L-ugwaljanza bejn il-ġeneri tikkonċerna lilna lkoll, u minnha jibbenifika kulħadd. Għalkemm sar progress, bir-ritmu tal-bidla attwali l-UE se tieħu 50 sena biex tilħaq ugwaljanza sħiħa bejn il-ġeneri. Għad hemm ukoll disparitajiet bejn pajjiż u ieħor tal-UE. Għall-Jum Internazzjonali tal-Mara tat-8 ta’ Marzu, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-istrateġija tagħha dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-2026–2030. L-istrateġija tinkorpora l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’kull aspett tal-ħajja, kemm online kif ukoll offline. L-istrateġija l-ġdida ddawwar l-objettivi tal-Pjan Direzzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa tal-Kummissjoni, li ġie approvat fl-2025 mill-pajjiżi kollha tal-UE, f’azzjonijiet konkreti biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet, l-irġiel u s-subien jitħeġġu jinvolvu ruħhom, jiġi miġġieled bis-saħħa r-rigress fejn jidħlu d-drittijiet fundamentali u jitħaffef il-progress lejn Ewropa fejn verament ikun hemm ugwaljanza bejn il-ġeneri. L-oqsma ta’ azzjoni ewlenin tagħha huma: It-tkomplija tal-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru b’enfasi fuq il-ġlieda kontra l-vjolenza ċibernetika, li tħalli impatt sproporzjonat fuq in-nisa u l-bniet, permezz ta’ miżuri biex jiġu miġġielda d-deepfakes u d-deepnudes sesswalment espliċiti u biex tittejjeb il-protezzjoni tan-nisa online.L-involviment tal-irġiel u s-subien fil-ġlieda għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, filwaqt li jiġi rikonoxxut ir-rwol importanti tagħhom biex tinkiseb bidla fis-soċjetà, b’enfasi fuq kif għandhom jiġu miġġielda l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u d-diżinformazzjoni biex tiġi evitata l-polarizzazzjoni dejjem akbar bejn in-nisa u l-irġiel, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ.Il-promozzjoni tal-ogħla standards tas-sistemi tas-saħħa u tal-kura tas-saħħa maħluqa għal kulħadd bl-inklużjoni ta’ inizjattiva flimkien mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa biex jittejbu l-kwalità u l-aċċessibbiltà tal-kura tas-saħħa għan-nisa.It-tisħiħ tal-prosperità bil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-setturi ekonomiċi kollha b’azzjonijiet biex jiġu attirati aktar nisa fir-riċerka, l-innovazzjoni, in-negozji ġodda, u l-karrieri fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u biex l-irġiel jitħeġġu jistudjaw u jaħdmu fl-oqsma tas-saħħa, tal-edukazzjoni, tal-amministrazzjoni u tal-litteriżmu.L-indirizzar tad-differenzi fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri, inkluż billi jiġi pprovdut appoġġ għall-pajjiżi tal-UE biex jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar it-Trasparenza fil-Pagi, u jaħdmu mal-Bank Ewropew tal-Investiment biex itejbu l-aċċess għall-finanzi għall-imprendituri nisa u jagħtu spinta lir-rappreżentanza tan-nisa fis-settur finanzjarju.L-adozzjoni ta’ miżuri ulterjuri bħala appoġġ għall-parteċipazzjoni ugwali u sikura tan-nisa fil-politika, inkluż billi jiġu indirizzati l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza online li spiss iwasslu għall-polarizzazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel.It-tkomplija tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fix-xena dinjija bi pjan ta’ azzjoni ġdid dwar il-ġeneru għall-2028–2034 u pjan ta’ azzjoni ġdid għan-nisa, il-paċi u s-sigurtà. L-UE se tniedi wkoll inizjattiva ewlenija bl-isem “SHIELD” li se tiffoka fuq it-titjib tal-aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva u l-appoġġ għas-superstiti tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Il-Kummissjoni Ewropea tibqa’ timpenja ruħha fir-rigward tal-ħolqien ta’ soċjetà ekwa u ugwali, billi tiżgura li jkun hemm ugwaljanza bejn il-ġeneri f’kull livell. Għal aktar tagħrif Strateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri Pjan direzzjonali għad-drittijiet tan-nisa Nappoġġaw lin-nies, insaħħu s-soċjetajiet tagħna u l-mudell soċjali tagħna Mistoqsijiet u tweġibiet rigward l-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri 2026–2030 Skeda informattiva Stqarrija għall-istampa: Commission presents new Gender Equality Strategy 2026-2030 for a more equal, cohesive and successful Europe Dettalji Data tal-pubblikazzjoni5 Marzu 2026AwturId-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni