Ħarsa ġenerali
Id-dinja nbidlet drastikament f’dawn l-aħħar snin. L-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-gwerra f’Gaża, u l-fatt li tfaċċa grupp ġdid ta’ reġimi awtoritarji li qed jaħdmu biex jiżirgħu l-firda u jfittxu li joħolqu ordni internazzjonali alternattiv, kif ukoll l-atteġġjament aktar aggressiv taċ-Ċina u l-kompetizzjoni ekonomika inġusta min-naħa tagħha, huma biss ftit mill-eżempji li juru li l-UE trid tkun aktar assertiva biex tfittex l-interessi tagħha.
Il-Kummissjoni Ewropea se taħdem biex tiżgura li l-politika barranija u tas-sigurtà tal-UE tkun adattata biex tindirizza l-isfidi tar-realtà attwali tad-dinja. Se niddefendu u nippromwovu ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli u nistinkaw biex insaħħu r-rwol tal-istituzzjonijiet globali. B’hekk, jiġu sostnuti l-valuri tal-Ewropa u l-Ewropa tibqa’ b’saħħitha f’dinja aktar kompetittiva u instabbli.
Kif jaħsbuha l-Ewropej
Objettivi
- Li nkabbru l-Unjoni Ewropea
biex inżidu l-influwenza tagħna fix-xena globali
- Li niffukaw fuq il-viċinat usa’ tagħna
biex nippromwovu l-paċi, is-sħubijiet u l-istabbiltà ekonomika
- Naħdmu għal politika ekonomika barranija ġdida
biex nagħtu spinta lill-prosperità, is-setgħa kummerċjali, u s-sħubijiet ta’ benefiċċju reċiproku tagħna
- Li nirriformaw is-sistema internazzjonali
biex nagħmluha adattata għad-dinja tal-lum
Biex niggarantixxu li t-tkabbir tal-UE jkun konformi mal-wegħda li għamilna fit-trattati tagħna
- se niżguraw li kull pajjiż li jkollu l-ħsieb li jissieħeb fl-UE jiġi vvalutat fuq il-progress tiegħu biex jissodisfa l-kriterji kollha tal-adeżjoni, inklużi dawk dwar l-istat tad-dritt u l-valuri fundamentali, li se jkomplu jkunu l-pedamenti tal-politika tat-tkabbir tal-UE
- se nżidu l-appoġġ biex inħejju lill-pajjiżi kandidati, b’mod partikolari permezz tal-investiment u r-riformi tal-pjan ta’ tkabbir għall-Balkani tal-Punent u tal-Faċilità għall-Ukrajna

Filwaqt li niksbu r-riżultati fir-rigward tat-tkabbir, b’mod parallel se nsawru mod aktar strateġiku kif naġixxu fil-viċinat usa’ tal-UE billi
- insaħħu r-relazzjonijiet tagħna mal-Mediterran b’Patt ġdid għall-Mediterran. Dan se jiffoka fuq l-investiment u s-sħubijiet, l-istabbiltà ekonomika, il-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol, l-enerġija, u s-sigurtà fir-reġjun
- naħdmu għal waqfien immedjat mill-ġlied f’Gaża, ir-rilaxx tal-ostaġġi kollha, u żieda fil-fluss tal-assistenza umanitarja lejn Gaża
- ikollna strateġija UE-Lvant Nofsani li tfittex li l-kunflitt li għaddej f’Gaża jissolva b’mod ġust u twitti t-triq għal soluzzjoni ta’ żewġ stati biex tiġi żgurata s-sigurtà kemm għall-Iżraeljani kif ukoll għall-Palestinjani

Għall-prosperità tal-Ewropa, se nistabbilixxu politika ekonomika barranija ġdida li tiffoka fuq is-sigurtà ekonomika, il-kummerċ u l-investiment fi sħubijiet. Għal dan l-għan
- se nagħtu spinta lill-kompetittività tagħna fostna stess u ninvestu fir-riċerka f’teknoloġiji strateġiċi
- se nipproteġu l-ekonomija tagħna mill-ħrib tat-teknoloġija u mill-problemi tas-sigurtà
- se nlestu r-rieżami tal-iskrinjar tal-investiment dirett barrani, niżviluppaw metodu koordinat għall-kontrolli tal-esportazzjoni, u nindirizzaw ir-riskji li jinbtu mill-investimenti barra
- se napprofondixxu r-rabtiet tagħna ta’ kummerċ ħieles u ġust maċ-ċentri tat-tkabbir u ma’ sħabna madwar id-dinja
- se niżviluppaw sħubijiet ġodda ta’ kummerċ u investiment nodfa u napprofondixxu r-relazzjonijiet tagħna dwar il-minerali kritiċi u l-materja prima
- se ntejbu l-kummerċ ibbażat fuq ir-regoli, inkluż permezz ta’ Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ riformata u msaħħa
- se ninfurzaw il-ftehimiet kummerċjali tagħna u nużaw l-istrumenti kollha tagħna għad-difiża tal-kummerċ fejn u meta meħtieġ
- se ngħollu fil-livell lill-Global Gateway, l-inizjattiva tagħna biex ninvestu fi proġetti ta’ infrastruttura madwar id-dinja, permezz ta’ approċċ ta’ Tim Ewropa
- se nipproponu aġenda strateġika UE-Indja ġdida u nsaħħu l-kooperazzjoni tagħna mal-ASEAN
- se naħdmu mal-Ġappun, il-Korea, New Zealand u l-Awstralja
- se nixprunaw investimenti fl-infrastruttura, fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u fil-ktajjen tal-valur tal-materja prima fl-Afrika
- se napprofondixxu l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Latina u l-Karibew permezz ta’ investiment tal-Global Gateway

L-Ewropa se jkollha rwol ewlieni fir-riforma tas-sistema internazzjonali billi
- tieħu sehem attiv f’summits internazzjonali, bħas-Summit tan-NU għall-Futur, li jappellaw, fost l-oħrajn, għal rappreżentanza ekwa għar-reġjuni kollha u jindirizzaw l-iżvilupp u d-dejn
- twieġeb aħjar għat-tħassib ta’ sħabna li jintlaqtu mil-leġiżlazzjoni Ewropea
- issib metodu aktar sistematiku biex jiġi vvalutat l-impatt tal-liġijiet tagħna fuq pajjiżi mhux tal-UE u tipprovdi appoġġ aktar immirat biex tgħinhom jaġġustaw għal dawk il-liġijiet u jibbenefikaw minnhom
Il-progress s’issa
Immonitorja, segwi, u ibqa’ aġġornat dwar il-progress ta’ inizjattivi ġodda, liġijiet proposti u bidliet leġiżlattivi fil-qafas ta’ din il-prijorità.
- Marzu 2025
L-UE twiegħed €2.5 biljun b’appoġġ għas-Sirja u għar-reġjun fil-Konferenza ta’ Brussell
- Frar 2025
Jidħol fis-seħħ il-Ftehim Interim dwar il-Kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċilì
- Jannar 2025
L-UE se tipprovdi €1.9 biljun f’għajnuna umanitarja inizjali għall-2025
- Diċembru 2024
L-UE u l-Mercosur jilħqu ftehim politiku dwar sħubija rivoluzzjonarja
- 11 ta’ Ġunju 2024
L-UE tiffirma ftehimiet ġodda ta’ garanzija u ta’ għotja b’valur ta’ €1.4 biljun biex tappoġġja l-irkupru u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna
- 28 ta’ Mejju 2024
L-UE u l-Awstralja jiffirmaw sħubija dwar minerali kritiċi u strateġiċi sostenibbli
- 27 ta’ Mejju 2024
Fil-Konferenza ta’ Brussell, l-UE twiegħed €2.12 biljun b’appoġġ għall-futur tas-Sirja u tar-reġjun
- 1 ta’ Mejju 2024
Jidħol fis-seħħ il-ftehim kummerċjali bejn l-UE u n-New Zealand
- 1 ta’ Mejju 2024
L-UE tiċċelebra l-20 anniversarju tat-tkabbir tal-2004
Fiċ-ċentru tal-attenzjoni
F’Diċembru 2024 l-UE u l-pajjiżi tal-Mercosur (il-Brażil, l-Arġentina, il-Paragwaj u l-Urugwaj) iffinalizzaw in-negozjati għal ftehim ta’ sħubija ta’ benefiċċju reċiproku. Il-ftehim storiku se jiżgura u jiddiversifika l-ktajjen tal-provvista tal-UE, joħloq opportunitajiet ġodda u jnaqqas il-burokrazija għan-negozji, u jgħin biex titwaqqaf id-deforestazzjoni. Wara l-kontrolli finali, il-Kummissjoni se tibgħat proposta lill-Kunsill u lill-Parlament biex il-ftehim jiġi ffirmat u konkluż.
Min hu inkarigat

Ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, u Viċi President

Il-Kummissarju għall-Kummerċ u s-Sigurtà Ekonomika; Ir-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u t-Trasparenza

Il-Kummissarju għall-Mediterran

Il-Kummissarju għat-Tkabbir

Il-Kummissarju għas-Sħubijiet Internazzjonali