Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

L-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE

L-UE tuża varjetà ta’ proċeduri leġiżlattivi biex tadotta l-liġijiet. Il-proċedura tiddependi mit-tip u s-suġġett tal-proposta. Il-biċċa l-kbira tal-liġijiet tal-UE jiġu adottati b’mod konġunt mill-Parlament u mill-Kunsill, iżda jeżistu każijiet speċifiċi fejn l-adozzjoni ssir minn istituzzjoni waħda.

Il-Parlament u l-Kunsill jadottaw proċedura leġiżlattiva ordinarja

Il-biċċa l-kbira tal-liġijiet tal-UE jiġu adottati permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, fejn il-Parlament Ewropew (elett direttament) u l-Kunsill tal-UE (rappreżentanti tas-27 pajjiż tal-UE) ikollhom l-istess setgħa. Il-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva lill-Parlament u lill-Kunsill, li jridu jaqblu dwar it-test sabiex din il-proposta ssir liġi tal-UE. 

Kif jaħdem dan il-proċess

Permezz ta’ sensiela ta’ qari ta’ liġi proposta, il-Parlament u l-Kunsill jirrieżaminaw u jemendaw it-test. Jekk iż-żewġ istituzzjonijiet jaqblu dwar l-emendi, il-liġi proposta tiġi adottata. Jekk il-Parlament u l-Kunsill ma jkunux jistgħu jaqblu dwar l-emendi, isir it-tieni qari. Jekk ma jintlaħaq l-ebda qbil mat-tieni qari, il-proposta tiġi ppreżentata lil “kumitat ta’ konċiljazzjoni” magħmul minn għadd ugwali ta’ rappreżentanti tal-Parlament u tal-Kunsill. Anke r-rappreżentanti tal-Kummissjoni jattendu l-laqgħat u jagħtu l-kontribut tagħhom. Ladarba f’dan il-kumitat jintlaħaq qbil, it-test jintbagħat lill-Parlament u lill-Kunsill għat-tielet qari, sabiex fl-aħħar ikun jista’ jiġi adottat bħala liġi. Fl-okkażjonijiet rari fejn ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil, il-liġi ma tiġix adottata.

Skopri aktar dwar ir-rwol tal-Parlament u r-rwol tal-Kunsill fil-proċess standard tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE.

Proċeduri leġiżlattivi speċjali

Dawn il-proċeduri jiġu segwiti biss f’ċerti każijiet. Tipikament, il-Kunsill tal-UE jkun l-uniku leġiżlatur u l-Parlament Ewropew ikun meħtieġ biss jagħti l-kunsens tiegħu għal proposta leġiżlattiva jew jiġi kkonsultat dwarha. F’każijiet iktar rari, il-Parlament (wara konsultazzjoni mal-Kunsill) jista’ jadotta l-atti legali waħdu.

Il-Kummissjoni tadotta

Il-Kunsill jew il-Parlament jistgħu jawtorizzaw lill-Kummissjoni biex tadotta żewġ tipi ta’ atti mhux leġiżlattivi:

  • l-atti ta’ implimentazzjoni, li jintroduċu miżuri biex jiġi żgurat li l-liġijiet jiġu implimentati bl-istess mod fil-pajjiżi kollha tal-UE
  • l-atti delegati, li jemendaw jew jissupplimentaw il-liġijiet eżistenti, partikolarment sabiex jiżdiedu regoli ġodda li mhumiex essenzjali 

Atti ta’ implimentazzjoni u atti delegati

Reviżjoni tat-trattati

It-trattati tal-UE, li jiffurmaw il-bażi tad-dritt tal-UE, jistgħu jiġu riveduti biex jadattaw il-liġijiet u l-politiki tal-UE għal sfidi ġodda. Kwalunkwe tibdil li jsir fit-trattati jirrikjedi l-qbil unanimu tas-27 pajjiż tal-UE.

Hemm żewġ modi kif jiġu riveduti t-trattati: 

  • il-proċedura ta’ reviżjoni ordinarja tintuża meta t-trattati jsirulhom emendi kruċjali, bħaż-żieda jew it-tnaqqis tal-kompetenzi tal-UE
  • il-proċedura ta’ reviżjoni simplifikata tista’ tintuża biex isir tibdil relatat mal-politiki u l-azzjonijiet interni tal-UE, pereżempju, l-agrikoltura u s-sajd, is-suq intern, il-kontrolli fil-fruntieri, u l-politika ekonomika u monetarja, dment li dawn ma jestendux il-kompetenzi tal-UE

Ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali

Il-parlamenti nazzjonali jirċievu l-proposti leġiżlattivi kollha tal-Kummissjoni fl-istess ħin li jirċevuhom il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. B’hekk ikollhom iċ-ċans jirreaġixxu għall-proposti b’opinjoni.

F’oqsma fejn l-UE għandha s-setgħa konġunta li taġixxi mal-pajjiżi tal-UE, il-parlamenti nazzjonali jiċċekkjaw jekk l-azzjoni tkunx aktar effettiva fil-livell nazzjonali jew fil-livell reġjonali (il-prinċipju tas-sussidjarjetà). Dan jissejjaħ il-“mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà”.

Relazzjonijiet mal-parlamenti nazzjonali