X’tagħmel l-UE
Għalkemm l-ispazju jista’ jidher ’il bogħod, it-teknoloġiji, id-data, u s-servizzi marbutin miegħu huma integrati profondament fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. L-ispazju għandu rwol vitali fis-soċjetà moderna: jippermettilna ninnavigaw bl-ismartphone jew insibu triqitna bil-karozza, jagħmilha possibbli li naraw it-televiżjoni bis-satellita, jgħin lill-bdiewa biex ikollhom l-aħjar għelejjel possibbli, filwaqt li jgħinna nimmonitorjaw it-tibdil fil-klima u biex ikollna s-sigurtà fil-fruntieri tagħna. Il-politika tal-UE dwar l-ispazju għandha l-għan li tagħti spinta lill-innovazzjoni teknoloġika Ewropea, toħloq l-impjiegi, u żżid il-kompetittività ekonomika, filwaqt li timmassimizza l-benefiċċji għaċ-ċittadini u s-soċjetajiet Ewropej.
L-objettivi ewlenin tal-politika tal-UE dwar l-ispazju huma:
- li tiżdied l-effiċjenza fl-agrikoltura u fis-sajd biex ikollna sigurtà aħjar tal-ikel filwaqt li nħarsu l-ambjent
- li jitjieb ir-rispons għall-kriżijiet billi jitqassru l-ħinijiet tar-rispons f’każijiet ta’ emerġenza bl-użu ta’ immaġnijiet tal-ħsara kważi f’ħin reali u komunikazzjonijiet siguri bis-satellita meta n-networks terrestri jkunu ġarrbu ħsara jew ma jkunux jistgħu jintużaw
- li jitħares l-ambjent u li titkompla l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima permezz ta’ monitoraġġ bis-satellita tal-inkwinanti atmosferiċi, tal-gassijiet serra, tas-saff tal-ożonu, u tal-effetti tagħhom fuq il-kwalità tal-ilma u fuq ir-riżorsi naturali
- li tiżdied is-sigurtà billi tiġi identifikata l-immigrazzjoni illegali, tiġi miġġielda l-piraterija fuq il-baħar, tiġi evitata l-kriminalità transfruntiera, u jingħata sostenn lill-infurzar tal-liġi permezz ta’ data bbażata fl-ispazju u kapaċitajiet tal-komunikazzjoni
- li t-trasport fil-bliet, fil-portijiet, fl-ajruporti, u f’ċentri loġistiċi oħrajn ikun l-aħjar li jista’ jkun billi jitjiebu l-ġestjoni tal-flotot, it-traċċabbiltà tal-bastimenti, u l-prevenzjoni tal-kolliżjonijiet
- li tingħata spinta lill-ekonomija billi jinħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja, titjieb il-kompetittività, tiġi inkoraġġita l-innovazzjoni, u titjieb il-kwalità tal-ħajja għall-Ewropej

Ċifri ewlenin
L-oqsma ta’ azzjoni
Sistema globali tan-navigazzjoni bis-satellita (GNSS, Global Navigation Satellite System) għal servizzi ta’ pożizzjonament, navigazzjoni, u sinkronizzazzjoni
Sistema Ewropea ta' navigazzjoni b'kopertura ġeostazzjonarja, li tippermetti l-użu tas-sinjali tal-GNSS għal applikazzjonijiet tas-sikurezza tal-ħajja umana fl-avjazzjoni
Osservazzjoni Ewropea tad-dinja u monitoraġġ ibbażat fuq data satellitari u mhux spazjali
Il-monitoraġġ u l-protezzjoni tar-riżorsi spazjali
Sistema sigura tal-komunikazzjoni bis-satellita
Komunikazzjoni bis-satellita għall-awtoritajiet pubbliċi
Toffri appoġġ lill-imprendituri, lin-negozji ġodda, u lill-SMEs Ewropej fl-industrija spazjali
Diversi programmi li jsostnu r-riċerka u l-innovazzjoni fl-ispazju
Il-kisbiet ewlenin
- Fl-2024, l-industrija spazjali Ewropea ġġenerat €8.8 biljun f’bejgħ annwali. L-impjiegi fis-settur laħqu livell rekord ta’ kważi 66,000 post tax-xogħol. Dan kien xprunat bil-kbir mill-istartups fil-qasam spazjali. F’dawn l-aħħar 20 sena, l-Ewropa rduppjat il-forza tax-xogħol tagħha fil-qasam tal-ispazju.
- L-Inizjattiva Cassini għall-intraprenditorija fl-ispazju irnexxielha taċċellera l-ħolqien ta’ għexieren ta’ negozji ġodda u SMEs Ewropej fil-qasam tal-ispazju u offritilhom sostenn. Il-fond ta’ tkabbir tagħha, ta’ €1 biljun, ipprovda l-kapital tant meħtieġ għal kumpaniji innovattivi, filwaqt li offra wkoll opportunitajiet għal taħriġ fil-ħiliet, għall-kuntatti, u għas-sħubija.
- Il-Copernicus jipproduċi diversi terabytes ta’ data dwar l-osservazzjoni tad-dinja kuljum, u dan jagħmlu l-akbar fornitur tad-data ta’ dan it-tip fid-dinja. Il-politika tal-Copernicus dwar id-data miftuħa tiżgura l-aċċess, l-użu, u l-qsim bla ħlas ta’ din l-informazzjoni siewja.
- Il-Copernicus jaqdi mijiet ta’ eluf ta’ utenti madwar id-dinja kollha. Il-maħżen tad-data dwar il-klima, pereżempju, għandu aktar minn 250,000 utent irreġistrat – biċċa żgħira mill-ekosistema vasta tal-Copernicus.
- L-EGNOS jipprovdi sinjali msaħħin, aktar siguri, u reżiljenti li huma adattati għal applikazzjonijiet kritiċi bħall-avjazzjoni ċivili. Aktar minn 500 ajruport madwar l-Ewropa jużaw l-EGNOS biex jiggwidaw b’mod sikur l-inżul tal-inġenji tal-ajru.
- Il-Galileo ssalva l-ħajjiet! Is-sistema tiġi attivata awtomatikament fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE meta ċċempel 112 minn fuq mowbajl. Bis-saħħa tad-Direttiva dwar l-eCall, il-Galileo tgħin biex jinstabu l-vittmi ta’ inċidenti bil-karozza. Is-satelliti tagħha jistgħu jaqbdu s-sinjali tas-sinjalaturi tal-emerġenza u jittrażmettu t-twissija u l-post preċiż liċ-ċentri tas-salvataġġ. Fl-2023 biss, il-Galileo għenet madwar 1,400 ruħ madwar l-UE f’każijiet ta’ emerġenza.
- Il-Galileo hija l-bażi tan-navigazzjoni għal aktar minn 2.5 biljun smartphone, u tgħin lill-utenti jsibu triqthom, jordnaw l-ikel, jew jippjanaw ir-rotot għal mixjiet fil-muntanji. Il-kopertura globali tagħha testendi fuq l-art, fuq il-baħar, u fl-ajru.
- Biex tissaħħaħ is-sigurtà, il-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija tal-UE għall-Programm Spazjali varaw iċ-Ċentru tal-Kondiviżjoni u tal-Analiżi tal-Informazzjoni dwar l-Ispazju tal-UE. L-inizjattiva tlaqqa’ flimkien lill-kumpaniji spazjali tal-UE u dawk Norveġiżi biex isaħħu r-reżiljenza u jilqgħu għat-theddid emerġenti.
- Is-sistema tal-UE għas-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju (EU SST, EU Space Surveillance and Tracking) tikkontribwixxi għall-protezzjoni ta’ aktar minn 550 satellita madwar id-dinja minn kolliżjonijiet ma’ residwi spazjali jew ma’ satelliti oħrajn. Dawn is-servizzi jingħataw 24 siegħa kuljum mingħajr ħlas mis-Sħubija tal-SST tal-UE u mill-Front Desk tal-SST tal-EUSPA lill-entitajiet tal-UE u mhux tal-UE.
Taħt il-lenti
Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet miżuri ġodda ambizzjużi biex is-settur spazjali tal-Ewropa jsir aktar nadif, aktar sikur, u aktar kompetittiv. Ir-regoli spazjali tal-Ewropa bħalissa huma frammentati, iżommu lura l-innovazzjoni, inaqqsu s-sehem tas-suq Ewropew, u joħolqu spejjeż żejda. Qafas armonizzat fil-livell tal-UE jiggarantixxi s-sikurezza, ir-reżiljenza, u r-responsabbiltà ambjentali, filwaqt li jgħin lill-kumpaniji biex jikbru u jespandu lil hinn mill-fruntieri.
Eventi
The Directorate-General for Defence Industry and Space (DG DEFIS) is pleased to announce the second edition of the EU Access to Space Conference, a yearly event convening leaders from the space ecosystem. This edition will focus on translating policy ambitions into actionable strategies for ensuring
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 18 Mejju 2026