X’tagħmel l-UE
L-UE għandha l-għan li tiżgura s-sigurtà taż-żona Schengen, tiżviluppa politika komuni tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil, tibni Ewropa aktar sikura, u tippromwovi l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni Ewropea taħdem mill-qrib mal-pajjiżi tal-UE u mal-aġenziji Ewropej, mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, u ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn biex tiżviluppa u timplimenta dawn il-politiki, li jikkontribwixxu biex nipproteġu u nsostnu l-ispazju ta’ libertà, sigurtà, u ġustizzja.

Fatti dwar l-affarijiet interni
Sorsi: Eurostat; Il-Parlament Ewropew
L-oqsma ta’ azzjoni
L-ispazju ta’ libertà, sigurtà, u ġustizzja mingħajr fruntieri interni
Politiki u azzjonijiet immirati biex niggarantixxu Ewropa b’aktar sikurezza u sigurtà
Regoli għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u għall-istabbiliment ta’ sistema komuni tal-ażil fil-livell tal-UE
L-iffaċilitar ta’ kooperazzjoni aktar rapida, aktar sikura, u aktar strutturata fl-infurzar tal-liġi biex jiġu miġġielda l-kriminalità u terroriżmu transfruntier fl-UE
Sħubija globali biex tiġi indirizzata d-dimensjoni esterna tal-politiki tagħna dwar l-affarijiet interni
Il-kisbiet ewlenin
- Fl-2025, l-UE ċċelebrat l-40 anniversarju ta’ Schengen. 29 pajjiż (25 tal-UE u 4 assoċjati) huma membri sħaħ taż-żona Schengen, fejn 450 miljun persuna jistgħu jivvjaġġaw mingħajr ma jridu juru passaport. Dan jgħin lil miljuni ta’ nies li jaqsmu l-fruntieri ta’ kuljum u lil 31 miljun intrapriża li jistgħu jibbenefikaw minn aċċess aktar faċli għas-suq intern.
- Il-patt dwar il-migrazzjoni u l-ażil daħal fis-seħħ fl-2024 u joffri approċċ komprensiv maħsub biex isaħħaħ u jintegra l-politiki ewlenin tal-UE dwar il-migrazzjoni, l-ażil, il-ġestjoni tal-fruntieri, u l-integrazzjoni. B’regoli sodi iżda ġusti, huwa mfassal biex nimmaniġġjaw u ninnormalizzaw il-migrazzjoni fit-tul.
- Aktar reċentement, fl-2025, il-Kummissjoni pproponiet sistema Ewropea komuni għar-ritorni, qafas legali ġdid bl-għan li jkun hemm proċeduri ta’ ritorn aktar rapidi, aktar sempliċi, u aktar effettivi madwar l-Unjoni Ewropea, li jikkomplementaw ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil.
- Fl-2025, il-Kummissjoni ppreżentat il-ProtectEU, l-istrateġija Ewropea l-ġdida tas-sigurtà interna. L-istrateġija tistabbilixxi viżjoni għal UE aktar b’saħħitha, bl-objettiv li nantiċipaw, nipprevjenu, u nirrispondu b’mod konġunt għat-theddid għas-sigurtà, filwaqt li niggarantixxu l-paċi, l-istabbiltà, u l-prosperità għaċ-ċittadini tal-UE.
Taħt il-lenti
Il-ProtectEU tindirizza x-xenarju tat-theddid li qed jevolvi u għandha tliet objettivi ewlenin: it-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-protezzjoni tan-nies, l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà fil-politika tal-UE u fl-azzjoni esterna, u t-tisħiħ ta’ approċċ mifrux mas-soċjetà kollha biex jiġu żgurati sigurtà u sikurezza komprensivi.
Is-suġġetti koperti mill-istrateġija jinkludu:
- it-theddid ibridu u atti ostili oħrajn
- Iċ-ċibersigurtà u s-sigurtà online, inkluża ċ-ċiberkriminalità
- Il-kriminalità organizzata u t-traffikar tad-drogi
- It-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni
- L-armi tan-nar
- It-traffikar tal-bnedmin
- L-abbuż sesswali tat-tfal
- Il-kriminalità finanzjarja
- L-innovazzjoni u l-prospettiva
- L-għoti tas-sostenn lill-kooperazzjoni tal-pulizija

Din il-paġna ġiet rieżaminata l-aħħar: 8 April 2026