Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 22 Settembru 2025
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 5 min qari

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali: iżommna sikuri online

Sisters sharing tablet PC while sitting in car during road trip

 

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA, Digital Services Act) jirregola s-servizzi online bħall-media soċjali, is-swieq, l-app stores, u s-servizzi tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni online; pereżempju Shein, Instagram, X, TikTok, LinkedIn u Booking.com. L-għan ewlieni tiegħu huwa li joħloq spazju diġitali aktar sikur li fih jitħarsu d-drittijiet fundamentali tiegħek. 

Kif id-DSA jħalli impatt pożittiv fuq ħajtek

  • Kontroll fuq l-esperjenza tiegħek online: jekk il-kontenut jew il-kont tiegħek jitneħħa jew jiġi sospiż, il-pjattaformi jridu jispjegaw għaliex dan ikun sar — m’għadhomx jistgħu jillimitaw il-viżibbiltà tal-kontenut tiegħek mingħajr ma jinfurmawk. Jekk ma taqbilx mad-deċiżjoni tagħhom, tista’ tappellaha permezz tas-sistema interna tal-pjattaforma, jew permezz ta’ korpi għas-soluzzjoni barra mill-qorti, li jgħinu biex jissolva t-tilwim mal-pjattaformi b’mod aktar mgħaġġel u orħos milli toqgħod titla’ l-qorti.
  • Immarkar ta’ kontenut illegali: tista’ tirrapporta kontenut, oġġetti jew servizzi illegali permezz ta’ mekkaniżmu faċli biex jintuża direttament fuq il-pjattaformi. Huma jridu jinfurmawk bid-deċiżjoni tagħhom dwar in-notifika tiegħek u l-possibbiltajiet ta’ appell.
  • Għażliet dwar il-feed: għandek kontroll fuq dak li tara online. Fuq pjattaformi kbar b’aktar minn 45 miljun utent fl-UE, issa tista’ tuża feeds mhux personalizzati. B’dan il-mod, tiddeċiedi jekk tarax il-kontenut ibbażat fuq is-suġġerimenti tal-algoritmu jew kriterji oħra, bħall-ordni kronoloġika. Dan jgħin biex jiġi evitat kontenut li joħloq dipendenza u jiżgura li tara biss il-kontenut li tixtieq tinteraġixxi miegħu.
  • Trasparenza għar-reklamar: id-DSA introduċa rekwiżiti ta’ trasparenza għar-reklamar, biex jiżgura li r-reklami jkunu ttikkettati b’mod ċar bħala tali u jinkludi informazzjoni dwar min qed jirreklama u għaliex qed tara dawk ir-reklami. Barra minn hekk, jipprojbixxi lill-pjattaformi milli juruk reklami bbażati fuq data sensittiva, bħal data dwar l-orjentazzjoni sesswali, ir-reliġjon jew ir-razza, u jintroduċi projbizzjoni sħiħa fuq il-wiri ta’ reklamar immirat għat-tfal.
  • Tattiki manipulattivi: id-dark patterns, li huma prattiki qarrieqa li jistgħu jwassluk għal għażliet li kieku ma tagħmilx, huma pprojbiti b’mod espliċitu. Pereżempju, meta tkun qed tixtri servizzi addizzjonali għal titjira, jista’ jkun li tara buttuna kbira “iva”, filwaqt li l-għażla “le” bilkemm tkun tidher — issa l-pjattaformi jridu jiżguraw li ż-żewġ għażliet ikunu viżibbli u aċċessibbli bl-istess mod.
  • Kun af in-negozjant tiegħek: is-swieq iridu jivverifikaw min huma l-bejjiegħa u juru l-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom, sabiex ikollok informazzjoni ċara dwar mingħand min qed tixtri oġġetti jew servizzi. 

Kif jiġi infurzat id-DSA 

Id-DSA daħal fis-seħħ f’Awwissu 2023 għall-pjattaformi online kbar ħafna (VLOPs, very large online platforms) u għall-magni tat-tiftix online kbar ħafna (VLOSEs, very large online search engines ) — dawk b’aktar minn 45 miljun utent fl-UE kull xahar. Minn Frar 2024, dan japplika għall-pjattaformi l-oħra kollha fl-Unjoni Ewropea, ħlief għall-intrapriżi mikro u żgħar.  

L-infurzar tad-DSA huwa maqsum bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea.  

L-awtoritajiet nazzjonali, imsejħa Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, jissorveljaw u jinfurzaw il-konformità mad-DSA fl-Istati Membri tagħhom. Jekk tixtieq tressaq ilment dwar ksur tad-DSA, tista’ tikkuntattja lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru tiegħek.  

Il-Kummissjoni hija l-unika awtorità responsabbli li tiżgura li l-pjattaformi l-kbar jikkonformaw mar-regoli l-aktar stretti, meta jitqiesu r-riskji sinifikanti li joħolqu minħabba l-għadd kbir ta’ utenti tagħhom fl-UE. Hija żżomm kuntatt kontinwu ma’ dawn il-pjattaformi biex tappoġġa u tissorvelja l-konformità tagħhom mar-regoli tad-DSA u biex flimkien joħolqu spazju online aktar sikur. 

Jekk il-Kummissjoni tissuspetta ksur tad-DSA abbażi tal-monitoraġġ jew tal-informazzjoni tagħha minn sorsi affidabbli, inklużi ċ-ċittadini, hija tista’ tiftaħ investigazzjonijiet u titlob informazzjoni, u twettaq intervisti u spezzjonijiet tal-bini.  

Investigazzjonijiet reċenti skont id-DSA

Il-Kummissjoni diġà fetħet diversi investigazzjonijiet kontra pjattaformi kbar biex tivverifika l-konformità tagħhom mad-DSA. F’xi każijiet, dawn diġà wasslu għal bidla notevoli: 

  • TikTok: fl-2024, il-pjattaforma TikTok introduċiet il-programm ta’ Premjijiet, iżda aktar tard irtiratu wara li l-UE nediet investigazzjoni dwar it-tħassib fir-rigward tad-disinn tiegħu li potenzjalment joħloq dipendenza, speċjalment għat-tfal.
  • AliExpress: filwaqt li l-pjattaforma għadha qed tiġi investigata talli ma vvalutatx u mminimizzat kif xieraq it-tixrid ta’ prodotti dannużi u illegali, hija ħadet diversi impenji biex tikkonforma mad-DSA. Dawn jinkludu t-tisħiħ tat-trasparenza tas-sistemi ta’ reklamar u ta’ rakkomandazzjoni tagħha u t-titjib tal-mekkaniżmu tagħha biex il-kontenut illegali jiġi mmarkat. 

Investigazzjonijiet oħrajn għadhom għaddejjin. Pereżempju: 

  • Temu: l-UE tissuspetta li l-pjattaforma Temu mhux qed tivvaluta u tnaqqas kif xieraq ir-riskji assoċjati mal-bejgħ ta’ prodotti illegali, id-disinn tas-servizz li potenzjalment joħloq dipendenza, is-sistemi ta’ rakkomandazzjoni użati għax-xiri, u l-aċċess tar-riċerkaturi għad-data. Is-sejbiet preliminari dwar parti mill-investigazzjoni indikaw li l-pjattaforma Temu tikser l-obbligi tad-DSA billi ma tiċċekkjax bir-reqqa r-riskji ta’ prodotti illegali li jidhru fis-suq tagħha.
  • Facebook u Instagram: l-UE qed tinvestiga lil Facebook u Instagram talli ma applikawx kif suppost ir-regoli tad-DSA biex jissalvagwardjaw il-minorenni online. B’mod partikolari, l-UE qed tistaqsi jekk il-karatteristiċi u l-algoritmi taż-żewġ pjattaformi jistgħux jinkoraġġixxu mġiba li toħloq dipendenza fit-tfal u jwassluhom biex jikkunsmaw ammont infinit ta’ kontenut; fenomenu magħruf bħala l-“effett rabbit-hole”.  

Il-pjattaformi l-kbar li ma jikkonformawx mad-DSA jistgħu jiffaċċjaw multi sa 6 % tal-fatturat annwali globali tagħhom u se jkunu meħtieġa jieħdu miżuri korrettivi. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-konformità tal-pjattaformi u se tieħu azzjoni meta jkun meħtieġ.  

 

Għal aktar informazzjoni 

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali

L-impatt tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali fuq il-pjattaformi diġitali

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali: mistoqsijiet u tweġibiet

Superviżjoni tal-VLOPs u tal-VLOSEs

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
22 Settembru 2025
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni