Skip to main content

Politika ta’ privatezza għas-siti web immaniġġjati mill-Kummissjoni Ewropea

Introduzzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata li tipproteġi d-data personali tiegħek u li tirrispetta l-privatezza tiegħek fuq is-siti web kollha tagħha fid-dominju europa.eu.

Din il-politika ta’ privatezza dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Kummissjoni Ewropea hija bbażata fuq ir-Regolament (UE) 2018/1725.

Din il-politika ta’ privatezza tkopri s-siti web kollha tal-Kummissjoni Ewropea fid-dominju ec.europa.eu kif ukoll is-siti web interistituzzjonali tal-UE fid-dominju europa.eu mmaniġġjati mill-Kummissjoni. Tista’ tibbrawżja fil-biċċa l-kbira ta’ dawn is-siti web mingħajr ma tagħti data personali.  

Madankollu, f’ċerti każijiet, id-data personali tiegħek tista’ tkun meħtieġa biex jingħata servizz elettroniku. Meta tkun meħtieġa data personali għal dak l-għan, tista’ ssib aktar informazzjoni dettaljata dwar dan fi stqarrija ta’ privatezza speċifika marbuta mas-sit web. Se ssib liema servizz għandek tikkuntattja f’dik l-istqarrija ta’ privatezza speċifika.

F'dan ir-rigward:

  • kontrollur operazzjonali jiżgura l-konformità mal-istqarrija ta’ privatezza speċifika fis-seħħ għal kull servizz elettroniku
  • l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jiżgura b’mod indipendenti l-applikazzjoni interna tar-Regolament fil-Kummissjoni, u jagħti pariri lill-kontrolluri operazzjonali dwar l-obbligi tagħhom tal-protezzjoni tad-data
  • il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jaġixxi bħala awtorità ta’ sorveljanza indipendenti

Informazzjoni fi stqarrija ta’ privatezza speċifika

Meta żżur siti web oħra tal-Kummissjoni, stqarrijiet ta’ privatezza speċifiċi oħra se jkun fihom l-informazzjoni li ġejja dwar l-użu tad-data personali tiegħek:

  • l-għanijiet tal-ipproċessar u kif tiġi pproċessata d-data personali tiegħek
  • għal liema raġunijiet legali tiġi pproċessata d-data personali tiegħek
  • liema data personali tinġabar u tiġi pproċessata aktar
  • għal kemm żmien tinżamm
  • kif tiġi protetta u ssalvagwardjata
  • min għandu aċċess għad-data personali tiegħek
  • x’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom
  • lil min tikkuntattja jekk għandek mistoqsijiet jew ilmenti

Servizzi elettroniċi

Servizz elettroniku fuq is-siti web tal-ec.europa.eu hu servizz jew riżorsa li ttejjeb il-komunikazzjoni bejn in-nies u l-Kummissjoni Ewropea.

Hemm 3 tipi ta’ servizzi elettroniċi offruti fuq is-siti web tal-Kummissjoni:

  • servizzi ta’ informazzjoni li jipprovdu aċċess faċli u effettiv għall-informazzjoni
  • servizzi ta’ komunikazzjoni interattivi biex jiffaċilitaw il-konsultazzjonijiet u l-feedback
  • servizzi ta’ tranżazzjoni li jippermettu forom bażiċi ta’ tranżazzjonijiet mal-UE bħall-akkwist, l-operazzjonijiet finanzjarji, ir-reklutaġġ, ir-reġistrazzjoni għal avveniment, u l-ordni ta’ dokumenti

Europa Analytics

Europa Analytics hu s-servizz korporattiv li jkejjel l-effettività u l-effiċjenza tas-siti web tal-Kummissjoni Ewropea fuq Europa.

Inti liberu li tirrifjuta l-użu ta’ dan is-servizz – jew permezz tal-banner tal-cookies li se jidher fl-ewwel paġna li żżur jew fuq Europa Analytics.

L-għażla li ma tużax dan is-servizz ma taffettwax l-esperjenza ta’ navigazzjoni tiegħek fis-siti web Europa tal-Kummissjoni.

Aktar dwar Europa Analytics għas-siti web tal-Kummissjoni Ewropea

Aktar dwar Europa Analytics għas-siti web tal-Unjoni Ewropea

Indirizz tal-IP u ID tal-apparat

Meta taċċessa sit web tal-Kummissjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea tirċievi l-indirizz tal-Protokoll tal-Internet (indirizz IP) jew l-ID tal-apparat użat biex taċċessa s-sit web, bħala rekwiżit tekniku essenzjali.

Mingħajr din l-informazzjoni ma tkunx tista’ tistabbilixxi konnessjoni teknika bejn l-apparat tiegħek u l-infrastruttura tas-server miżmuma mill-Kummissjoni Ewropea u għalhekk ma tkunx tista’ taċċessa s-siti web tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni Ewropea żżomm din l-informazzjoni biss għaż-żmien meħtieġ biex tissodisfa t-talba, jiġifieri għat-tul tas-sessjoni tal-ibbrawżjar. Barra minn hekk, l-indirizzi IP u l-IDs tal-apparat jistgħu jiġu ssejvjati għal sena fil-log files tal-ambjent operazzjonali għas-sigurtà tad-Direttorat Ġenerali għall-Informatika jew għal skopijiet oħra (ara DPR-EC-02886 DIGIT operazzjonijiet u servizzi ta’ sigurtà tal-IT għal aktar informazzjoni).

Cookies u partijiet terzi

Xi siti web tal-Kummissjoni fuq Europa jużaw “cookies tal-ewwel parti”. Dawn huma cookies stabbiliti u kkontrollati mill-Kummissjoni, mhux minn organizzazzjoni esterna.

Aqra aktar dwar il-cookies tagħna hawnhekk.

Is-siti web tal-Kummissjoni fid-dominju ec.europa.eu jistgħu jipprovdu links għal siti terzi. Biex tuża kontenut ta’ parti terza fuq is-siti web tagħna, jista’ jkollok bżonn taċċetta t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi tagħhom, inklużi l-politiki tagħhom dwar il-cookies li ma jkollna l-ebda kontroll fuqhom.

Is-salvagwardja tal-informazzjoni

Id-data personali miġbura tinħażen mill-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’(EU,Euratom) 2017/46 tal-10 ta’ Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea.  

Il-kuntratturi tal-Kummissjoni huma marbutin bi klawżola kuntrattwali speċifika għal kwalunkwe operazzjoni ta’ pproċessar tad-data tiegħek f’isem il-Kummissjoni, u jridu jiggarantixxu l-protezzjoni tad-data u l-livell ta’ kunfidenzjalità meħtieġ mir-Regolament (UE) 2018/1725.

Id-drittijiet tiegħek bħala suġġett tad-<em>data</em>

Għandek id-dritt li tikseb aċċess għad-data personali miżmuma mill-Kummissjoni dwarek u li titlob ir-rettifika jew it-tħassir tagħha, jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar jew, fejn applikabbli, id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar jew id-dritt għall-portabbiltà tad-data. Fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-kunsens jew il-kunsens espliċitu tiegħek, għandek id-dritt li tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe ħin, mingħajr ma taffettwa l-legalità tal-ipproċessar abbażi tal-kunsens tiegħek qabel ma dan inkun ġie rtirat.

Għal kwalunkwe talba dwar l-ipproċessar tad-data personali tiegħek, nistednuk tikkuntattja lill-kontrollur operazzjonali responsabbli (kif identifikat fl-istqarrija ta’ privatezza relatata mal-attività speċifika ta’ pproċessar jew mas-servizz elettroniku).

Fejn tista’ ssib aktar informazzjoni ddettaljata

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet ta’ proċessar kollha tad-data personali mill-Kummissjoni, li jkunu ġew iddokumentati u nnotifikati lilu.

Tista’ taċċessa r-reġistru permezz tal-link li ġej: https://ec.europa.eu/dpo-register/