X’qed tagħmel l-UE
L-UE qed taħdem biex issawwar il-preżent u l-futur diġitali tal-Ewropa. Qed tappoġġa, tiffinanzja u tirregola teknoloġiji ġodda biex issaħħaħ id-demokrazija tagħna u biex l-Ewropa ssir aktar sikura, aktar kompetittiva u teknoloġikament indipendenti. L-UE qed tistabbilixxi wkoll ir-regoli dwar kif għandhom jintużaw il-pjattaformi online u l-intelliġenza artifiċjali (AI).
Biex tiżgura l-futur diġitali tal-Ewropa, l-UE timmira li ssir kontinent ewlieni fl-innovazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali (AI) u t-teknoloġiji strateġiċi, filwaqt li tkun tista’ tistrieħ fuq is-sistemi u l-għodod diġitali tagħha stess.
Biex issaħħaħ id-demokrazija, l-UE tiżgura li l-liġijiet diġitali jkunu jipprovdu spazju sikur u swieq online ġusti, jappoġġaw il-midja ħielsa u jiġġieldu d-diżinformazzjoni.
U biex tagħmel l-Ewropa aktar sikura, l-UE tinvesti fiċ-ċibersigurtà ħalli tiddefendi s-sigurtà tagħha mit-theddid ċibernetiku u ibridu.
Il-politika diġitali tal-UE għandha l-objettivi ewlenin li:
- tagħmel l-għodod u s-servizzi tal-AI sikuri u affidabbli,
- iżżid l-indipendenza Ewropea fit-teknoloġiji diġitali strateġiċi (bħall-AI, is-semikondutturi, il-cloud u l-kwantum),
- tippermetti lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet jaqsmu d-data bejniethom mingħajr xkiel,
- trawwem u tipproteġi l-infrastruttura diġitali kritika tal-Ewropa
- tiffaċilita konnettività sigura u rapida,
- tagħmel il-pjattaformi online aktar sikuri u aktar affidabbli,
- tipproteġi l-libertà tal-midja u d-demokrazija online
- tilħaq il-miri tad-Deċennju Diġitali tal-Ewropa sal-2030.

Ċifri ewlenin
Oqsma ta’ azzjoni
Pjan bil-bniedem fiċ-ċentru biex jintlaħqu l-miri diġitali ambizzjużi tal-Ewropa sal-2030
Iċ-ċentru tal-għarfien espert tal-UE li jappoġġa l-iżvilupp sikur u affidabbli tal-AI
Miżuri tal-UE li jipproteġu lill-Ewropa mit-theddid ċibernetiku u li jipprovdu ambjent online sikur
Naħtfu l-potenzjal tad-data biex nagħtu spinta lill-ekonomija tagħna b’mod li jirrispetta l-valuri Ewropej
Lill-UE nagħmluha l-aktar kontinent konness sal-2030 b’aċċess għall-internet b’veloċità għolja għal kulħadd
Appoġġ għat-tranżizzjoni diġitali tal-UE, lis-settur awdjoviżiv u lill-midja ħielsa
Regoli tal-UE għal spazju diġitali sikur li jipproteġi lill-utenti u li jirregola lill-pjattaformi u l-intermedjarji online
Regoli tal-UE għall-pjattaformi online li jaġixxu bħala gwardjan ħalli jkollna suq diġitali ġust u kompetittiv
Nipproteġu u nagħtu s-setgħa lit-tfal u liż-żgħażagħ biex jibqgħu sikuri online
Kisbiet ewlenin
- L-UE kienet pijuniera bit-tfassil ta’ qafas legali li jirregola lill-pjattaformi online u l-intelliġenza artifiċjali fl-UE, u b’hekk stabbiliet standards dinjin għar-regolamentazzjoni diġitali.
- Ħolqot qafas biex l-Ewropa ssir aktar kompetittiva, tiġi ffaċilitata l-innovazzjoni u jitħeġġeġ użu aħjar tad-data — b’ċerti azzjonijiet fosthom finanzjament immirat (ngħidu aħna għas-semikondutturi), u inizjattivi bħal proġetti ta’ diversi pajjiżi, jew iċ-Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali.
- L-UE investiet f’teknoloġiji mill-aktar avvanzati, fosthom il-computing ta’ prestazzjoni għolja u t-teknoloġiji kwantistiċi, u stabbiliet il-fabbriki tal-AI.
- Biex issaħħaħ id-demokrazija u tagħti r-riedni f’idejn iċ-ċittadini, l-UE introduċiet bosta għodod fosthom il-kartiera Ewropea tal-identità diġitali (eID), ippromwoviet il-ħiliet diġitali, ipproteġiet id-drittijiet tal-ġurnalisti u appoġġat il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni.
- L-UE espandiet l-infrastrutturi diġitali u tejbet il-konnettività, filwaqt li bniet il-kapaċità f’bosta oqsma, miċ-ċibersigurtà għall-komunikazzjoni elettronika, sal-cables ta’ taħt il-baħar.
Taħt il-lenti
Peress li t-tfal qed iqattgħu aktar ħin online minn qatt qabel, is-sikurezza tagħhom saret ta’ tħassib ewlieni. Biex ikun evitat l-esponiment għal kontenut dannuż u illegali, il-Kummissjoni qed tipproponi soluzzjoni Ewropea innovattiva.
Bl-App Ewropea għall-verifika tal-età, l-utenti jkunu jistgħu jagħtu prova tal-età tagħhom mingħajr ma jagħtu data personali bla bżonn u jibqgħu jużaw l-internet bi privatezza sħiħa. Din tiżgura wkoll li t-tfal ma jkunux jistgħu jaċċessaw kontenut mhux xieraq.
L-App issa hija lesta biex tibda tintuża. Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE biex iħaffu l-introduzzjoni tagħha ħalli ssir disponibbli għaċ-ċittadini sa tmiem l-2026.

Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 22 Mejju 2026