Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Strateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

Kisbiet u oqsma ewlenin għall-azzjoni.

Kisbiet fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri

Għalkemm għadhom jeżistu l-inugwaljanzi, l-UE għamlet progress sinifikanti fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-aħħar deċennji. Dan hu r-riżultat

  • tal-leġiżlazzjoni
  • tal-integrazzjoni tal-ġeneri – l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-politiki l-oħrajn kollha
  • tal-miżuri speċifiċi għar-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa

It-tendenzi inkuraġġanti huma ż-żieda fin-numru tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-progress tagħhom fil-ksib ta’ edukazzjoni u taħriġ aħjar.

Madankollu, għad hemm lakuni bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol.  Għad hemm aktar nisa fis-setturi b’rimunerazzjoni iktar baxxa filwaqt li ma hemmx biżżejjed nisa fil-pożizzjonijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Pjan direzzjonali għad-drittijiet tan-nisa 

Il-Kummissjoni Ewropea adottat il-pjan direzzjonali għad-drittijiet tan-nisa, fis-7 ta’ Marzu 2025. Il-pjan direzzjonali jagħti viżjoni fit-tul għall-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, ibbażata fuq prinċipji fundamentali u objettivi politiċi stabbiliti fid-dikjarazzjoni ta’ prinċipji għal soċjetà ugwali bejn il-ġeneri (fl-anness). Din għandha l-għan li tiddefendi u tavvanza d-drittijiet tan-nisa u li tindirizza sfidi ġodda tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, bħall-preġudizzju ffaċilitat mit-teknoloġija, id-diskriminazzjoni, u l-vjolenza. Il-pjan direzzjonali jistabbilixxi qafas politiku tal-UE għad-drittijiet tan-nisa li se jiggwida l-azzjonijiet tagħna fis-snin li ġejjin. Dan jipprovdi pedament għall-iżvilupp ta’ miżuri legali u politiċi mmirati fl-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għal wara l-2025 u lil hinn u għall-ispirazzjoni ta’ politiki sensittivi għall-ġeneru f’inizjattivi oħrajn tal-Kummissjoni. 

Il-Kummissjoni tistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej l-oħrajn, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, biex japprovaw id-dikjarazzjoni tal-prinċipji għal soċjetà ugwali bejn il-ġeneri matul l-2025 u biex jirrispettaw dak l-impenn. Il-Kummissjoni tistieden ukoll lil istituzzjonijiet oħrajn, lill-Istati Membri, lis-sħab soċjali, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn biex jieħdu rwol attiv fit-twettiq tal-prinċipji u l-objettivi tal-pjan direzzjonali, u jressqu miżuri fil-livell xieraq.

Strateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri 2020-2025

L-istrateġija tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tagħti riżultati fuq l-impenn tal-Kummissjoni Von der Leyen għall-ksib ta’ Unjoni ta’ Ugwaljanza. L-istrateġija tippreżenta objettivi politiċi u azzjonijiet biex sal-2025 ikun sar progress lejn Ewropa b’ugwaljanza bejn il-ġeneri. L-għan hu Unjoni fejn in-nisa u l-irġiel, il-bniet u s-subien, fid-diversità kollha tagħhom, ikunu ħielsa li jkomplu bil-perkors magħżul minnhom fil-ħajja, ikollhom opportunitajiet indaqs biex jirnexxu, u jkunu jistgħu, b'mod ugwali, jipparteċipaw fis-soċjetà Ewropea tagħna u jmexxuha.

L-objettivi ewlenin huma li ntemmu l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneri; nisfidaw l-istereotipi tal-ġeneri; nagħlqu d-distakk bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol; il-kisba ta’ parteċipazzjoni ugwali fis-setturi differenti tal-ekonomija; nindirizzaw id-distakk bejn il-ġeneri fil-pagi u l-pensjonijiet; nagħlqu d-distakk bejn il-ġeneri fl-għoti tal-kura u niksbu bilanċ bejn il-ġeneri fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-politika. L-istrateġija tadotta approċċ duwalistiku, bl-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri flimkien ma’ azzjonijiet immirati, u l-intersezzjonalità hi l-prinċipju orizzontali għall-implimentazzjoni tagħha. Filwaqt li l-istrateġija tiffoka fuq azzjonijiet fl-UE, hi koerenti mal-politika esterna tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa.

Bħala wieħed mill-ewwel riżultati tal-istrateġija, fl-4 ta’ Marzu 2021 il-Kummissjoni pproponiet miżuri vinkolanti ta’ trasparenza fil-pagi. Id-Direttiva dwar it-Trasparenza fil-Pagi ġiet adottata f’Mejju 2023. Ir-regoli l-ġodda se jgħinu biex jiġi żgurat li l-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali, minqux fit-Trattat mill-1957, saflaħħar isir realtà fil-prattika.

Fit-8 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta ġdida għall-UE kollha għal direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika.  Il-koleġiżlaturi laħqu qbil politiku dwar din il-proposta fis-6 ta’ Frar 2024. Id-Direttiva hija l-ewwel strument legali komprensiv fil-livell tal-UE biex tiġi indirizzata l-vjolenza kontra n-nisa, li għadha mifruxa wisq. Hija tikkriminalizza ċerti forom ta’ vjolenza fiżika, kemm offline kif ukoll online. Id-Direttiva tipprevedi wkoll miżuri komprensivi għall-protezzjoni tal-vittmi, l-aċċess għall-ġustizzja u l-appoġġ, bħal postijiet ta’ kenn, ċentri għall-vittmi ta’ stupru u linji telefoniċi għall-għajnuna.

Kisba importanti oħra hija d-Direttiva dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet korporattivi, li tfittex li ttejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet korporattivi fl-akbar kumpaniji elenkati tal-UE. Wara 10 snin ta’ negozjati, id-Direttiva ġiet adottata fit-22 ta’ Novembru 2022. Din il-liġi l-ġdida tal-UE se tgħin biex jitkisser is-saqaf tal-ħġieġ fil-bordijiet tal-kumpaniji elenkati u se tagħti opportunità reali lill-ħafna nisa kkwalifikati għall-ogħla karigi biex jiksbuhom.

Minn Awwissu 2022, bdew japplikaw id-drittijiet il-ġodda għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fl-UE kollha għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw. F’Settembru 2022, il-Kummissjoni ppreżentat l-Istrateġija Ewropea għall-Kura, marbuta ma’ miri ġodda dwar l-edukazzjoni u l-indukrar bikrija tat-tfal biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. 

Fit-8 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni Ewropea nediet kampanja biex jiġu sfidati l-istereotipi tal-ġeneri. Il-kampanja #EndGenderStereotypes , li saret matul l-2023, tindirizza l-istereotipi tal-ġeneri li jaffettwaw kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa fi sferi differenti tal-ħajja, inklużi l-għażliet tal-karriera, il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà tal-assistenza, u t-teħid tad-deċiżjonijiet.

F’Ottubru 2023, il-Kummissjoni saret parti mill-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika - il-Konvenzjoni ta’ Istanbul. L-UE issa hija marbuta bi standards ambizzjużi u komprensivi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, u fir-rigward tal-amministrazzjoni pubblika tagħha. Dan jinkludi l-finanzjament, il-politika u l-miżuri leġiżlattivi.

Fil-ħarifa tal-2023, il-Kummissjoni stabbiliet network tal-UE dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.  In-network jipprovdi lok biex l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati jiddiskutu approċċi ġodda u emerġenti għall-prevenzjoni tal-vjolenza, iwettqu skambju tal-għarfien u l-prattika tajba.

F’Diċembru 2024, il-Kummissjoni ppubblikat Ewrobarometru dwar l-isterjotipi tal-ġeneru. Ir-riżultati juru li ċ-ċittadini tal-UE jqisu li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija ta’ benefiċċju kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel. Madankollu, għad hemm l-istereotipi tal-ġeneru f’diversi ambiti, b’varjazzjonijiet fost l-Istati Membri u l-gruppi tal-età.  

Striving for a Union of Equality
Ħidma għal Unjoni ta’ Ugwaljanza: L-istrateġija għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020–2025

Ħidma għal Unjoni ta’ Ugwaljanza: L-istrateġija għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020–2025

  • Pubblikazzjonijiet ġenerali
  • 5 Marzu 2020

Ir-rapport annwali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

Ir-rapport tal-2025 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE hu l-ħames u l-aħħar rapport fl-ambitu tal-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-perjodu 2020-2025. Ir-rapport iqis fejn jinsabu l-UE u l-Istati Membri tagħha dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Jenfasizza l-kisbiet tal-UE fil-ħames oqsma ewlenin koperti mill-istrateġija u jagħti eżempji ta’ ispirazzjoni mill-Istati Membri u l-proġetti ffinanzjati mill-UE f’dawn l-oqsma.

Ikkonsulta r-rapporti kollha tal-passat dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri (Ebda rapport ma ġie ppubblikat fl-2016 u fl-2020)

Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri

L-impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri 2016-2019 iddefinixxa l-qafas għall-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-perjodu msemmi.

L-impenn strateġiku jiffoka fuq dawn il-5 oqsma ta’ prijorità:

  • iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-indipendenza ekonomika tan-nisa u l-irġiel
  • it-tnaqqis fid-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi, fil-qligħ u fil-pensjonijiet u għaldaqstant il-ġlieda kontra l-faqar fost in-nisa
  • il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet
  • il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-ħarsien u l-appoġġ tal-vittmi
  • il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa madwar id-dinja kollha

L-impenn strateġiku jistabbilixxi l-għanijiet f’kull wieħed minn dawn l-oqsma ta’ prijorità u jidentifika aktar minn 30 azzjoni konkreta. Hu jafferma mill-ġdid l-impenn lejn l-integrazzjoni tal-ġeneri: perspettiva ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri se tiġi integrata fil-politiki kollha tal-UE kif ukoll fil-programmi ta’ finanzjament tal-UE.

Evaluation of the strengths and weaknesses of the Strategic Engagement for Gender Equality 2016–2019
10 Frar 2020