X’tagħmel l-UE?
Il-politiki ambjentali tal-Unjoni Ewropea għandhom l-għan li jipproteġu, jippreservaw u jtejbu l-ambjent għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-futur, u li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli.
It-tranżizzjoni ekoloġika se tippermetti liċ-ċittadini tal-UE jgħixu tajjeb, fil-limiti ekoloġiċi tal-pjaneta. Il-missjoni tagħna hija li nibnu ekonomija ċirkolariinnovattiva, ibbażata fuq ekosistemi sodi. Il-bijodiversità hija essenzjali u trid tiġi protetta u restawrata, u jridu jiġu eliminati r-riskji tat-tniġġis u tas-saħħa.
Dan l-approċċ jiġi applikat ukoll fil-livell internazzjonali, u jikkontribwixxi biex l-UE ssir punt ta’ riferiment għat-tranżizzjoni ekoloġika fix-xena globali.
L-objettivi ambjentali ewlenin tal-UE huma
- il-ksib tal-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030 u n-newtralità klimatika sal-2050
- iż-żieda tal-kapaċità ta’ adattament,it-tisħiħ tar-reżiljenzau t-tnaqqis tal-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima
- l-avvanz lejn mudell ta’ tkabbir riġenerattiv, id-diżakkoppjament tat-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi u mid-degradazzjoni ambjentali, u l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari
- il-ksib tal-ambizzjoni ta’ tniġġis żero, inkluż għall-arja, l-ilma, il-ħamrija u l-protezzjoni tas-saħħa u l-benessri tal-Ewropej
- il-protezzjoni, il-preservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u t-tisħiħ tal-kapital naturali
- it-tnaqqis tal-pressjoni ambjentali u klimatika marbuta mill-produzzjoni u l-konsum

Fatti dwar l-ambjent
L-oqsma tal-azzjoni
Skopri politiki li jippromwovu l-prodotti sostenibbli, il-ġestjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart, ir-restrizzjoni tal-emissjonijiet industrijali, l-indirizzar tal-plastik u l-iskart mill-imballaġġ.
Tgħallem kif l-UE tipproteġi l-ispeċijiet, id-dakkara, il-ħabitats u l-foresti, u tirrestawra n-natura u l-ambjent urban.
Azzjonijiet li jmexxuna lejn tniġġis żero tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija biex jinħoloq ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi.
Kif l-UE qed tindirizza n-nirien fis-selvaġġ, mill-prevenzjoni sal-iskjerament attiv tar-riżorsi
Kisbiet ewlenin
- In-Network Natura 2000 ta’ 27 000 sit protett issa jkopri kważi 1/5 tal-art fl-UE, jipproteġi mijiet ta’ speċijiet u ħabitats u jipprovdi servizzi u introjtu essenzjali għal miljuni ta’ Ewropej.
- Bis-saħħa ta’ żieda fil-produttività tar-riżorsi ta’ madwar 35 % mill-2000, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE mill-produzzjoni naqsu b’madwar 25 % bejn l-2008 u l-2021, u dan juri li t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari taqdi rwol importanti fit-triq lejn in-newtralità klimatika.
- Il-ġenerazzjoni totali tal-iskart tal-UE mill-attivitajiet ekonomiċi u mill-unitajiet domestiċi kollha naqset bi kważi 3 % matul l-aħħar għaxar snin biex laħqet 4.8 tunnellati per capita fl-2020.
- L-Ekotikketta tal-UE issa tidher fuq kważi 100,000 prodott, u tiggarantixxi impatt imnaqqas fuq l-ambjent u tipprevjeni l-greenwashing.
- Mill-2005 ’l hawn inkiseb tnaqqis ta’ 45 % fl-impatti fuq is-saħħa mit-tniġġis tal-arja, bis-saħħa ta’ titjib regolatorju u tnaqqis fl-emissjonijiet li wasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-imwiet prematuri.
- L-iskart tal-plastik fil-baħar tnaqqas b’madwar 1/3 mill-2015.
- L-UE hija mexxejja globali fl-isforzi tagħha biex tilħaq l-objettivi klimatiċi u ambjentali permezz tal-impenji internazzjonali: il-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal, il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima, u t-Trattat Globali tan-NU dwar il-Plastik.
- Diversi liġijiet ġodda importanti b’impatt fit-tul jinkludu l-Liġi dwar ir-Restawr tan-Natura, ir-Regolament dwar id-Deforestazzjoni, u r-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli.
Taħt il-lenti
Id-Direttiva tal-UE li tirrevedi l-listi ta’ sustanzi niġġiesa fl-ilmijiet tal-wiċċ u ta’ taħt l-art daħlet fis-seħħ. Din se tiżgura li l-listi jirriflettu l-aħħar parir xjentifiku u li s-sustanzi jiġu mmonitorjati aktar mill-qrib u jkunu soġġetti għal kontrolli aktar stretti.
Il-lista ta’ sustanzi niġġiesa tal-ilma tinkludi sustanzi li għadhom kif ġew identifikati u li jagħmlu ħsara lill-ambjent u lis-saħħa tal-bniedem, bħall-PFAS, il-pestiċidi, u l-farmaċewtiċi. Il-liġi riveduta tintroduċi wkoll metodu ġdid li jivvaluta l-impatt ikkombinat tas-sustanzi niġġiesa fuq il-kwalità tal-ilma, minflok ma jkejjel is-sustanzi individwalment, u dan jista’ jagħmel il-monitoraġġ aktar komplut u effiċjenti.

Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 13 Mejju 2026