X’tagħmel l-UE?
Is-saħħa hi prijorità ewlenija għall-Unjoni Ewropea. Il-politika tal-UE dwar is-saħħa tikkomplementa l-politiki nazzjonali biex tiżgura li kull min jgħix fl-UE jkun imħares kontra theddid transkonfinali serju għas-saħħa u jkollu aċċess għal kura tas-saħħa ta’ kwalità.
Il-Kummissjoni Ewropea qed tibni Unjoni Ewropea tas-Saħħa b’saħħitha biex inħejju ruħna u nirrispondu flimkien għall-kriżijiet tas-saħħa. Qed niżguraw li
- il-provvisti mediċi jkunu disponibbli u affordabbli
- is-sistemi tas-saħħa tal-Ewropa jkunu aktar reżiljenti
- il-pajjiżi jaħdmu flimkien biex itejbu l-prevenzjoni u t-trattament għal kull tip ta’ mard.
Il-ħidma tal-UE tinkludi wkoll azzjoni dwar it-tilqim, il-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi, u l-prevenzjoni u l-limitazzjoni ta’ pandemiji u mard infettiv ieħor.
Aħna nippromwovu approċċ “Saħħa Waħda” għall-ġlieda kontra l-kanċer u mard ieħor — filwaqt li nirrikonoxxu r-rabta bejn in-nies, l-annimali, il-pjanti u l-ambjent li jaqsmu bejniethom.

Ċifri ewlenin dwar is-saħħa pubblika
Oqsma ta’ azzjoni
Insalvaw il-ħajjiet permezz tal-prevenzjoni sostenibbli tal-kanċer
Azzjonijiet u proġetti li jgħinu fit-titjib tas-saħħa mentali tan-nies
Nindirizzaw in-nuqqasijiet serji ta’ mediċini u ta’ apparati mediċi
Nippromwovu settur farmaċewtiku b’saħħtu, kompetittiv u innovattiv
Niżguraw id-disponibbiltà u l-kompetittività tal-apparati mediċi
Inħaffu l-aċċess tal-pazjenti għal teknoloġiji tas-saħħa innovattivi
Naċċessaw u nikkondividu r-rekords diġitali tas-saħħa fl-UE
Kisbiet ewlenin
- Ir-rata ta’ mortalità tat-trabi tal-UE — li tipikament tkun ta’ inqas minn 4 mewtiet għal kull 1,000 twelid ħaj — hija waħda mill-aktar baxxi fid-dinja.
- Il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tgħin lill-vjaġġaturi jieħdu l-kura jekk jimirdu waqt li jkunu qed iżuru Stat Membru ieħor tal-UE, filwaqt li l-liġi tal-UE dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali tistabbilixxi d-drittijiet taċ-ċittadini meta jaqsmu l-fruntieri għall-kura ppjanata.
- Permezz tan-networks ta’ referenza Ewropej, il-pazjenti b’mard rari jew kumpless jibbenefikaw mill-aħjar għarfien espert fl-Ewropa mingħajr lanqas biss ma jitilqu minn pajjiżhom.
- Il-kanċer hu kawża ewlenija tal-mewt fl-UE, u spiża għolja għas-sistemi tas-saħħa. Permezz tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, appoġġat minn finanzjament ta’ €4 biljun, l-UE qed tappoġġa l-prevenzjoni, id-detezzjoni, id-dijanjożi u t-trattament bikrija kif ukoll il-kwalità tal-ħajja għall-pazjenti u s-superstiti tal-kanċer.
- L-UE appoġġat bil-qawwa r-riċerka u t-tnedija tal-vaċċini kontra l-COVID-19: vaċċini sikuri u effettivi ġew żviluppati fi żmien rekord, u l-Kummissjoni assigurat biżżejjed dożi biex tħares lill-Ewropej u tgħin lill-pajjiżi terzi.
- Aħna stabbilejna l-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA, Health Emergency Preparedness and Response Authority). Il-HERA tiżgura li l-UE u l-Istati Membri jkunu mħejjija aħjar biex jiffaċċjaw it-theddid transkonfinali futur għas-saħħa, u li jkollhom biżżejjed provvisti mediċi. Eżempju wieħed: meta tfaċċat tifqigħa tal-Mpox fl-2022, l-UE assigurat it-twassil ta’ vaċċini effettivi fi ftit ġimgħat biss, bis-saħħa tar-reazzjoni malajr tal-HERA.
Taħt il-lenti
L-approċċ “Saħħa Waħda” huwa approċċ integrat u kollaborattiv li għandu l-għan li jibbilanċja u jottimizza b’mod sostenibbli s-saħħa tan-nies, tal-annimali u tal-ekosistemi.
Huwa jirrikonoxxi li s-saħħa tal-bnedmin, tal-annimali domestiċi u selvaġġi, tal-pjanti, u tal-ambjent usa’ — inkluż l-ekosistemi — huma marbuta mill-qrib u interdipendenti.
Fid-dinja interkonnessa tal-lum, dan l-approċċ huwa essenzjali għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għal theddid globali bħall-pandemija reċenti tal-COVID-19.
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 5 Novembru 2025