
L-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà (EAA) jiżgura li l-prodotti u s-servizzi ewlenin – bħat-telefowns, il-kompjuters, it-televixins, is-servizzi bankarji u tal-pagament, it-trasport pubbliku, il-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku, u l-komunikazzjonijiet elettroniċi – ikunu aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà.
Fl-UE jgħixu madwar 100 miljun persuna b’diżabbiltà. L-EAA għandu l-għan li jnaqqas l-ostakli li dawn il-persuni jsibu kuljum u li jkunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà. Għadd ta’ prodotti u servizzi mibjugħa fl-UE issa jridu jissodisfaw rekwiżiti komuni tal-aċċessibbiltà. Fost ir-rekwiżiti hemm, ngħidu aħna, id-daqsijiet tat-tipa adegwati u karatteristiċi li jbiddlu l-kitba f’taħdit fit-terminals tal-pagament self-service, qarrejja elettroniċi, u smartphones.
B’mod konkret, dawn ifissru:
- It-trasport pubbliku: l-operaturi tas-sistemi jridu jirrapportaw fuq l-aċċessibbiltà tal-istazzjonijiet u s-servizzi tagħhom. L-informazzjoni dwar is-servizzi tat-trasport, bħall-iskedi jew ix-xiri tal-biljetti, u l-iskrins tal-informazzjoni fl-istazzjonijiet iridu jkunu aċċessibbli.
- In-numru ta’ emerġenza tal-UE 112: il-persuni b’diffikultajiet tal-komunikazzjoni jistgħu jaċċessaw is-servizzi ta’ emerġenza billi jużaw il-vuċi, il-kitba jew xi filmat fil-ħin reali u minn kullimkien fl-Unjoni Ewropea.
- L-ATMs: il-persuni bi dgħjufijiet tal-vista jistgħu jaċċessaw aħjar is-servizzi bankarji bis-saħħa ta’ interfaċċi aċċessibbli u multisensorji. Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-għoli jgħinu lill-utenti tas-siġġijiet tar-roti u lill-persuni ta’ statura żgħira.
- It-tagħmir tal-IT: jeħtieġ ikun aċċessibbli u kompatibbli ma’ teknoloġiji ta’ assistenza, biex il-persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu ipparteċipaw bis-sħiħ fl-impjieg.
L-att jeżiġi wkoll taħriġ obbligatorju fid-diżabbiltà u l-aċċessibbiltà għall-fornituri tas-servizzi.
L-EAA daħal fis-seħħ f’Ġunju 2025. Dan jippromwovi l-ekwità u l-ġustizzja filwaqt li jrawwem it-tkabbir, l-innovazzjoni u mobbiltà aħjar billi jiżgura livell konsistenti ta’ aċċessibbiltà madwar l-UE. Il-Kummissjoni tibqa’ kommessa li tippermetti opportunitajiet indaqs għal kulħadd u tiżgura li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.
Għal aktar informazzjoni
L-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà
Sir af il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-aċċessibbiltà
- Data tal-pubblikazzjoni
- 31 Lulju 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Aħbarijiet relatati
Commission and Irish Presidency host a high-level Equality Data Roundtable on 30 September–1 October 2026, uniting key stakeholders to improve robust, ethical equality data and shape future EU action.
Il-Kummissjoni Ewropea adottat il-pakkett ta’ mobbiltà ġusta li se jiggarantixxi d-drittijiet soċjali għall-ħaddiema, irrispettivament minn fejn jagħżlu li jgħixu fl-UE.
Tliet modi li bihom id-drittijiet soċjali jridu jiġu promossi u protetti aħjar wara valutazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali
Il-Kummissjoni ppreżentat pjan soċjali ambizzjuż maħsub biex jippromwovi d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità fil-livell tal-UE.