Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Insaħħu l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni għall-persuni b’diżabilità

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 6 Mejju 2026
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 2 min qari

 

Il-Kummissjoni ppreżentat pjan soċjali ambizzjuż maħsub biex jippromwovi d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità fil-livell tal-UE.

Skont l-Eurostat, 90 miljun Ewropew jgħixu b’diżabilità. Għalhekk, li jkollna inklużjoni sħiħa huwa indispensabbli— mhux biss biex niżguraw li drittijiethom jiġu rispettati, iżda wkoll biex jissaħħu l-ekonomija u d-demokrazija tal-Ewropa. Madankollu, il-persuni b’diżabilità għadhom isibu quddiem wiċċhom bosta ħitan

  • 55% biss għandhom impjieg, meta pparagunat ma’ 77% tal-persuni mingħajr diżabilità
  • 1.4 miljun għadhom jgħixu f’ambjenti istituzzjonali
  • 1 minn kull 3 qegħdin jissograw il-faqar, kważi d-doppju tal-medja tal-UE

Sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-persuni soċjoekonomikament vulnerabbli jiġu salvagwardjati u gawduti bis-sħiħ f’kull aspett tal-ħajja, jeħtieġ li tittieħed aktar azzjoni. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni qed taġġorna l-istrateġija dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità 2021–2030 u qed iżżid l-isforzi tagħha b’inizjattivi ġodda, inklużi 

  • l-introduzzjoni fil-livell tal-UE tal-Kard Ewropea tad-Diżabilità u tal-Kard Ewropea għall-Parkeġġ
  • it-tnedija ta’ Alleanza għal Għajxien Indipendenti biex l-istituzzjonijiet jiġu sostitwiti b’appoġġ ibbażat fil-komunità
  • aċċessibbiltà aħjar għat-trasport
  • investiment f’teknoloġiji ta’ assistenza bħall-għodod tal-IA

Il-pjan soċjali l-ġdid jinkludi wkoll l-ewwel strateġija tal-UE kontra l-faqar, proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni, u komunikazzjoni dwar it-tkissir taċ-ċiklu tal-faqar fost it-tfal.

L-istrateġija aġġornata hija impenn imġedded li jwieġeb għal ħtiġijiet u sfidi ġodda li tfaċċaw minn mindu ġiet ippreżentata fl-2021. Tagħti kas ukoll tar-rakkomandazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-appelli min-naħa tal-persuni b’diżabilità u tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, tal-Parlament Ewropew, u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Hija parti mill-objettivi usa’ tal-Unjoni tal-Ugwaljanza tal-UE.

Għal iktar informazzjoni

Stqarrija għall-istampa

Skeda informattiva

Mistoqsijiet u tweġibiet

L-ugwaljanza u l-inklużjoni

L-ekwità soċjali Ewropea

Data tal-pubblikazzjoni
6 Mejju 2026
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni