It-tkabbir tal-UE huwa mutur ewlieni għas-sigurtà, il-paċi, l-istabbiltà, u l-prosperità fit-tul fl-Ewropa. Jippromwovi valuri komuni, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, u r-rispett għad-drittijiet fundamentali, filwaqt li jiffavorixxi t-tkabbir ekonomiku.
Il-politika tat-tkabbir tapplika għall-pajjiżi li bħalissa qed jaspiraw li jingħaqdu mal-UE u li huma kandidati potenzjali. Il-prospett tas-sħubija hu stimulu qawwi biex isiru riformi demokratiċi u ekonomiċi fil-pajjiżi li jridu jsiru Stati Membri tal-UE.
Il-Kummissjoni tgħin lill-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fl-Unjoni Ewropea biex jissodisfaw il-kriterji neċessarji u ssostnihom fl-implimentazzjoni tar-riformi ekonomiċi u demokratiċi relatati.

L-objettivi ewlenin tal-politika tat-tkabbir tal-UE huma li
- nippromwovu l-paċi u l-istabbiltà fir-reġjuni qrib il-fruntieri tal-UE
- nikkontribwixxu għat-titjib tal-kwalità ta’ ħajjet in-nies permezz tal-integrazzjoni u l-kooperazzjoni bejn naħa u oħra tal-fruntieri
- inżidu l-prosperità u l-opportunitajiet għan-negozji u ċ-ċittadini Ewropej
- nipprovdu gwida, nappoġġaw, u nimmonitorjaw il-bidliet f’pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fl-Unjoni Ewropea f’konformità mal-valuri, il-liġijiet, u l-istandards tal-UE
Kellna seba’ ċikli ta’ tkabbir, li kull darba ttrasformaw kemm lill-Unjoni Ewropea kif ukoll lill-pajjiżi li ssieħbu. Illum il-ġurnata l-Unjoni Ewropea għandha 27 pajjiż. Bħalissa hemm 10 membri aspiranti li huma involuti fil-proċess tal-adeżjoni.
Kif jaħdem it-tkabbir tal-UE
Liema pajjiżi jistgħu jissieħbu fl-UE?
Kull pajjiż Ewropew jista’ japplika għas-sħubija jekk ikun jirrispetta l-valuri demokratiċi tal-UE u jkun impenjat li jippromwovihom.
Pajjiż jista’ jissieħeb biss jekk ikun jissodisfa l-kriterji kollha tas-sħubija.
X’inhuma l-passi li pajjiż irid jieħu biex jissieħeb?
Hemm 3 stadji prinċipali li huma suġġetti għall-approvazzjoni tal-Istati Membri kollha tal-UE.
Matul il-proċess tal-adeżjoni, il-Kummissjoni tgħin lill-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fl-UE biex jissodisfaw il-kriterji neċessarji għas-sħubija, u ssostnihom fl-implimentazzjoni tar-riformi ekonomiċi u demokratiċi relatati. Ir-riżultati ta’ dawn ir-riformi jridu jkunu konkreti, sostenibbli, u irriversibbli.
Meta n-negozjati u r-riformi li jmorru magħhom jitlestew u jkun hemm qbil dwarhom miż-żewġ naħat, il-pajjiż ikun jista’ jissieħeb fl-UE – jekk jaqblu l-Istati Membri kollha tal-UE.
Oqsma fejn trid tittieħed azzjoni
L-obbligi li l-pajjiżi jridu jissodisfaw qabel ma jissieħbu fl-UE, u kif l-UE ssostni lill-pajjiżi li qegħdin fil-proċess tal-adeżjoni biex jistabbilixxu soċjetà bbażata fuq l-istat tad-dritt
Kif l-UE tappoġġa l-libertà tal-espressjoni kif ukoll il-libertà u l-integrità tal-midja fil-pajjiżi li qegħdin fil-proċess tal-adeżjoni
Dak li tagħmel l-UE biex tappoġġja l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja soċjali u politika fil-pajjiżi li qegħdin fil-proċess tal-adeżjoni
Kif l-UE tippromwovi l-kooperazzjoni biex tindirizza l-isfidi komuni fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent
Il-Balkani tal-Punent qed jibnu suq komuni biex jintegraw aħjar lir-reġjun mas-Suq Uniku tal-UE qabel ma sseħħ l-adeżjoni
Il-kriterji ekonomiċi li l-pajjiżi jridu jissodisfaw qabel ma jissieħbu fl-UE, u kif l-UE ssostni lill-pajjiżi biex jagħmlu r-riformi ekonomiċi meħtieġa
L-UE tipprovdi assistenza finanzjarja u teknika biex tappoġġa r-riformi fir-reġjun tat-tkabbir
Il-kisbiet ewlenin
- It-tkabbir żied il-prosperità, tejjeb l-istandards tal-għajxien, u saħħaħ id-demokrazija u s-sigurtà kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi involuti fil-proċess tal-adeżjoni.
- L-impenn tal-UE fil-Balkani tal-Punent għen biex jissolva l-kunflitt, jiġu promossi l-kooperazzjoni u r-rikonċiljazzjoni, u jingħata sostenn biex fir-reġjun isiru riformi demokratiċi u ekonomiċi.
- L-UE saret l-akbar suq uniku fid-dinja li għamilha sieħeb kummerċjali saħansitra aktar attraenti. Mill-2004 ’l hawn, il-kummerċ internazzjonali globali tagħna kiber u fl-2023 laħaq il-€5 triljun.
- L-ekonomija tal-UE kibret b’27 % mill-2004, meta 10 pajjiżi saru Stati Membri, ’l hawn.
- Bis-saħħa tal-investimenti u l-fondi tal-UE, madwar is-27 Stat Membru nbnew infrastruttura u konnessjonijiet moderni fuq skala kontinentali.
- Is-soċjetà Ewropea bbenefikat minn aktar innovazzjonijiet, investimenti pubbliċi u privati, il-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-kapital u tan-nies, standards ogħla u opportunitajiet akbar.
Taħt il-lenti
Fl-1 ta’ Jannar 1986, il-Portugall u Spanja ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea, u għenuha tikber għal 12-il pajjiż u kkontribwew għal komunità politika, ekonomika u kulturali aktar vibranti. Is-sħubija tagħhom għenet biex jinħolqu miljuni ta’ impjiegi ġodda, jiġu mmodernizzati l-ekonomiji u l-infrastruttura, u jiġu intensifikati r-rabtiet kummerċjali. Saħħet id-demokrazija, avvanzat il-progress soċjali, u qawwiet il-konnessjonijiet bejn iċ-ċittadini permezz tal-mobbiltà u l-ivvjaġġar tal-istudenti. Flimkien, l-UE, il-Portugall u Spanja saru aktar b’saħħithom.

Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 1 Jannar 2026