Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Niksbu l-indipendenza tal-Ewropa

F’dinja dejjem aktar frammentata, l-Ewropa jeħtiġilha tieħu responsabbiltà akbar għall-ġejjieni tagħha stess. Hekk kif qed joqrob id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2026, qed inħarsu lejn kif it-trasformazzjoni ta’ dik l-ambizzjoni f’realtà ggwidat il-ħidma tal-Kummissjoni matul is-sena li għaddiet.

Nipproteġu dak li jgħodd
Ħarsa ġenerali

Matul l-aħħar sena, l-UE kompliet taħdem bla heda biex tipproteġi l-libertà u l-prosperità taċ-ċittadini tagħna. Hekk kif id-dinja saret post aktar perikoluż, stinkajna wkoll biex nipproteġu aħjar lill-Unjoni kollha kemm hi u lill-pajjiżi membri tagħna. U ħadna azzjoni biex nipproteġu l-valuri fundamentali li fuqhom hija mibnija l-Unjoni tagħna.

Għamilna dan billi

  • saħħaħna d-difiża tagħna
  • saħħaħna l-fruntieri tagħna
  • irrispondejna għat-theddid kemm fi ħdan l-Unjoni tagħna kif ukoll lil hinn minnha
  • iffukajna fuq it-tiswir ta’ sistema ta’ migrazzjoni li tkun kemm ġusta kif ukoll effettiva

Nipproteġu l-valuri tagħna

L-Ewropa hija Unjoni ta’ valuri. Id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali mhux talli huma fil-qalba ta’ dak li jagħmilna min aħna, talli huma essenzjali għal mod kif taħdem l-Ewropa. Il-protezzjoni ta’ dawn il-valuri kruċjali kontra t-tnawwir li jiġi minn ġewwa u t-theddid estern kienet prijorità ċentrali għal darb’ oħra din is-sena.

L-iżgurar tar-rispett għall-istat tad-dritt

Ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa prerekwiżit għall-aċċess għall-finanzjament tal-UE. Din is-sena rajna żviluppi inkoraġġanti, b’mod partikolari fl-Ungerija. Dan juri l-importanza ta’ salvagwardji qawwija għall-fondi tal-UE, u kif dawk is-salvagwardji jistgħu jgħinu biex jixprunaw ir-riformi li jsaħħu kemm lill-Istati Membri kif ukoll l-UE kollha kemm hi.

Ir-rapport dwar l-istat tad-dritt ta’ kull sena għadu jgħin biex jipprevjeni r-rigress demokratiku, irawwem fiduċja reċiproka u jipprovdi rakkomandazzjonijiet biex jissaħħu s-sistemi ġudizzjarji, il-libertà u l-pluraliżmu tal-media, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u aktar.

Ir-rabta bejn il-finanzjament tal-UE u l-istat tad-dritt qed tissaħħaħ ulterjorment fil-proposti tagħna għall-baġit fit-tul li jmiss tal-UE. F’dak il-baġit, il-Kummissjoni se ttejjeb il-monitoraġġ tal-konformità mal-istandards tal-istat tad-dritt u l-ġestjoni finanzjarja tajba, filwaqt li tibni fuq ir-rapport dwar l-istat tad-dritt.

Il-protezzjoni tad-demokrazija fl-Ewropa

Id-demokraziji tal-Ewropa huma dejjem aktar fil-mira ta’ forzi li jfittxu li jimminaw l-elezzjonijiet tagħna, ixerrdu d-diżinformazzjoni u jifirdu s-soċjetajiet tagħna. Biex nirreaġixxu, nedejna t-Tarka Ewropea għad-Demokrazija, sensiela ta’ miżuri biex

  • nipproteġu l-elezzjonijiet ħielsa u ġusti
  • nagħtu spinta lir-reżiljenza tas-soċjetà
  • nipproteġu kontra d-diżinformazzjoni
  • insaħħu l-ġurnaliżmu indipendenti u l-litteriżmu medjatiku

Biex intejbu l-kapaċità tagħna li nidentifikaw u nirreaġixxu aħjar għal dan it-theddid, stabbilejna ċ-Ċentru Ewropew għar-Reżiljenza Demokratika, li jiġbor flimkien l-għarfien espert mill-pajjiżi kollha tal-UE.

Il-Kummissjoni qed tappoġġa wkoll programmi li jgħinu lill-komunitajiet, b’mod partikolari fiż-żoni rurali u fil-bliet iż-żgħar, jibnu l-litteriżmu medjatiku fil-ġenerazzjonijiet kollha u jsaħħu l-fiduċja fid-dibattitu demokratiku.

Protezzjoni tal-Ewropej onlajn

Għaddejjin minn perjodu ta’ bidla teknoloġika profonda, li toffri opportunitajiet inkredibbli, iżda wkoll sfidi enormi. L-Ewropa hija ċara: huma s-soċjetajiet demokratiċi, mhux il-kumpaniji tat-teknoloġija, li jiddeċiedu r-regoli li jirregolaw l-ispazju diġitali tagħna.

Permezz tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali, l-Ewropa għandha strumenti b’saħħithom biex tiżgura li r-regoli tagħha jiġu rispettati u li l-pjattaformi joperaw b’mod responsabbli u ġust. Fl-aħħar sena investigajna

  • lil TikTok dwar l-għamla tiegħu li joħloq dipendenza
  • lil Meta, dwar in-nuqqas tagħha li tinforza r-rekwiżiti tal-età minima tagħha stess
  • lil X, għall-użu ta’ Grok fil-ħolqien u t-tixrid ta’ materjal li juri abbuż sesswali tat-tfal

Immultajna wkoll pjattaformi tal-kummerċ elettroniku, bħal AliExpress għall-bejgħ ta’ prodotti illegali u mhux sikuri, u Temu talli ma vvalutatx kif xieraq ir-riskji ta’ prodotti illegali. Indirizzajna wkoll l-abbużi mill-poter fis-suq ma’ Apple, Meta u Google.

L-UE għamlet ukoll progress fil-protezzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ online, sabiex ikunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji tal-konnessjoni diġitali b’mod sikur. Min moħħu jkun għadu qed jiżviluppa spiss ikun dak l-aktar espost għal pjattaformi mfassla biex joħolqu dipendenza, għal kontenut ta’ ħsara u għal pressjoni fuq l-Internet. Aħna ċari li t-tfal mhumiex komoditajiet, u l-ebda kumpanija ma għandha tibbenefika billi tisfrutta l-vulnerabbiltà tagħhom. Il-President von der Leyen stabbiliet panel speċjali dwar is-sikurezza tat-tfal online, li eżamina l-benefiċċji, l-opportunitajiet u l-ħsarat tal-media soċjali fuq it-tfal u żviluppa rakkomandazzjonijiet għall-Kummissjoni biex issaħħaħ iktar il-protezzjonijiet.

Din il-ħidma hija mgħejjuna mill-app ta’ verifika tal-età ta’ madwar l-UE kollha, biex it-tfal jiġu protetti minn kontenut ta’ ħsara, filwaqt li l-pjan ta’ azzjoni kontra l-bullying ċibernetiku se jagħti sostenn għall-prevenzjoni u s-sensibilizzazzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ sikurezza fuq l-Internet biex it-tfal u ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jirrapportaw faċilment il-bullying ċibernetiku.

L-Ewropa qed turi li l-progress teknoloġiku jrid jimxi id f’id mal-valuri demokratiċi u l-protezzjoni taċ-ċittadini tagħha.


Niksbu unjoni tad-difiża

L-Ewropa qed tiffaċċja ambjent ta’ sigurtà li hu l-iktar perikoluż li qatt kellha f’ġenerazzjonijiet sħaħ. Illum, iż-żamma tal-paċi tfisser li nsaħħu l-kapaċità tagħna li niskoraġġixxu l-aggressjoni. Mill-2020, in-nefqa fuq id-difiża mill-pajjiżi tal-UE żdiedet bi kważi 80 %. Din qed tiġi appoġġata fil-livell tal-UE permezz tal-akbar mobilizzazzjoni tad-difiża fl-istorja tal-Unjoni tagħna.

  • 81.00%taċ-ċittadini tal-UE jappoġġaw kooperazzjoni aktar b’saħħitha fid-difiża, l-ogħla livell li qatt kien hemm f’dawn l-aħħar għoxrin sena
  • 74.00%tal-Ewropej japprovaw l-investiment fid-difiża jew jemmnu li dan għandu jiżdied
  • 66.00%tal-Ewropej jemmnu li l-UE għandu jkollha rwol akbar fil-protezzjoni tagħhom kontra kriżijiet globali u riskji għas-sigurtà

Data mill-istħarriġiet tal-Ewrobarometru minn Jannar u Mejju 2026

Appoġġ lill-pajjiżi tal-UE b’investimenti fid-difiża

Il-Pjan ReArm Europe/Prontezza 2030 qed jimmobilizza EUR 800 biljun biex jagħlaq il-lakuni fil-kapaċità, isaħħaħ il-kapaċità industrijali, u jaċċellera l-investiment fis-sigurtà kollettiva tagħna, bil-pjan direzzjonali għall-Prontezza tad-Difiża 2030 jistabbilixxi stadji importanti u skedi ta’ żmien konkreti.

Fil-qalba ta’ dawn l-isforzi hemm SAFE, li jipprovdi EUR 150 biljun f’self lill-pajjiżi tal-UE għall-investimenti fid-difiża.

Verżjoni testwali

Pjan ReArm Europe / Prontezza tad-Difiża 2030

SAFE

  • Ġew approvati18-il pjan nazzjonali għas-self ta’ SAFE għall-akkwist fil-qasam tad-difiża
  • EUR 150 biljun disponibbli > EUR 12-il biljun żborżati

Klawżola liberatorja nazzjonali

  • 18-il pajjiż attivaw il-klawżola liberatorja nazzjonali
  • Dan ippermetta nefqa għad-difiża nazzjonali sa 1.5 % tal-PDG mingħajr ir-riskju ta’ proċedura ta’ defiċit eċċessiv.

Dawn l-investimenti qed

  • jappoġġaw l-akkwisti konġunti
  • jgħinu lill-pajjiżi jiksbu kapaċitajiet kritiċi aktar malajr u b’kost aktar baxx
  • jaċċelleraw proġetti li l-pajjiżi tal-UE ma jistgħux iwettqu waħedhom
  • isaħħu l-bażi industrijali tal-Ewropa
    ir-regoli dwar l-akkwist jirrikjedu li 65 % tal-kostijiet tal-komponenti jiġu mill-UE, mill-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew mill-Ukrajna

Approċċ koordinat għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet

L-investiment mingħajr pjan mhuwiex biżżejjed. Huwa għalhekk li dawn l-investimenti qed jiġu appoġġati permezz ta’ approċċ koordinat għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet..Huwa galhekk li l-pjan direzzjonali tal-2030 introduċa Koalizzjonijiet tal-Kapaċitajiet, li jlaqqgħu lill-Istati Membri biex jidentifikaw rekwiżiti komuni, jiżviluppaw il-kapaċitajiet b’mod konġunt u jakkwistawhom fuq skala kbira.

Dan il-mudell il-ġdid diġà qed isawwar il-proġetti ta’ difiża ewlenin tal-Ewropa li ġejjin

  • Inizjattiva Ewropea għad-Difiża Kontra d-Droni
  • Għassa tan-Naħa tal-Lvant
  • Tarka tal-Ajru Ewropea
  • Tarka Spazjali Ewropea

Dawn huma kapaċitajiet strateġiċi li huma għaljin wisq, kumplessi wisq jew urġenti wisq biex il-pajjiżi jiżviluppaw waħedhom.

L-iżvilupp ta’ bażi industrijali b’saħħitha

Sabiex tipproduċi dak li jeħtieġu l-forzi armati tagħna, fuq l-iskala u l-ħeffa meħtieġa, l-Ewropa trid issaħħaħ il-bażi industrijali tagħha. Permezz tal-Programm Ewropew għall-Industrija tad-Difiża (EDIP) l-ġdid, il-Kummissjoni se timmobilizza EUR 1.5 biljun biex tespandi l-kapaċità tal-produzzjoni, issaħħaħ l-akkwist konġunt u tnaqqas id-dipendenzi kritiċi.

L-UE qed tikkombina wkoll l-għarfien espert tal-Ukrajna fil-kamp tal-battalja mal-kapaċità industrijali Ewropea permezz tal-Uffiċċju tal-UE għall-Innovazzjoni fid-Difiża fi Kyiv, li jgħin lill-UE tiżviluppa kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni li jmiss.

Approċċ proattiv għad-difiża Ewropea

L-innovazzjoni se jkollha rwol deċiżiv li jsawwar il-kamp tal-battalja tal-futur. Permezz tal-Fond Ewropew għad-Difiża u l-istrument AGILE l-ġdid, qed ninvestu f’innovaturi Ewropej biex l-ideat rivoluzzjonarji jinbidlu f’kapaċitajiet tad-dinja reali.

Il-prontezza tiddependi wkoll fuq li nuru li l-forzi armati tagħna jistgħu jiġu skjerati b’veloċità u skala, kull fejn ikunu meħtieġa. Il-pakkett il-ġdid dwar il-mobbiltà militari joħloq

  • regoli armonizzati għall-moviment militari bejn pajjiż tal-UE u ieħor
  • proċeduri doganali simplifikati
  • miżuri li jippermettu aċċess prijoritarju għall-infrastruttura matul il-kriżijiet

Relazzjonijiet ma’ sħab ta’ fiduċja mad-dinja kollha

L-indipendenza ma tfissirx li wieħed jaqdef għar-rasu. Huwa għalhekk li qed napprofondixxu l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà ma’ sħab fdati madwar id-dinja. Saħħaħna l-kooperazzjoni industrijali tagħna li taqa’ taħt SAFE mal-Kanada u kkonkludejna sħubijiet tad-difiża mal-Awstralja, il-Ghana, l-Iżlanda u l-Indja.Dawn is-sħubijiet joħolqu opportunitajiet ġodda għall-kollaborazzjoni industrijali u kooperazzjoni aktar mill-qrib fir-rigward tal-isfidi kondiviżi tas-sigurtà.

It-tisħiħ tar-reġjuni tal-fruntiera tal-Lvant

Ir-reġjuni tal-fruntiera tal-Lvant tal-Ewropa jinsabu fuq quddiem nett ta’ ambjent ta’ sigurtà li qed jinbidel. Il-Kummissjoni adottat strateġija ġdida biex issaħħaħ il-prosperità, ir-reżiljenza u s-sigurtà ta’ dawn ir-reġjuni, filwaqt li l-faċilità l-ġdida EastInvest, se tgħin lir-reġjuni tal-fruntiera jiksbu aċċess aktar faċli għall-finanzjament u l-appoġġ konsultattiv.


Unjoni sigura

Is-sigurtà tal-Ewropa tiddependi fuq ħafna aktar minn sempliċi difiża tradizzjonali. Kemm jekk l-attakki ċibernetiċi mmirati tagħha fuq ċentri loġistiċi, il-proċessi demokratiċi soġġetti għal interferenza barranija, jew l-estremiżmu vjolenti, it-theddid li qed niffaċċjaw spiss ikun imfassal speċifikament biex jopera taħt il-limitu ta’ kunflitt armat.

Il-ġlieda kontra t-theddid ibridu

Waħda mill-isfidi dejjem tikber b’ħeffa kbira tas-sigurtà li qed tiffaċċja l-Ewropa hija dik li ġejja mid-droni. Matul is-sena li għaddiet, l-inkursjonijiet tad-droni wasslu biex ċittadini tal-UE jittieħdu malajr f’ċentri ta’ kenn u wasslu biex jiġu kkanċellati xi titjiriet. Hemm għadd ta’ modi kif l-UE qed taħdem biex tiġġieled din it-theddida, inkluż billi

  • jitnieda pjan ta’ azzjoni dwar id-droni u s-sigurtà kontra d-droni ġdid, li jistabbilixxi approċċ Ewropew ikkoordinat għad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u r-reazzjoni

  • l-istabbiliment ta’ Ċentru ta’ Eċċellenza tal-UE għall-Ġlieda Kontra d-Droni 

  • żieda fil-kooperazzjoni mal-industrija innovattiva tad-droni tal-Ukrajna u qed titgħallem minn x’qed jiġri fuq il-front tal-battalja permezz tal-Alleanza tad-Droni UE-Ukrajna

L-Ewropa qed tara wkoll żieda qawwija fl-attività ċibernetika malizzjuża, b’attakki ċibernetiċi ta’ kuljum kontra servizzi essenzjali, negozji u awtoritajiet pubbliċi. Biex tindirizza dan, il-Kummissjoni rrevediet l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà. Dan jiggarantixxi li l-prodotti mqiegħda fis-suq Ewropew ikunu ċibersiguri mill-għamla tagħhom stess u se jindirizza l-vulnerabbiltajiet fil-ktajjen tal-provvista kritiċi tal-ICT.

Permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà u l-Intelliġenza Artifiċjali, qed nindirizzaw ir-riskji tal-aktar mudelli avvanzati tal-IA għaċ-ċibersigurtà.

L-indirizzar tat-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni

It-theddida mit-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti qed tkompli tevolvi. Il-gruppi terroristiċi qed jisfruttaw dejjem aktar it-teknoloġiji diġitali, il-media soċjali, l-intelliġenza artifiċjali u l-kriptovaluti biex jirreklutaw, jiffinanzjaw u jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom. Permezz tal-aġenda ProtectEU dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-Ewropa qed issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, ittejjeb il-kondiviżjoni tal-intelligence, tindirizza l-finanzjament tat-terroriżmu u tiżviluppa għodod ġodda biex tidentifika u tipprevjeni r-radikalizzazzjoni qabel ma twassal għall-vjolenza.

L-indirizzar tal-kriminalità organizzata

In-networks kriminali involuti fit-traffikar tad-droga, fil-kuntrabandu tal-armi tan-nar, fil-ħasil tal-flus u fiċ-ċiberkriminalità joperaw bejn il-fruntieri u qed jisfruttaw dejjem aktar it-teknoloġiji diġitali biex jespandu l-firxa tagħhom. Il-Kummissjoni saħħet ir-reazzjoni tagħha fuq diversi fronti

  • billi pproponiet miżuri ġodda biex issaħħaħ l-Europol u l-Eurojust biex tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera u t-terroriżmu. Dawn il-miżuri jappoġġaw aktar investigazzjonijiet konġunti, iħaffu l-prosekuzzjonijiet, u jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni permezz ta’ qafas legali aktar ċar u inqas piż amministrattiv.

  • il-preżentazzjoni tal-istrateġija tal-UE dwar id-drogi u l-pjan ta’ azzjoni kontra t-traffikar tad-droga biex jgħinu lill-Ewropa timmira fuq networks kriminali tul il-katina tal-provvista kollha

  • il-proposta ta’ miżuri aktar b’saħħithom kontra t-traffikar tal-armi tan-nar, inklużi regoli ġodda biex tindirizza l-produzzjoni illeċita ta’ armi bl-użu ta’ teknoloġiji tal-istampar 3D

L-indirizzar flimkien tad-diżastri naturali

Dan is-sajf għal darb’ oħra, l-Ewropa ntlaqtet minn nirien devastanti, nixfiet severi u għargħar bla preċedent. L-istaġun tan-nirien fil-foresti kien gravi b’mod eċċezzjonali. Sa nofs Awwissu, iż-żona maħruqa kienet diġà aktar mid-doppju tal-medja għal dan iż-żmien tas-sena. 

Qabel is-sajf, mijiet ta’ ħaddiema tat-tifi tan-nar u għexieren ta’ riżorsi tat-tifi tan-nar kienu prepożizzjonati fil-pajjiżi li kellhom l-akbar riskju. Minn dak iż-żmien ’il hawn, il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM) ġie attivat 11-il darba mid-disa’ pajjiżi affettwati, inklużi l-ewwel attivazzjonijiet li qatt saru għan-nirien fil-foresti mill-Belġju u min-Netherlands.

Fruntieri esterni siguri

Sigurtà b’saħħitha teħtieġ ukoll fruntieri esterni siguri. L-Ewropa qed tibni sistema bbilanċjata ta’ migrazzjoni u ażil li tgħaqqad l-umanità mar-responsabbiltà u s-solidarjetà mas-sigurtà. Soluzzjoni li tkun ġusta u soda. Qed issawwar ukoll ġestjoni tal-fruntieri aktar effettiva.

Ir-regoli tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil daħlu fis-seħħ f’Ġunju 2026, li jfisser li l-Ewropa issa għandha qafas komuni għall-ġestjoni tal-migrazzjoni b’mod li jkun ġust, ordnat u bbażat fuq is-solidarjetà bejn il-pajjiżi tal-UE.

Verżjoni testwali

Sistema komuni tal-UE għall-ġestjoni tal-migrazzjoni

Fruntieri esterni siguri

  • Skrinjar robust
  • Bażi tad-data tal-Eurodac dwar l-ażil u l-migrazzjoni
  • Proċedura fuq il-fruntiera u ritorni
  • Protokolli ta’ kriżi u azzjoni kontra l-istrumentalizzazzjoni

Proċeduri rapidi u effettivi

  • Regoli ċari dwar l-ażil
  • Garanzija tad-drittijiet tal-persuni
  • Standards tal-UE għall-kwalifika tal-istatus ta’ refuġjat
  • Prevenzjoni tal-abbużi

Sistema effettiva ta’ solidarjetà u ta’ responsabbiltà

  • Qafas ta’ solidarjetà permanenti
  • Appoġġ operazzjonali u finanzjarju
  • Regoli aktar ċari dwar ir-responsabbiltà għall-applikazzjonijiet għall-ażil
  • Prevenzjoni tal-movimenti sekondarji

Integrazzjoni tal-migrazzjoni fi sħubijiet internazzjonali

  • Prevenzjoni tat-tluq irregolari
  • Ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali
  • Kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni
  • Promozzjoni ta’ perkorsi legali

F’Lulju 2026, il-Kummissjoni pproponiet ukoll reġim ġdid ta’ sanzjonijiet biex tiġġieled il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti kif ukoll attivitajiet illeċiti oħra li joriġinaw barra mill-Unjoni.

Dan is-sajf, hekk kif eluf ta’ migranti irregolari ppruvaw jidħlu f’Ceuta mill-Marokk, il-Kummissjoni mal-ewwel offriet l-appoġġ finanzjarju u operattiva tagħha lil Spanja. Filwaqt li s-sitwazzjoni fuq il-post għadha ta’ sfida ġew evitati tentattivi illegali ġodda biex tinqasam il-fruntiera. Il-ħidma tagħna ma’ Meta, TikTok u verifikaturi tal-fatti indipendenti kienet kruċjali biex jiġi evitat li n-networks kriminali jxerrdu d-diżinformazzjoni. Żidna bil-qawwa wkoll il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti.

Is-sistema l-ġdida ta’ Dħul/Ħruġ bdiet tiddaħħal f’April 2026 u qed tipprovdi informazzjoni aktar affidabbli dwar ċittadini mhux tal-UE li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Ewropa, filwaqt li ssaħħaħ il-kontrolli tas-sigurtà. Sadanittant, l-ewwel strateġija tal-UE dwar il-viżi li qatt saret se ssaħħaħ l-iskrinjar tas-sigurtà għal dawk li jixtiequ jiġu fl-UE, filwaqt li tgħin biex tattira t-talent li l-Ewropa teħtieġ biex tikber.


Unjoni għal kulħadd:

Dawn l-aħħar ftit snin kienu diffiċli għal ħafna familji Ewropej. L-inflazzjoni għolja, iż-żieda fl-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u l-pressjoni fuq il-baġits tal-familja affettwaw il-komunitajiet madwar l-Unjoni tagħna. Li nindirizzaw dawn l-isfidi mhux talli hija kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali, talli hija wkoll ċentrali għall-kompetittività tal-Ewropa.

L-indirizzar taż-żieda fl-għoli tal-ħajja

Madwar l-Unjoni Ewropea, persuna waħda minn kull ħamsa għadha f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali. L-ewwel strateġija tal-UE kontra l-faqar li qatt tfasslet tistabbilixxi pjan direzzjonali fit-tul biex jinqered il-faqar sal-2050, filwaqt li l-Garanzija Ewropea għat-Tfal imsaħħa tiżgura li kull tifel u tifla jkollhom aċċess għas-servizzi u l-appoġġ li jeħtieġu biex jirnexxu, irrispettivament mill-isfond jew miċ-ċirkostanzi tagħhom.

L-iktar kamp fejn jinħass kemm persuna tiflaħ tħallas huwa dak tal-akkomodazzjoni. Dar sikura u affordabbli hija l-pedament li fuqu n-nies jibnu ħajjithom, u huwa għalhekk li l-akkomodazzjoni affordabbli hija prijorità għall-UE. Sabiex tindirizza din l-isfida, il-Kummissjoni

  • immobilizzat aktar minn EUR 43 biljun għal investimenti relatati mal-akkomodazzjoni mill-2021 lil hawn

  • irrevediet ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex ikun jista’ jsir l-investiment fl-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli permezz tal-pjan Ewropew għal akkomodazzjoni affordabbli

  • ipproponiet l-att dwar l-akkomodazzjoni affordabbli biex jagħti lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali għodod addizzjonali biex jgħinu jtaffu l-pressjonijiet tal-akkomodazzjoni

  • nediet proposti għall-baġit fit-tul li jmiss tal-UE li bihom ikun aktar faċli li l-pajjiżi tal-UE jiddderieġu l-finanzjament Ewropew lejn proġetti ta’ akkomodazzjoni affordabbli

  • qed tappoġġja lill-pajjiżi tal-UE fl-iżvilupp ta’ risponsi aktar effettivi għall-problema ta’ persuni mingħajr dar permezz tar-rakkomandazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni

Verżjoni testwali

Pjan Ewropew għal akkomodazzjoni affordabbli

  • Żieda ta’  60 % fil-prezzijiet tad-djar madwar l-UE bejn l-2013 u l-2024, pass aktar mgħaġġel mill-introjtu tal-unitajiet domestiċi
  • Żieda ta’  20 % fil-medja tal-kirjiet fl-istess perjodu
  • Tnaqqis ta’ 22 % fl-għadd ta’ permessi tal-bini residenzjali mill-2021

Il-pjan Ewropew għal akkomodazzjoni affordabbli għandu l-għan li:

  • Inaqqas il-burokrazija żejda biex jagħti spinta l-provvista tal-akkomodazzjoni
  • Isaħħaħ il-produttività u l-innovazzjoni fil-kostruzzjoni
  • Jimmobilizza l-investiment pubbliku u privat, inkluż billi jiġu riveduti r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat
  • Jikkumbatti l-ispekulazzjoni fis-suq tal-akkomodazzjoni
  • Jindirizza l-kiri għal żmien qasir f’żoni taħt stress relatat mal-akkomodazzjoni
  • Jappoġġa dawk l-aktar milquta, bħall-persuni bla saqaf fuq rashom u ż-żgħażagħ

L-unitajiet domestiċi għadhom qed jintlaqtu mill-impatt ta’ kriżi tal-enerġija li toriġina lil hinn mill-fruntieri tagħna. Permezz tal-pakkett tal-enerġija taċ-ċittadini, l-Unjoni Ewropea qed issaħħaħ il-protezzjonijiet għall-konsumaturi vulnerabbli, tgħin fil-prevenzjoni tal-iskonnessjonijiet, ittejjeb it-trasparenza u tagħti lill-unitajiet domestiċi kontroll akbar fuq l-għażliet u l-kontijiet tal-enerġija tagħhom.

Nipproteġu lill-konsumaturi

Filwaqt li l-konsumaturi Ewropej igawdu minn uħud mill-ogħla livelli ta’ protezzjoni madwar id-dinja, iż-żieda fis-servizzi diġitali u t-tkabbir enormi tal-kummerċ elettroniku ħolqu sfidi ġodda. Permezz tal-aġenda tal-konsumatur 2030, l-Ewropa qed issaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur, inkluż fuq l-Internet b’enfasi partikolari fuq it-tfal u l-konsumaturi vulnerabbli billi

  • tindirizza prattiki inġusti u prodotti mhux sikuri
  • tara li s-suq uniku jkompli jkun ta’ ġid għall-konsumaturi b’mod effettiv daqs kemm hu għan-negozji

Intant, regoli doganali ġodda, inkluż dazju ta’ EUR 3 fuq pakketti minn barra l-UE b’valur ta’ inqas minn EUR 150, jgħinu biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi bejn il-pjattaformi fuq l-Internet u l-bejjiegħa bl-imnut tradizzjonali u jiżguraw li l-prodotti mibjugħa fl-Ewropa jissodisfaw l-istandards li jistennew il-konsumaturi.

L-iffaċilitar tal-ivvjaġġar bil-ferrovija

L-ivvjaġġar bil-ferrovija bejn il-fruntieri xorta jista’ jkun ikkumplikat bla bżonn. Vjaġġ li jinvolvi diversi operaturi tal-ferroviji spiss ikun jeħtieġ diversi biljetti , mixtrija permezz ta’ sistemi differenti, bi protezzjoni limitata jekk tintilef konnessjoni. Bl-inizjattiva l-ġdida tal-Kummissjoni Vjaġġ Wieħed, Biljett Wieħed

  • il-passiġġieri se jkunu jistgħu jfittxu, iqabblu u jixtru vjaġġi ferrovjarji b’diversi operaturi permezz ta’ prenotazzjoni waħda, fuq il-pjattaforma tal-għażla tagħhom

  • il-vjaġġaturi jiġu mgħejjuna jgawdu drittijiet sħaħ tal-passiġġieri għall-vjaġġ kollu, inkluż kumpens jekk ikun hemm dewmien jew konnessjonijiet mitlufa


Unjoni aktar inklużiva

Kulħadd fl-Unjoni Ewropea għandu jkun jista’ jħossu sikur u jgħix b’dinjità u rispett. Qed naħdmu biex noħolqu unjoni ta’ ugwaljanza. L-ugwaljanza ma tikkonċernax biss il-protezzjoni tad-drittijiet. Hija tikkonsisti wkoll mill-ħolqien ta’ soċjetajiet fejn kulħadd jista’ jipparteċipa bis-sħiħ u jħossu li jappartjeni. Matul l-aħħar sena, il-Kummissjoni ppreżentat għadd ta’ strateġiji ġodda importanti

  1. Ottubru 2025
    Strateġija ta’ ugwaljanza LGBTIQ+ 2026-2030

    Biex insaħħu l-protezzjonijiet kontra d-diskriminazzjoni, nappoġġaw id-drittijiet ugwali madwar l-Unjoni u naħdmu mal-Istati Membri biex noħolqu soċjetajiet aktar sikuri u inklużivi.

  2. Jannar 2026
    Strateġija tal-UE kontra r-razziżmu 2026-2030

    Biex inżidu l-isforzi biex nindirizzaw id-diskriminazzjoni strutturali, insaħħu l-infurzar kontra r-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda u niżguraw li l-ġlieda kontra r-razziżmu tkun inkorporata fit-tfassil tal-politika.

  3. Marzu 2026
    L-ewwel strateġija li qatt saret dwar il-ġustizzja interġenerazzjonali

    Biex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet attwali dwar it-tfassil tal-politika jikkunsidraw il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u futuri b’mod ugwali.

  4. Marzu 2026
    Strateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

    Biex jiġu indirizzati l-ostakli li għadhom jeżistu fl-edukazzjoni, fil-kura tas-saħħa, fl-impjiegi u fil-ħajja pubblika, filwaqt li jiġu indirizzati sfidi emerġenti bħall-vjolenza fuq l-Internet u l-preġudizzju fl-IA.

F’Marzu 2026, il-Kummissjoni ħatret lil Mairead McGuinness bħala Mibgħut Speċjali għal-Libertà ta’ Reliġjon jew Twemmin barra mill-UE. Il-Kummissjoni kompliet taħdem ukoll fuq l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE 2021-2030 dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u l-istrateġija dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà 2021-2030 matul l-aħħar sena.

Din il-paġna telenka biss għażla ta’ kisbiet miksuba matul is-sena li għaddiet. 
Għal aktar informazzjoni, niżżel il-fuljett (PDF).

Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 11 Settembru 2026