
Hemm bżonn ta’ azzjoni urġenti biex it-tfal jiġu protetti online, b’mod partikulari mill-bullying ċibernetiku u mill-fastidju online. Wieħed jew waħda minn kull sitt itfal ta’ bejn il-11 u l-15-il sena jirrappurtaw li sfaw vittma tal-bullying ċibernetiku u madwar wieħed jew waħda minn kull tmienja jammettu li intimidaw lil oħrajn online. Għalhekk, fl-10 ta’ Frar, il-Jum għal Internet Aktar Sikur, il-Kummissjoni ħabbret pjan kontra l-bullying ċibernetiku.
Il-pjan il-ġdid huwa bbażat fuq l-introduzzjoni ta’ app fil-livell tal-UE li tippermetti lill-vittmi tal-bullying online jiksbu l-għajnuna faċilment. Permezz tal-app, it-tfal u l-adolexxenti se jkunu jistgħu
- jirrappurtaw l-inċidenti fuq linja telefonika nazzjonali għall-assistenza
- jingħataw l-appoġġ
- jaħżnu b’mod sikur l-evidenza tal-bullying
B’dan il-mod, l-app mhux biss se tgħin fil-protezzjoni tal-minorenni iżda se żżomm ukoll lill-bullies responsabbli u ssaħħaħ id il-vittmi b’għodda biex ikunu jistgħu jiddefendu ruħhom. Il-Kummissjoni se tiżviluppa mudell tal-app li l-pajjiżi tal-UE mbagħad ikunu jistgħu jadattawh, jittraduċuh, u jintegrawh mas-servizzi nazzjonali rilevanti.
Il-pjan għandu wkoll l-għan li jtejjeb il-koordinazzjoni tal-metodi nazzjonali biex jiġi indirizzat il-bullying ċibernetiku. Il-Kummissjoni qed titlob lill-pajjiżi tal-UE biex jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali u biex jibbażaw il-proċess tal-ġbir u t-tqabbil tad-data fuq interpretazzjoni komuni ta’ x’inhu bullying ċibernetiku. Barra minn dan, se teżamina mill-ġdid l-inizjattivi eżistenti tal-Unjoni biex tara kif jistgħu jittejbu.
L-aspett finali tal-pjan huwa l-prevenzjoni. Il-Kummissjoni trid tħeġġeġ prattiki diġitali aktar sikuri u aktar responsabbli sa minn età żgħira, u se tesplora kif l-għodod u r-regoli eżistenti tal-UE jistgħu jintużaw biex l-għalliema jitħarrġu aħjar u biex jittejbu r-riżorsi u t-taħriġ għall-iskejjel.
Il-Kummissjoni issa se tibda taħdem mal-pajjiżi tal-UE, mal-industrija, mas-soċjetà ċivili, mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, u mat-tfal infushom biex dan il-pjan jitwettaq. L-għan huwa li l-ispazji online isiru aktar sikuri u li jiġu protetti d-drittijiet u l-benesseri tat-tfal.
Għal aktar tagħrif
- Data tal-pubblikazzjoni
- 10 Frar 2026
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni