tkun l-aktar meħtieġa, u tirrispondi malajr kemm għad-diżastri kkawżati mill-bniedem kif ukoll għall-perikli naturali. Fil-qalba ta’ dan l-isforz hemm impenn qawwi biex jiġu protetti l-vittmi l-aktar vulnerabbli.
Abbażi tal-prinċipji umanitarji internazzjonali u tal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, l-appoġġ tal-UE huwa ggwidat mis-sens ta’ ġustizzja u mill-imparzjalità. L-għajnuna tasal għand il-komunitajiet milqutin bla diskriminazzjoni, irrispettivament mir-razza, il-grupp etniku, ir-reliġjon, il-ġeneru, l-età, in-nazzjonalità, jew l-affiljazzjoni politika tagħhom. Flimkien, l-Istati Membri tal-UE u l-istituzzjonijiet tagħha huma fost id-donaturi ewlenin tal-għajnuna umanitarja, b’solidarjetà ma’ dawk madwar id-dinja li għandhom bżonnijiet urġenti.

Fatti dwar l-għajnuna umanitarja tal-UE
L-oqsma ta’ azzjoni
Azzjonijiet għall-protezzjoni tat-tfal fil-kunflitti armati
Niżguraw li t-tfal ikunu jistgħu jkomplu bl-edukazzjoni u li l-għalliema jkollhom aċċess għat-taħriġ
Insaħħu r-risponsi umanitarji jew ta’ emerġenza f’pajjiżi li jkunu qed jaffrontaw kuntesti fraġli
Niżguraw li dawk l-aktar bil-ġuħ u vulnerabbli fil-kriżijiet ikollhom aċċess għal ikel sikur u nutrittiv
Assistenza lil nies spostati b’mod furzat
Għajnuna umanitarja b’rabta mas-saħħa lil dawk l-aktar vulnerabbli
Azzjonijiet min-naħa tal-UE biex tiġi indirizzata n-nutrizzjoni insuffiċjenti tat-tfal
Niggarantixxu l-protezzjoni tal-komunitajiet, mit-twassil ta’ assistenza umanitarja bażika sal-iskjerament ta’ truppi għaż-żamma tal-paċi
Noffru kenn umanitarju u siti tal-għajnuna umanitarja bħala rispons immedjat għal diżastru, jew bi tħejjija għal diżastru
Il-kisbiet ewlenin
- Il-Kummissjoni Ewropea ilha sa mill-1992 tipprovdi l-għajnuna umanitarja f’aktar minn 110 pajjiżi, u kull sena għenet lil miljuni ta’ nies madwar id-dinja kollha.
- B’inqas minn 1% tal-baġit tal-UE — madwar €3 biss għal kull ċittadin tal-UE kull sena — l-UE tagħti sostenn li jsalva l-ħajja ta’ miljuni ta’ nies madwar id-dinja. Dan il-kontribut għandu impatt qawwi, u jilħaq lil dawk li jinqabdu fi wħud mill-aktar kriżijiet devastanti tad-dinja.
- F’dawn l-aħħar snin, l-għajnuna umanitarja tal-UE kienet kruċjali fil-kunflitti fis-Sirja, fl-Ukrajna, fil-Jemen, fil-Palestina, fl-Afganistan, u fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, fejn għenet lill-komunitajiet jissopravvivu f’ċirkustanzi ta’ tbatija.
- L-għajnuna umanitarja tal-UE tiġi mobilizzata wkoll f’każijiet ta’ emerġenzi klimatiċi — pereżempju, in-nixfa fis-Saħel u fil-Qarn tal-Afrika, l-għargħar fil-Bangladesh, u l-effett El Niño fin-Nofsinhar tal-Afrika u fl-Oċean Indjan.
- L-għajnuna umanitarja tal-UE tagħmel enfasi qawwija fuq il-protezzjoni ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, inklużi t-tfal, in-nisa, il-persuni b’diżabilità, u gruppi oħrajn. Parti ewlenija ta’ dan l-isforz hija s-sostenn għall-edukazzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, sabiex it-tfal ikunu jistgħu jkomplu jitgħallmu anke matul il-kunflitt jew l-ispostament.
- L-UE tinvesti f’inizjattivi ta’ tħejjija biex tgħin lill-komunitajiet jifilħu aħjar għall-kriżijiet futuri, inklużi sistemi ta’ twissija bikrija u t-taħriġ lokali dwar ir-rispons għad-diżastri.
Taħt il-lenti
Is-sistema umanitarja internazzjonali tinsab taħt pressjoni qawwija kaġun-tal-kunflitti f’Gaża, fl-Ukrajna, u fis-Sudan. Dan, flimkien ma’ tnaqqis qawwi fil-finanzjament, ifisser prijoritizzazzjoni mill-ġdid ta’ kif titwassal l-għajnuna. Biex tirrispondi għall-isfidi li għandna quddiemna, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tadatta l-mod kif taħdem biex timmassimizza l-effettività u l-impatt tal-għajnuna umanitarja tal-UE madwar id-dinja. Bis-sistema l-ġdida, l-UE se taħdem aktar mill-qrib ma’ sħabha biex twassal l-għajnuna umanitarja b’mod sikur, tipproteġi lill-ħaddiema umanitarji, tagħmel l-għajnuna aktar effiċjenti, tingħaqad ma’ aktar organizzazzjonijiet biex tgħin lill-komunitajiet isiru aktar reżiljenti, u tnaqqas id-dipendenza fit-tul fuq l-għajnuna.

Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 27 Mejju 2026