Is-saħħa mentali tiegħek hija importanti
Il-ħajja tagħna online ġġib magħha bosta opportunitajiet biex nikkonnettjaw, nitgħallmu u ninvolvu ruħna mal-oħrajn. Iżda l-użu eċċessiv tal-midja soċjali u wisq ħin mhux intenzjonat quddiem l-iskrin jistgħu jagħmlu ħsara lis-saħħa mentali u fiżika.
L-algoritmi tal-midja soċjali huma ddisinjati biex jimmassimizzaw l-involviment tal-utenti. Il-karatteristiċi tad-disinn bħall-iskrolljar infinit, l-autoplay u n-notifiki push iħeġġu lill-utenti jqattgħu iktar ħin fuq il-pjattaforma. Dan jista’ jwassal għal viżjoni iktar dejqa tan-nies dwar id-dinja, iżid l-istress u l-ansjetà, u japprofondixxi l-polarizzazzjoni soċjali.
Il-liġijiet u l-inizjattivi tal-UE jgħinu biex jitnaqqsu l-aspetti negattivi tal-ħajja online tagħna. B’dan il-mod tkun tista’ tkompli taħsad il-benefiċċji ta’ teknoloġiji, logħob u midja diġitali ġodda, filwaqt li tippreserva l-benesseri mentali tiegħek.
📖 Informazzjoni dwar l-algoritmi
Il-pjattaformi jeħtieġ li jipprovdu spjegazzjonijiet ċari u faċli biex jinftiehmu li jispjegaw eżattament għaliex l-algoritmi tagħhom jissuġġerixxulek ċertu informazzjoni.
⚠️ Rapportar tal-kontenut illegali
Għandek id-dritt li tissinjala l-kontenut illegali u dannuż fuq il-pjattaformi li tkun qed tuża.
∞ Indirizzar ta’ disinn li joħloq dipendenza
Tista’ tagħżel feeds mhux personalizzati fuq il-pjattaformi kbar biex trażżan il-kontenut li potenzjalment “joħloq dipendenza”.
👁️ Ġlieda kontra l-bullying online
Fl-UE, it-tfal huma protetti mill-bullying online bl-varar ta’ app għall-UE kollha fejn il-vittmi tal-bullying online jistgħu faċilment jiksbu l-għajnuna. Stabbiliet ukoll Ċentri għal Internet Iktar Sikur madwar l-Ewropa li jgħinu biex it-tfal jinżammu f’ambjent sikur online.
📲 Titjib tal-ħiliet diġitali tiegħek
Appoġġa l-benesseri tiegħek billi tiżviluppa l-ħiliet diġitali tiegħek, sabiex tkun kapaċi tidentifika:
- informazzjoni falza jew qarrieqa
- tiġġestixxi r-riskji online
- u tuża t-teknoloġiji diġitali b’mod għaqli
👧 Salvagwardja tat-tfal u taż-żgħażagħ
Il-pjattaformi jridu jissalvagwardjaw lit-tfal u liż-żgħażagħ li jużaw is-servizzi tagħhom, billi jnaqqsu r-riskji ta’ esponiment għal kontenut bħal-logħob tal-azzard jew il-pornografija.
🛑 Projbizzjoni tar-reklami mmirati għat-tfal
Il-liġijiet tal-UE jiżguraw projbizzjoni sħiħa tar-reklami mmirati għat-tfal.
🪪 Id-data personali tiegħek tibqa’ taħt il-kontroll tiegħek
Ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data jħalluk tikkontrolla kif tintuża d-data personali tiegħek. Tista’ titlob aċċess għad-data personali li kumpanija jew organizzazzjoni jkollha dwarek; tista’ titlobhom jikkoreġuha u jekk ikun meħtieġ, iħassruha (“id-dritt li tintesa”).
🚫 Protezzjoni mill-vjolenza online
Ir-regoli tal-UE jgħinuna nkunu protetti minn kull forma ta’ vjolenza online, minn fastidju u stalking online sa kondiviżjoni mhux mixtieqa ta’ stampi. Legalment, il-pajjiżi tal-UE jridu jikkastigaw reati bħall-flashing online u l-abbuż sesswali bbażat fuq l-immaġnijiet, u l-pjattaformi diġitali kbar iridu jneħħu malajr l-immaġnijiet illegali u mhux kunsenswali jew il-materjal manipolat.
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 16 Lulju 2026
