Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Flimkien għal ħajja li jista’ jlaħħaq magħha kulħadd

Naħdmu lkoll flimkien biex inraħħsu l-ħajja

Noħolqu l-opportunitajiet għall-ħajja ta’ kuljum

L-isforzi tagħna biex inraħħsu l-ħajja huma msejsin fuq tliet inizjattivi ewlenin:

Post fejn toqgħod, bi prezz li tiflaħ għalih

Il-post fejn wieħed joqgħod huwa l-pedament tas-soċjetà, iżda għal għadd kbir ta’ Ewropej illum il-ġurnata l-post fejn joqogħdu sar sors ta’ ansjetà. Jista’ jfisser li jkollhom jidħlu għal livelli għoljin ta’ djun jew iħabbtu wiċċhom ma’ inċertezza dwar il-ġejjieni.

  • 60%
    b’kemm għolew il-prezzijiet tad-djar mill-2013 ’l hawn
  • 22%
    b’kemm naqsu l-permessi għall-bini mill-2020 ’l hawn
  • aktar minn 20%
    b’kemm għolew il-kirjiet medji mill-2013 ’l hawn

Huwa għalhekk li ppreżentajna l-pjan Ewropew għal akkomodazzjoni affordabbli, sabiex ikollna akkomodazzjoni bi prezzijiet li n-nies jistgħu jlaħħqu magħhom, aktar sostenibbli, u ta’ kwalità aħjar.

Il-pjan huwa maħsub biex:

  • tikber il-provvista tal-akkomodazzjoni u tiġi xprunata l-innovazzjoni, pereżempju billi l-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi jiġu ssimplifikati u ddiġitalizzati
  • jingħata sostenn lil żoni milqutin minn-nuqqas ta’ akkomodazzjoni, billi jiġu indirizzati kwistjonijiet bħall-kirjiet għal żmien qasir, permezz tal-Att dwar l-Akkomodazzjoni Affordabbli
  • tingħata għajnuna lil dawk li l-aktar li ntlaqtu mill-kriżi, billi jsir proġett pilota ta’ skema ta’ garanzija biex jitnaqqas jew jiġi eliminat il-bżonn tad-depożitu ta’ garanzija
  • jiġu aċċellerati l-proċessi tal-ħruġ tal-permessi u tar-rinnovazzjoni
  • tingħata spinta lill-akkomodazzjoni soċjali u ekonomikament aċċessibbli permezz ta’ pjattaforma pan-Ewropea ġdida għall-investiment fl-akkomodazzjoni u billi jiġi ssimplifikati r-regoli dwar l-għajnuna mill-istat

Biex tasal fejn għandek bżonn tmur

  • 30%
    b’kemm żdiedu l-ispejjeż tat-trasport mill-2015 ’l hawn

Għal ħafna familji, it-trasport huwa spiża kbira. Bħala medja, il-familji fl-UE jonfqu madwar ewro minn kull tmienja tal-baġit tagħhom fuqu. Sabiex ngħinu biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, qed nagħmlu l-mobbiltà tan-nies aktar faċli u bi prezzijiet aktar aċċessibbli billi ntejbu t-trasport pubbliku, nagħtu s-sostenn biex in-nies jagħżlu li jivvjaġġaw ma’ oħrajn, u ninkoraġġixxu l-użu tar-roti u l-mixi.

Mill-2026 sal-2032 l-Fond Soċjali għall-Klima qed jipprovdi €86.7 biljun b’appoġġ għall-familji, għan-negozji ż-żgħar, u għall-komunitajiet li qed jitħabtu ma’ spejjeż għoljin tat-trasport u tal-enerġija. Barra minn hekk, il-pjan ta’ azzjoni għall-elettrifikazzjoni jistabbilixxi għodod differenti, bħall-użu ta’ skemi ta’ lokazzjoni soċjali, biex il-prezzijiet tal-vetturi elettriċi jsiru aktar aċċessibbli ekonomikament għall-familji b’introjtu baxx u medju.

Qed naħdmu mal-industrija fuq inizjattiva ġdida ta’ karozzi żgħar u affordabbli sabiex l-Ewropa tiżviluppa l-karozza elettrika nadifa, effiċjenti, u ħafifa tagħha stess li tinbiegħ bi prezz li n-nies jifilħu għalih. Dan se jgħin ukoll biex niggarantixxu li l-industrija awtomobilistika Ewropea, li tħaddem 13-il miljun ruħ u ssostni l-għajxien ta’ miljuni ta’ nies, tkun b’saħħitha.

Kulħadd għandu jkun jista’ jasal ix-xogħol, l-iskola, u fil-postijiet minn fejn jingħataw is-servizzi tas-saħħa b’mod affidabbli u bi prezzijiet li jiflaħ għalihom. Huwa għalhekk li qed ninvestu f’servizzi tat-trasport aħjar, b’mod partikulari f’żoni rurali u iktar maqtugħin għalihom, u qed ngħinu lill-awtoritajiet lokali jindirizzaw il-faqar fil-qasam tat-trasport. 

Qed ninvestu fi trasport aħjar u aktar sostenibbli permezz ta’ diversi programmi, fosthom

Kontijiet tal-enerġija li tista’ tlaħħaq aktar magħhom

F’dawn l-aħħar snin, it-tensjonijiet ġeopolitiċi fil-viċinat tagħna pprovokaw kriżi tal-enerġija fl-Ewropa. Għalkemm irnexxielna nistabbilizzaw il-prezzijiet tal-enerġija u niżguraw il-provvisti, il-prezzijiet tal-enerġija għadhom ogħla milli huma f’partijiet oħrajn tad-dinja. U l-kontijiet tad-dawl għadhom sors reali ta’ ansjetà għal bosta Ewropej. Diġà ħadna xi passi biex innaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija.

Kemm hu stmat li ffrankaw il-konsumaturi u l-industrija

  • €45 biljun
    fl-2025
  • sa €130 biljun
    kull sena minn issa sal-2030

Il-pakkett dwar l-enerġija taċ-ċittadini l-ġdid għandu l-għan li jraħħas il-kontijiet tal-enerġija u jkun ta’ għajnuna għall-konsumaturi l-aktar vulnerabbli billi jippermetti li n-nies jipproduċu l-enerġija nadifa tagħhom stess u billi jikkumbatti l-faqar enerġetiku. Xi jfisser dan għall-familji:

  • Li jiffrankaw sa €150 fis-sena billi jaqilbu għal fornituri tal-enerġija orħos.
  • Li jiffrankaw €200 fis-sena billi jitnaqqsulhom it-taxxi u l-imposti fuq il-kontijiet tad-dawl.
  • Li jieħdu deċiżjonijiet meqjusin aħjar billi l-konsumaturi jingħataw informazzjoni trasparenti dwar il-kontijiet u l-kuntratti tal-enerġija.

Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll miżuri biex jorħsu l-prezzijiet tal-enerġija billi nespandu l-enerġija nadifa u prodotta lokalment, u nsaħħu l-infrastruttura. Dan ifisser l-introduzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli aktar malajr, filwaqt li jiġu mmodernizzati u jsir investiment fl-infrastruttura u fl-interkonnetturi.

Impjiegi u għajxien aħjar

B’xogħol ta’ kwalità, kulħadd għandu jkollu l-opportunità li jibni futur fiż-żgur.

Sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja u tissaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa, il-Kummissjoni qed taġixxi fi tliet oqsma oħrajn:

Aħna impenjati wkoll li niżguraw aċċess għal ikel ta’ kwalità għolja u bi prezzijiet li l-konsumatur jista’ jlaħħaq magħhom. Il-bdiewa u s-sajjieda tal-Ewropa għandhom rwol vitali fis-sigurtà tal-ikel, fil-bijodiversità, u fil-protezzjoni ambjentali. Aħna nappoġġjawhom sabiex ikunu jistgħu jkomplu jipproduċu, għal kulħadd, ikel tajjeb u bi prezzijiet li wieħed jista’ jlaħħaq magħhom.

Inħarsu ’l quddiem

Billi naħdmu flimkien fil-livelli tal-UE, nazzjonali, u lokali, se nintensifikaw l-investiment, nissimplifikaw ir-regoli, u nipprovdu soluzzjonijiet konkreti b’rabta mal-impjiegi, mal-akkomodazzjoni, mal-enerġija, mat-trasport, u mal-ikel. L-għan huwa sempliċi: li niżguraw li l-Ewropa tibqa’ post fejn in-nies jistgħu jgħixu u jaħdmu b’fiduċja, fis-sigurtà, u bi kwalità ta’ ħajja tajba.

Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 15 Settembru 2026