Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Mil-lum ’il quddiem in-nisa fl-UE jaħdmu b’mod simboliku mingħajr ma jitħallsu

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 17 Novembru 2025
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 4 min qari
Female entrepreneur standing with male colleague and discussing in office corridor

 

“In-nisa għandhom impjiegi faċli, għalhekk jaqilgħu inqas flus.”

“In-nisa ma jridux ikollhom karriera, iridu jieħdu ħsieb it-tfal.”

“L-irġiel imexxu aħjar.”

Ilkoll kemm aħna smajniehom dawn il-frażijiet. U filwaqt li huwa minnu li l-prijorità ta’ ċerti nisa hija l-familja u mhux il-karriera, dawk li bil-kontra tagħhom jagħtu prijorità lill-karriera għadhom isibuha diffiċli biex isibu impjiegi b’pagi għoljin.

Minn età bikrija l-bniet jingħataw kumplimenti dwar id-dehra tagħhom, u s-subien dwar dak li kapaċi jagħmlu. Il-bniet jaqilgħu pupi u ħwejjeġ tal-prinċipessi, u s-subien jaqilgħu kits tax-xjenza u flokkijiet tas-supereroj. Is-soċjetà tidderieġi b’mod sottili lill-bniet lejn karrieri fil-kura, fis-saħħa u fl-edukazzjoni — setturi li huma sottovalutati u b’pagi aktar baxxi. Dan jikkontribwixxi għal madwar 24% tad-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri.

Madankollu, ħafna nisa jagħżlu qasam għal qalbhom, anke fis-setturi li tradizzjonalment huma ddominati mill-irġiel. Ħu lil Maria. Hi u seħibha Alex iggradwaw fl-inġinerija ċivili u kisbu l-ogħla marki fil-klassi tagħhom. Irnexxielhom jiksbu internships kompetittivi ħafna u t-tnejn ħadmu ħafna biex ikollhom referenzi mill-aqwa. Imbagħad waslu biex jidħlu fis-suq tax-xogħol:

  • preġudizzju/kundizzjonament soċjetali: it-tnejn li huma applikaw għal pożizzjoni simili, iżda Alex talab salarju inizjali ogħla, peress li dejjem tħeġġeġ ikun assertiv u kunfidenti. Maria ma riditx tinnegozja wisq għax beżgħet li jarawha “diffiċli”. Peress li kienet konxja li l-impjegatur jaf tinkwetah il-biċċa li din tista’ tibda familja u li jippreferi raġel f’tim iddominat mill-irġiel, aċċettat inqas flus.
  • diskriminazzjoni fil-pagi/differenza mhux ġustifikata: it-tnejn li huma għamlu 3 snin jaħdmu bla heda. Alex ġie promoss għal maniġer, filwaqt li Maria kisbet żieda modesta fil-paga.
  • liv tal-maternità: xi snin wara Maria ħadet il-liv tal-maternità, imbagħad qalbet għal xogħol part-time filwaqt li kienet taħdem ukoll mid-dar mingħajr ma titħallas. Bil-kontra ta’ Maria, Alex ma kellux bżonn iwaqqaf il-karriera tiegħu meta kellu t-tfal.
  • saqaf tal-ħġieġ: f’industrija ddominata mill-irġiel, Maria rarament iltaqgħet ma’ mexxejja nisa, b’hekk neħħietha minn moħħha li xi darba tista’ tmexxi hi. Min-naħa l-oħra, Alex sab mentor li inkoraġġieh u ispirah.
  • xogħol domestiku u xogħol ta’ indukrar mhux imħallas: meta l-ġenituri ta’ Maria kibru, wara l-impjieg full-time tagħha kienet tieħu ħsiebhom mingħajr ħlas. Meta bdiet tħossha eżawsta ddeċidiet li twarrab il-karriera tagħha temporanjament u ma baqgħetx tapplika għall-promozzjonijiet.

L-istorja ta’ Maria u Alex hija fittizja, iżda din hija realtà li jgħixu ħafna nisa madwar l-UE. Filwaqt li jeżistu diversi raġunijiet għaliex in-nisa għadhom jaqilgħu inqas flus mill-irġiel, fosthom insibu taħlita kumplessa ta’ fatturi strutturali, soċjetali u diskriminatorji.

Immaġina taħdem mil-lum sal-aħħar tas-sena mingħajr ma titħallas. Bid-differenza attwali fil-pagi bejn il-ġeneri fl-UE ta’ 12%, b’mod simboliku n-nisa jieqfu jitħallsu ta’ xogħolhom fis-17 ta’ Novembru. Jekk ir-ritmu tal-progress jibqa’ kif inhu, irridu għexieren ta’ snin biex neliminaw din id-differenza. Jista’ jkun li l-ġenerazzjonijiet futuri jħarsu lura u jistaqsu “Kif jista’ jkun ħallew dan kollu għaddej”, kif illum il-ġurnata aħna nistaqsu għaliex in-nisa ma setgħux jivvutaw?

L-eliminazzjoni tad-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri u l-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jmorru lil hinn mill-ekwità; dawn jgħinu biex jonqos il-faqar, jiġi sfruttat il-potenzjal, u tissaħħaħ l-ekonomija. F’din l-okkażjoni, il-Viċi President Eżekuttiv Mînzatu u l-Kummissarju Lahbib affermaw mill-ġdid l-impenn tal-UE għal Unjoni ta’ Ugwaljanza. Il-Kummissjoni għadha taħdem biex telimina din id-differenza permezz ta’ leġiżlazzjoni ġdida bħal direttivi dwar pagi ndaqs, bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet korporattivi, u trasparenza fil-pagi, fost l-oħrajn.

 

Għal aktar informazzjoni

Dikjarazzjoni dwar il-Jum Ewropew għall-Pagi Ndaqs

Equal Pay Day

Roadmap for Women’s Rights

Studju tal-Eurostat dwar id-differenzi fil-pagi bejn il-ġeneri fl-UE 

L-ekwità soċjali Ewropea

L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi – Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
17 Novembru 2025
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni