Page contents Page contents Laqgħat ta' kull ġimgħa tal-Kummissarji Il-Kulleġġ tal-Kummissarji, magħmul minn 27 Kummissarju, bħala regola ġenerali jiltaqa’ tal-anqas darba fil-ġimgħa. Din il-proċedura ta’ teħid tad-deċiżjonijiet hi msejħa l-proċedura orali. Fil-prattika, il-Kummissarji jiltaqgħu kull nhar ta’ Erbgħa filgħodu fi Brussell. Madankollu, matul is-sessjonijiet plenarji tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, il-laqgħa ssir nhar ta’ Tlieta. Barra mil-laqgħat ta’ kull ġimgħa, il-President tal-Kummissjoni jista’ jsejjaħ ukoll laqgħat straordinarji tal-Kummissjoni, meta meħtieġa miċ-ċirkostanzi. Dawn isiru biex tiġi diskussa tema partikulari, jew b’rispons għal avveniment speċifiku. Aġenda tal-laqgħat tal-Kummissjoni L-aġenda ta’ kull laqgħa hi stabbilita mill-President tal-Kummissjoni u hi marbuta mill-qrib mal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni. Kull punt fuq l-aġenda hu ppreżentat mill-Kummissarju responsabbli għall-qasam ikkonċernat. Imbagħad tittieħed deċiżjoni kollettiva dwar il-punt diskuss mill-Kummissarji kollha preżenti. L-aġenda tal-laqgħat tal-Kummissjoni Il-punti previsti għal-laqgħat futuri tal-Kummissjoni Teħid ta' deċiżjoni kollettiv Il-Kummissjoni tiffunzjona fuq il-prinċipju ta’ kolleġjalità. Id-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod kollettiv mill-Kulleġġ tal-Kummissarji, li hu responsabbli għall-Parlament Ewropew għad-deċiżjonijiet meħudin. Kull wieħed mis-27 Kummissarju għandu l-istess piż fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u huma responsabbli ugwalment għad-deċiżjonijiet meħudin. Il-kolleġjalità tiggarantixxi: il-kwalità tat-deċiżjonijiet meħudin, billi kull Kummissarju għandu jiġi kkonsultat dwar kull proposta l-indipendenza tal-istituzzjoni, għax id-deċiżjonijiet huma adottati mingħajr pressjoni partiġjana. il-qsim tar-responsabbiltà politika bejn il-Kummissarji kollha, anki meta d-deċiżjonijiet jittieħdu b’deċiżjoni ta’ maġġoranza Il-Kulleġġ jista’ jiddeċiedi wkoll dwar kwestjonijiet billi jivvota dwarhom. F’dan il-każ, maġġoranza ta’ membri tal-Kulleġġ (14 minn 27) jeħtiġilha tivvota favur id-deċiżjoni sabiex tiġi adottata. Kull membru tal-Kummissjoni għandu vot wieħed, u jista’ jitfa’ biss il-vot tiegħu hu stess. Parteċipazzjoni fil-laqgħat Il-Kummissarji huma meħtieġa li jipparteċipaw fil-laqgħat kollha tal-Kulleġġ. Jekk jittardjaw għal kwalunkwe raġuni, il-membri jeħtiġilhom jinfurmaw il-President minn qabel. Kwalunkwe assenza mil-laqgħat tal-Kulleġġ jeħtiġilha tkun limitata għal ċirkostanzi eċċezzjonali u ġustifikati. Rapporti tal-laqgħat ta’ kull ġimgħa Rapport miktub ta’ kull laqgħa tal-Kulleġġ jiġi prodott u ppubblikat onlajn. Rapporti tal-laqgħat ta’ kull ġimgħa Inizjattivi li dwarhom kien hemm qbil mill-Kummissjoni Il-Kummissjoni għandha d-dritt ta’ inizjattiva fi kwestjonijiet leġiżlattivi. Meta proposta leġiżlattiva tiġi deċiża b’mod kollettiv mill-Kulleġġ, tgħaddi għall-istadju li jmiss tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Fil-maġġoranza tal-każijiet, din tiġi trażmessa lill-Parlament Ewropew għall-eżaminazzjoni u l-adozzjoni (hi u ssegwi l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, imsejħa wkoll il-kodeċiżjoni). Fl-istess waqt, il-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi membri tal-UE huma mistiedna li jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar il-proposta u biex jikkonfermaw li hi aktar effettiva biex tittratta mal-kwestjoni fil-livell tal-UE, milli dak lokali jew reġjonali.