Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jittieħdu permezz ta’ proċess kolleġġjali u definit sew, li hu rregolat mit-Trattati u mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni. Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jistgħu jkunu ta’ natura leġiżlattiva, bħal proposti leġiżlattivi indirizzati lill-istituzzjonijiet l-oħrajn, jew atti legali, bħal atti ta’ implimentazzjoni u delegati. Jistgħu jkunu wkoll ta’ natura mhux leġiżlattiva, bħal komunikazzjonijiet dwar strateġiji politiċi u rapporti indirizzati lill-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-UE, jew deċiżjonijiet biex jinfetħu proċeduri ta’ ksur.
Il-Kummissjoni tadotta proposti leġiżlattivi abbażi tad-dritt tagħha ta’ inizjattiva leġiżlattiva (l-Artikolu 17(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea). Dan ifisser li l-Kummissjoni hija responsabbli għall-abbozzar u l-proponiment ta’ liġijiet ġodda u atti legali oħrajn li jiġu nnegozjati mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qabel ma jiġu adottati. Bħala riżultat ta’ dawn in-negozjati, il-liġi finali tal-UE tista’ tvarja sostanzjalment mill-proposta mressqa mill-Kummissjoni.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tippreżenta kwalunkwe proposta xierqa dwar kwistjonijiet li dwarhom iqisu li huwa meħtieġ att tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-trattati.
Meta tingħata s-setgħa mill-Kunsill u mill-Parlament, il-Kummissjoni tista’ wkoll tadotta atti delegati jew ta’ implimentazzjoni. L-atti delegati jemendaw jew jissupplimentaw elementi mhux essenzjali ta’ strument legali. L-atti ta’ implimentazzjoni huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tal-Liġi tal-UE. Fil-proċess li jwassal għall-adozzjoni ta’ dawn l-atti, il-Kummissjoni tikkonsulta wkoll lill-Istati Membri u, fejn meħtieġ, lil partijiet ikkonċernati oħrajn permezz ta’ gruppi ta’ esperti (għal atti delegati) u taħdem taħt il-kontroll tal-Istati Membri fil-kumitati (għal atti ta’ implimentazzjoni).
Kif tippjana l-Kummissjoni
L-inizjattivi tal-Kummissjoni, b’mod partikulari l-proposti leġiżlattivi u ta’ politika, jiġu ppjanati sew minn qabel. Dan l-ippjanar jibda malli l-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni jiġu stabbiliti fil-bidu tal-mandat il-ġdid ta’ ħames snin, meta l-President elett jippreżenta l-Linji Gwida Politiċi lill-Parlament Ewropew u jiddefinixxi missjonijiet għall-membri kollha tal-Kulleġġ il-ġdid. Kull sena l-prijoritajiet għas-sena ta’ wara jiġu stabbiliti fid-diskors tal-President dwar l-Istat tal-Unjoni u fl-ittra ta’ intenzjoni. Dawn il-linji gwida politiċi mbagħad jissarrfu f’azzjonijiet konkreti fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni. Dan jistabbilixxi l-inizjattivi ppjanati għall-adozzjoni matul it-12-il xahar li jkunu ġejjin. Dan ma jżommx lill-Kummissjoni milli tadotta proposti addizzjonali, pereżempju f’każ ta’ ħtiġijiet urġenti u mhux mistennijin.
Hemm ukoll proċess separat għall-ippjanar tal-baġit fit-tul tal-UE.
Kif il-Kummissjoni tfassal il-politiki tagħha u tikkonsulta liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati
Il-politiki tal-UE huma mfasslin biex jissarrfu f’benefiċċji għaċ-ċittadini, għan-negozji, u għall-partijiet ikkonċernati fl-UE. L-għodod ta’ regolamentazzjoni aħjar jiżguraw li kull politika ġdida tkun ibbażata fuq evidenza u konsultazzjonijiet bir-reqqa, u tkun konformi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.
Qabel ma tipproponi politika jew liġi ġdida, jew rieżami ta’ dik eżistenti, il-Kummissjoni:
- tħejji “sejħa għal evidenza”, li tinkludi deskrizzjoni tal-inizjattiva u tistieden liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati jipprovdu evidenza u opinjonijiet, u tinqaleb fil-lingwi kollha tal-UE. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dan il-proċess ikun jinkludi konsultazzjoni pubblika bbażata fuq l-internet permezz ta’ portal web apposta “Semma’ Leħnek: konsultazzjonijiet pubbliċi u feedback”, li jippermetti rispons bil-lingwi kollha tal-UE. Il-Kummissjoni tuża r-rispons biex tiżviluppa l-inizjattivi;
- tevalwa l-azzjonijiet preċedenti f’oqsma relatati biex tivvaluta l-effiċjenza, l-effettività, ir-rilevanza, il-valur miżjud tal-UE, u l-koerenza tagħhom, filwaqt li tinkorpora din l-evidenza fit-tħejjija tar-rieżami tal-politika jew tal-programm;
- tagħti attenzjoni partikulari biex il-leġiżlazzjoni tinżamm sempliċi kemm jista’ jkun u biex jiġu minimizzati l-ispejjeż potenzjali tal-applikazzjoni tagħha għan-negozji u għaċ-ċittadini, skont l-approċċ “one-in-one-out” u bl-għan li jitnaqqsu l-piżijiet tar-rekwiżiti ta’ rapportar b’mill-inqas 25% (b’mill-inqas 35% għall-SMEs);
- tiġbor evidenza f’valutazzjoni tal-impatt biex tivvaluta jekk l-azzjoni tal-UE tkunx ġustifikata u, jekk iva, kif l-aħjar li titfassal biex jintlaħqu l-objettivi ta’ politika rilevanti, filwaqt li tanalizza l-impatti ambjentali, soċjali, u ekonomiċi ta’ firxa ta’ għażliet ta’ politika, filwaqt li tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà (l-ebda intervent tal-UE meta kwistjoni tkun tista’ tiġi indirizzata b’mod effettiv mill-Istati Membri tal-UE) u tal-proporzjonalità (l-azzjoni tal-UE ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi);
- tuża prospettiva strateġika biex tiżgura li l-politiki u l-inizjattivi jkunu adattati għall-isfidi futuri u jippermettu lill-UE tieħu vantaġġ mill-opportunitajiet futuri. Tiżgura wkoll li l-proposti tagħha jkunu diġitali b’mod awtomatiku u tirrispetta l-prinċipju ta’ “darba biss” qabel ma tintroduċi rekwiżiti addizzjonali.
Iċ-ċittadini jistgħu jissuġġerixxu politiki jew liġijiet ġodda tal-UE f’oqsma fejn l-UE għandha l-kompetenza permezz tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.
Agħtina l-opinjoni tiegħek u pparteċipa f’konsultazzjoni pubblika
Kif il-Kummissjoni tikkonsulta internament
Ladarba l-inizjattiva tieħu forma konkreta, tiġi ċċirkulata lid-dipartimenti rilevanti kollha tal-Kummissjoni għar-rieżami u r-rispons tagħhom. Dan il-proċess jiżgura li d-deċiżjonijiet jisfruttaw l-għarfien espert intern kollu disponibbli, b’mod li jagħti lil kull dipartiment l-opportunità li jikkontribwixxi għall-proposta u jidentifika kwistjonijiet potenzjali. Huwa biss wara li jkun ġie kkunsidrat ir-rispons tagħhom u, fejn xieraq, jiġi rifless fl-abbozz tal-inizjattiva, li dan ikun jista’ jiġi ppreżentat lill-Kulleġġ biex jiġi adottat.
Kif tiddeċiedi l-Kummissjoni
Skont in-natura u l-livell ta’ importanza politika tagħhom, inizjattiva jew dokument ieħor jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta’ waħda mill-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet li ġejjin.
Il-proċedura bil-miktub
Il-proċedura bil-miktub hija l-proċedura użata mill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjonijiet b’mod kollettiv meta ma jkunx meħtieġ dibattitu orali fil-livell politiku. F’dan il-każ, il-Membri tal-Kulleġġ jaqblu dwar inizjattiva ġdida jew dokument ieħor bil-miktub.
Il-proċedura orali
Inizjattivi jew dokumenti politikament sensittivi li jkunu jeħtieġu diskussjoni jiġu adottati permezz tal-proċedura orali matul il-laqgħat ta’ kull ġimgħa tal-Kulleġġ. Dan jinvolvi dibattitu politiku bejn il-Membri tal-Kulleġġ, preċedut minn laqgħat preparatorji fil-livell tal-Kabinetti tagħhom.
Il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u ta’ delega
Il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u ta’ delega jintużaw għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni jew amministrattivi ta’ natura ta’ rutina u rikorrenti f’oqsma ta’ diskrezzjoni limitata, dment li ma jqajmux diffikultajiet politiċi.
Meta tintuża waħda minn dawn il-proċeduri, il-Membru awtorizzat tal-Kulleġġ jew id-Direttur Ġenerali/il-Kap tas-Servizz li lilu tkun ingħatat delegazzjoni jieħu deċiżjonijiet f’isem il-Kulleġġ u taħt il-kontroll tiegħu, fil-limiti tal-mandat definit mill-Kulleġġ f’waħda mil-laqgħat tiegħu ta’ kull ġimgħa. Taħt dawn il-kundizzjonijiet, dawn il-proċeduri huma kompletament skont il-prinċipju tal-kolleġġjalità. Dawn jiffaċilitaw l-effiċjenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Kummissjoni kollha kemm hi u jippermettu lill-Kulleġġ jiffoka fuq kwistjonijiet ta’ politika pendenti.
L-inizjattiva adottata
Skont in-natura tal-inizjattiva adottata mill-Kummissjoni, it-test tagħha jintbagħat lil istituzzjonijiet u korpi oħrajn tal-UE, jew jiġi nnotifikat lill-Istati Membri jew lil destinatarji oħrajn, u/jew jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.
Inizjattivi ewlenin u dokumenti oħrajn adottati normalment jiġu ppreżentati mill-Membri tal-Kulleġġ inkarigati, jew mill-Kelliema tal-Kummissjoni fil-konferenza stampa ta’ nofsinhar, li tista’ tiġi segwita online. L-informazzjoni tiġi ppubblikata wkoll fi stqarrija għall-istampa jew fl-aħbarijiet ta’ kuljum.
Skopri aktar dwar l-istadji li tgħaddi minnhom inizjattiva matul il-proċess tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE.
Ladarba l-liġi adottata tidħol fis-seħħ, il-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tagħha. Skopri aktar dwar il-proċess tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE.