Mur għall-kontenut ewlieni

Involvi ruħek

Skopri diversi modi kif tista’ tinvolvi ruħek mal-Kummissjoni Ewropea, mill-involviment fit-tfassil tal-politika għall-applikazzjoni għal finanzjament jew impjiegi tal-UE. 

Ikkontribwixxi b’mod attiv għall-ħidma tagħna

Involviment mal-Kummissjoni dwar il-politika tal-UE

Ipparteċipa b’mod attiv fit-tfassil tal-politiki Ewropej billi taqsam magħna l-fehmiet dwar il-politika u l-liġi tal-UE. 

Tista’ ssemma’ leħnek dwar l-inizjattivi tal-Kummissjoni u b’hekk tgħin biex jiġi rfinat ix-xogħol preparatorju dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE fi stadji differenti tal-proċess. Il-pjanijiet direzzjonali, l-abbozzi tal-atti, l-atti proposti u adottati normalment huma miftuħin għal perjodi ta’ feedback ta’ 4 ġimgħat.

Il-pjattaforma tal-Involviment taċ-ċittadini hija mod ieħor kif tista’ tinvolvi ruħek. Dan huwa spazju ddedikat biex tinvolvi ruħek u tiddibatti dwar il-politiki tal-UE li jaffettwawna lkoll. Il-persuni jistgħu jipparteċipaw billi jippowstjaw il-kontributi jew billi jikkummentaw jew japprovaw kontributi ta’ oħrajn. Dawn il-kontributi jipprovdu input lill-Panels taċ-Ċittadini Ewropej u jikkontribwixxu għall-proċess tat-tfassil tal-politika Ewropea.

Tista’ tgħin biex jinbdew proposti ġodda. Jekk tixtieq li l-UE tieħu azzjoni dwar kwistjoni partikolari, tista’ tniedi inizjattiva taċ-ċittadini, li titlob lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi leġiżlazzjoni tal-UE ġdida dwar dik il-kwistjoni. Tista’ wkoll tressaq petizzjoni biex titlob lill-Parlament Ewropew jinvestiga kwistjoni li taffettwak, jew tilmenta dwar kif qed tiġi applikata liġi tal-UE.

Applikazzjoni għal kuntratti ta’ finanzjament u ta’ sejħiet għall-offerti

Hemm varjetà wiesgħa ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE li tista’ tapplika għalihom bħala ċittadin jew negozju. Tgħallem kif tapplika billi tiskopri x’għandek tkun taf qabel ma tibda tapplika, kif ukoll informazzjoni dwar min jista’ jikseb il-finanzjament, il-proċess tal-applikazzjoni u l-proċedura tal-għoti. 

Uża l-Portal tal-UE għall-Offerti ta’ Finanzjament biex issib liema opportunitajiet huma disponibbli bħalissa, issib sħab jew tissottometti proposta.

Applikazzjoni għall-impjiegi

Jinteressak li taħdem għall-UE? L-UE toffri impjiegi f’diversi kategoriji tal-persunal: uffiċjali permanenti, persunal kuntrattwali u temporanju, esperti nazzjonali sekondati, trainees u oħrajn. L-applikazzjoniijiet għall-impjiegi huma mmaniġġjati mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO).

Żurna u attendi l-avvenimenti tagħna

Il-Kummissjoni għandha uffiċċji f’kull pajjiż tal-UE, għalkemm il-biċċa l-kbira tad-dipartimenti jinsabu fi Brussell jew fil-Lussemburgu. Skopri kif tista’ żżur il-Kummissjoni, l-aġenziji eżekuttivi u istituzzjonijiet, korpi u aġenziji oħra tal-UE. 

Il-gruppi fuq żjara jistgħu jiskopru r-rwol tal-Kummissjoni u jisimgħu dwar il-politiki ewlenin tagħha mill-persunal tal-Kummissjoni billi jiġu biex jaraw iċ-Ċentru tal-Viżitaturi fi Brussell. Huma organizzati programmi għar-rappreżentanti tan-negozju, il-gvern lokali, il-ġurnalisti, il-politiċi u l-istudenti. 

Viżitaturi individwali huma mistiedna jżuru ċ-Ċentru tal-wirja Experience Europe. Din hi l-wirja permanenti fi Brussell fejn tista’ ssir taf dwar il-ħidma ewlenija, il-prijoritajiet u l-politiki tal-Kummissjoni Ewropea u dwar il-valuri tal-UE f’ambjent divertenti u interattiv.

Norganizzaw ukoll diversi avvenimenti matul is-sena. Agħti daqqa t’għajn lejn il-lista tagħna ta’ avvenimenti li ġejjin biex tara kif tista’ tieħu sehem.

Agħmel kuntatt magħna fuq il-media soċjali

Nużaw diversi mezzi tal-media soċjali li jintużaw ħafna biex nippreżentaw il-ħidma tagħna. Hemmhekk ukoll tista’ tikkontribwixxi u tinvolvi ruħek f’konverżazzjonijiet u taqsam il-kontenut tagħna.