Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Il-garanzija tad-drittijiet soċjali għall-ħaddiema kullimkien fl-UE

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 15 Settembru 2026
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 3 min qari
Side view of sitting teacher talking to his small pupils in a classroom

 

Il-Kummissjoni Ewropea adottat il-pakkett ta’ mobbiltà ġusta li se jiggarantixxi d-drittijiet soċjali għall-ħaddiema, irrispettivament minn fejn jagħżlu li jgħixu fl-UE. Il-ħiliet professjonali tal-ħaddiema se jkunu jistgħu jinftiehmu kullimkien fl-UE u l-ħaddiema se jkunu jistgħu jagħtu prova tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali u tal-assigurazzjoni tas-saħħa tagħhom u jitolbuhom. 

Il-pakkett il-ġdid se jipproteġi aħjar ukoll lill-ħaddiema mobbli mill-abbuż u jneħħi l-piż żejjed tal-burokrazija li xxekkel lill-kumpaniji milli jirreklutaw it-talent. Iż-żminijiet ta’ stennija għar-rikonoxximent tal-kwalifiki madwar l-UE se jitnaqqsu b’mod sinifikanti, minn aktar minn sena għal ftit xhur biss. Sadattant, L-amministrazzjonijiet nazzjonali se jibbenefikaw minn kooperazzjoni aktar effiċjenti biex jinfurzaw id-drittijiet tal-ħaddiema u jikkumbattu l-frodi. 

Il-Pass Ewropew tas-sigurtà soċjali 

Il-Pass Ewropew tas-Sigurtà Soċjali se jippermetti lin-nies jitolbu u jirċievu dokumenti tas-sigurtà soċjali kompletament online, inklużi l-Kard Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa u d-dokument portabbli tal-UE A1 għall-ħaddiema stazzjonati biex tiġi żgurata kopertura tas-sigurtà soċjali mill-pajjiż ta’ oriġini waqt li jkunu qed jaħdmu temporanjament barra mill-pajjiż.  

In-nies li jiċċaqilqu lejn pajjiż ieħor tal-UE se jkunu jistgħu jaħżnu u jippreżentaw dawn id-dokumenti fil-Kartiera tal-Identità Diġitali tal-UE, filwaqt li l-amministrazzjonijiet se jkunu jistgħu jivverifikawhom malajr u b’mod sigur. 

Ir-rikonoxximent tal-ħiliet bejn Stat Membru u ieħor 

Issa se jkun possibbli li jinħarġu kwalifiki f’format diġitali standardizzat li se jkunu disponibbli fil-Kartiera tal-Identità Diġitali tal-UE. Dan se jagħmilha aktar faċli biex tiġi vverifikata l-awtentiċità tal-kwalifiki. Proċedura diġitali obbligatorja se tagħmel ir-rikonoxximent transfruntier għall-professjonisti regolati bħat-tobba, l-infermieri, l-inġinieri, u l-għalliema aktar rapidu (ħames ġimgħat minflok tliet xhur), orħos, u aktar siguri. 

Permezz ta’ oqfsa ta’ taħriġ komuni li jispjegaw is-sett minimu ta’ ħiliet u għarfien meħtieġa fi professjoni regolata speċifika, il-Kummissjoni se testendi r-rikonoxximent awtomatiku għal ċerti professjonijiet, b’mod partikolari dawk li jirreġistraw nuqqasijiet. Diġà adottat l-ewwel qafas bħal dan għall-fiżjoterapisti, waħda mill-aktar professjonijiet mobbli fl-UE.   

Se jkollna wkoll sett ta’ standards komuni għar-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba barra mill-UE għaċ-ċittadini tal-UE u għall-professjonisti ta’ pajjiżi terzi. Dan se jippermetti li l-proċeduri ta’ rikonoxximent jiġu ffinalizzati fi żmien 4 xhur. 

L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol 

L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) se jkollha għodod aktar b’saħħithom biex tappoġġa lill-pajjiżi tal-UE fl-infurzar tad-dritt tal-UE.  Uffiċjali nazzjonali ta’ kollegament għall-ispezzjonijiet iddedikati se jsaħħu l-kooperazzjoni u l-għarfien espert transfruntiera. U l-ELA issa se jkollha mandat ukoll li tindirizza l-abbużi kontra ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaħdmu fl-UE u tikkumbatti l-impjiegi illegali. 

In-nies se jaraw l-ewwel benefiċċji prattiċi ladarba l-inizjattivi jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, u l-miżuri ewlenin jidħlu fis-seħħ. Ladarba jkun kompletament fis-seħħ, huwa stmat li sal-2040 l-pakkett se jipprovdi mas-€6 biljun f’benefiċċji permezz ta’ rikonoxximent aktar mgħaġġel tal-kwalifiki professjonali, verifika f’ħin reali tad-dokumenti tas-sigurtà soċjali, l-evitar tal-frodi u ffrankar ieħor għan-negozji, għall-ħaddiema, u għall-awtoritajiet.

Għal iktar informazzjoni 

Mistoqsijiet u tweġibiet 

Skeda informattiva dwar il-Pass Ewropew tas-Sigurtà Soċjali 

Skeda informattiva dwar it-tisħiħ tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol 

Skeda informattiva dwar l-inizjattiva dwar it-trasferibbiltà tal-ħiliet 

Komunikazzjoni dwar il-Pakkett dwar il-Mobbiltà Ġusta tal-Ħaddiema 

Il-Pakkett dwar il-Mobbiltà Ġusta tal-Ħaddiema 

Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni tipproponi miżuri ambizzjużi biex issaħħaħ il-mobbiltà ġusta tal-ħaddiema 

 

Data tal-pubblikazzjoni
15 Settembru 2026
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni