Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
Closeup of little boy blowing a wind turbine toy and studying how green energy works from a young age - Concept of future generation and enewable Energy
© damianobuffo/Adobe Stock
REPowerEU

Enerġija affordabbli, sigura u sostenibbli għall-Ewropa

Daqqa t’għajn lejn REPowerEU 

Bi tweġiba għat-tbatija u t-tfixkil globali fis-suq tal-enerġija kkawżati mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, il-Kummissjoni Ewropea qed timplimenta l-Pjan REPowerEU biex ittemm gradwalment l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi.

Imniedi f’Mejju 2022, ir-REPowerEU qed jgħin lill-UE

  • tiffranka l-enerġija
  • tiddiversifika l-provvisti tal-enerġija
  • tipproduċi enerġija nadifa

Bis-saħħa tar-REPowerEU, issalvagwardjajna liċ-ċittadini u n-negozji tal-UE mill-iskarsezzi tal-enerġija, appoġġjajna lil-Ukrajna billi dgħajjifna l-fondi li r-Russja tista’ tuża għall-gwerra, għaġġilna t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, u stabbilizzajna l-prezzijiet.

It-tentattiv ta’ Putin li jaqsam lill-Ewropa billi juża l-enerġija bħala arma falla. L-isforzi konġunti tagħna se jkomplu u l-Ewropa issa hija mħejjija aħjar u hi aktar magħquda minn qatt qabel.

Kisbiet ewlenin 

Importazzjonijiet tal-enerġija mir-Russja

  • L-importazzjonijiet kollha tal-faħam mir-Russja ġew ipprojbiti b’sanzjonijiet tal-UE
  • Il-pajjiżi tal-UE li għadhom jużaw ir-reatturi b’ilma pressurizzat iddisinjati mir-Russja għamlu progress biex jissostitwixxu l-fjuwil nukleari mir-Russja bi fjuwil minn produtturi oħra.

Pjan direzzjonali biex tintemm għalkollox id-dipendenza fuq l-enerġija mir-Russja

F’Mejju u Ġunju 2025 ġew ippreżentati aktar passi fit-triq lejn it-tmiem totali tad-dipendenza, wara rkupru fl-importazzjonijiet tal-gass fl-2024. Iż-żejt, il-gass u l-enerġija nukleari Russi se jitneħħew gradwalment mis-swieq tal-UE b’mod koordinat u sigur hekk kif l-UE tagħmel it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.

L-UE qed tippjana li:

  • Gass - twaqqaf l-importazzjonijiet kollha tal-pipeline Russu u tal-gass naturali likwifikat sa tmiem l-2027
  • Żejt - tieħu azzjoni biex tindirizza l-“flotta mistura” tar-Russja (bastimenti impjegati mir-Russja biex tevadi s-sanzjonijiet) li tittrasporta ż-żejt u twaqqaf l-importazzjonijiet taż-żejt mir-Russja sa tmiem l-2027
  • Nukleari - tillimita l-importazzjoni tal-uranju, l-uranju arrikkit u materjali nukleari oħra li jiġu mir-Russja.

Sal-1 ta’ Marzu 2026 il-pajjiżi tal-UE jridu jippreżentaw lill-Kummissjoni l-pjanijiet nazzjonali ta’ diversifikazzjoni b’miżuri dettaljati u miri għall-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet diretti u indiretti tal-gass u ż-żejt Russi. Fl-istess ħin, se jitkomplew l-isforzi biex titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija tal-UE u jiġu diversifikati l-provvisti tal-enerġija bil-għan li jiġu eliminati r-riskji għas-sigurtà tal-provvista u għall-istabbiltà tas-suq.

Skopri aktar x’qed tagħmel l-UE biex tindirizza l-kriżi tal-enerġija

Niżguraw provvisti tal-enerġija affordabbli

Il-prezzijiet tal-enerġija fl-Ewropa naqsu b’mod sostanzjali meta mqabbla mal-ogħla livelli fl-2022, bis-saħħa tar-rispons Ewropew ikkoordinat u l-Pjan REPowerEU. L-Ewropa qed tinvesti fil-produzzjoni ta’ enerġija nadifa u affordabbli u biex tiżgura l-indipendenza enerġetika tagħha.

Wara l-invażjoni Russa fuq skala sħiħa tal-Ukrajna, l-UE pproponiet akkwist komuni tal-gass biex jiġi żgurat li l-Ewropej ikollhom aċċess għal enerġija affordabbli u biex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fil-provvista tal-enerġija. Din is-sistema ppermettitilna nibdew nixtru sehem mill-ħtiġijiet tal-gass tagħna flimkien, bħala Ewropej, minflok ma nikkompetu bejnietna għal provvisti skarsi.

Il-EU Energy Platform, li ilha stabbilita minn April 2022, kellha rwol kruċjali biex tgħin fid-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tagħna. Il-Pjattaforma tgħin biex tikkoordina l-investimenti fl-infrastruttura u n-negozjati mal-fornituri esterni tal-gass biex tipprevjeni lill-pajjiżi tal-UE milli jagħmlu offerti ogħla minn ta’ xulxin. Il-Pjattaforma tisfrutta wkoll il-piż tas-suq uniku tal-UE biex jinkisbu kundizzjonijiet aħjar għall-konsumaturi kollha tal-UE.

Il-ġbir flimkien tad-domanda għall-gass

F’April 2023, il-Kummissjoni nediet il-mekkaniżmu ta’ aggregazzjoni tad-domanda u xiri konġunt “AggregateEU”. Din l-inizjattiva tiġbor flimkien id-domanda għall-gass mill-kumpaniji tal-UE u tal-Komunità tal-Enerġija u tqabbel din id-domanda ma’ offerti kompetittivi ta’ provvista mis-suq globali. Wara sejħa għal sessjonijiet ta’ tqabbil, il-kumpaniji jistgħu jikkonkludu b’mod volontarju kuntratti ta’ xiri mal-fornituri tal-gass, individwalment jew b’mod konġunt.

Fis-seba’ sessjonijiet ta’ tqabbil organizzati sal-lum, il-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE ġabret aktar minn 119 bcm ta’ domanda għall-gass minn kumpaniji Ewropej u 191 bcm ġew offruti minn fornituri internazzjonali. Wara li fittxet l-aktar offerti kompetittivi, AggregateEU laħqet kważi 100 bcm biex tkopri d-domanda Ewropea. L-inizjattiva AggregateEU fil-format oriġinali tagħha skadiet f’Marzu 2025.

Il-Kummissjoni issa qed taħdem fuq strument volontarju permanenti għall-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt tal-gassijiet, kif ukoll fuq mekkaniżmi separati għall-aggregazzjoni tad-domanda ta’ komoditajiet oħra, bħall-idroġenu u d-derivattivi tiegħu u l-materja prima strateġika.

Nipproduċu enerġija nadifa

L-enerġija rinnovabbli hija tajba

  • għall-klima
  • għall-indipendenza enerġetika tal-UE
  • għas-sigurtà tal-provvista
  • għall-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi

Il-Pjan REPowerEU qed iħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika u jippromwovi investiment massiv fl-enerġija rinnovabbli.

Aktar mid-doppju
l-ammont ta’ enerġija solari prodotta mill-2019 ’l hawn
Aktar elettriku mix-xemx u mir-riħ milli mill-gass
prodott għall-ewwel darba fl-2022
Ir-riħ waħdu
pproduċa aktar elettriku mill-gass fl-2023

Mill-2022 ’l hawn, irnexxielna nżidu l-produzzjoni u l-kapaċità tagħna:  

  • ilħaqna rekord ta’ kważi 338 GW ta’ kapaċità tal-enerġija solari ġdida installata  
  • żidna l-kapaċità tar-riħ b’234 GW 
  • żgurajna li ftit aktar minn 47% tal-elettriku tagħna issa jiġi minn sorsi rinnovabbli 

Inħaffu t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa

F’Novembru 2023, daħlet fis-seħħ id-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Din il-leġiżlazzjoni l-ġdida għandha l-għan li żżid is-sehem ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum ġenerali tal-enerġija tal-UE, filwaqt li żżid il-mira vinkolanti għall-2030 għal 42,5 %, bl-ambizzjoni li tilħaq 45 %. Dan ifisser li kważi jiġi rdoppjat is-sehem eżistenti ta’ enerġija rinnovabbli fl-UE.

Biex nappoġġjaw it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, irridu nrawmu aħjar l-industrija tagħna stess. Biex niksbu dan, ipproponejna Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għall-Ewropa fi Frar 2023. Il-Pjan se jgħin lill-industrija tal-manifattura tal-UE żżid il-produzzjoni tagħha tat-teknoloġiji u l-prodotti b’emissjonijiet żero netti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi ambizzjużi tal-Ewropa.

Żewġ biċċiet ewlenin tal-Pjan huma l-Att dwar il-Materja Prima Kritika u l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti, ippreżentati f’Marzu 2023. It-tnejn li huma se joħolqu ambjent regolatorju prevedibbli u simplifikat, li jinkoraġġixxi l-investimenti u l-iżvilupp ta’ proġetti li huma kruċjali għall-ekonomija Ewropea. 

Fi tmiem l-2023, il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta’ azzjoni biex taċċellera l-introduzzjoni tal-grilji tal-elettriku. Bis-swieq tal-UE integrati bis-sħiħ, network ta’ infrastruttura modernizzat se jiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jibbenefikaw minn enerġija orħos u aktar nadifa.

Fl-istess sena, irrevedejna wkoll id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika flimkien ma’ regoli oħra dwar l-enerġija u l-klima. Ir-regoli l-ġodda jistabbilixxu l-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel”, li fil-prattika jfisser li l-effiċjenza enerġetika trid titqies mill-pajjiżi tal-UE fid-deċiżjonijiet rilevanti kollha ta’ politika u ta’ investiment ewlenin meħuda fis-setturi tal-enerġija u mhux tal-enerġija. Ir-regoli jmorru wkoll lejn l-iżgurar li nilħqu l-ambizzjoni klimatika tagħna li nnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mill-inqas 55 % sal-2030, meta mqabbla mal-1990.

F’Lulju 2024, daħlet fis-seħħ ir-riforma tad-disinn tas-suq tal-elettriku tal-UE. Dan jgħin biex is-suq tal-enerġija tal-UE jsir aktar reżiljenti u jkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini u għall-kumpaniji billi jagħmel il-kontijiet tal-enerġija tagħhom aktar indipendenti mill-prezz tas-suq tal-elettriku fuq terminu qasir. Ir-riforma tgħin ukoll biex titħaffef l-integrazzjoni ta’ aktar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-enerġija u tissaħħaħ il-protezzjoni kontra l-manipulazzjoni tas-suq.

Fil-bidu tal-2025 tressaq pjan ta’ direzzjoni tan-negozju fuq skala kbira biex jiġu appoġġjati aktar il-kompetittività u r-reżiljenza tal-industrija tal-UE, il-Patt għal Industrija Nadifa. Il-Patt se jaċċellera d-dekarbonizzazzjoni u fl-istess ħin jagħti spinta lill-manifattura tal-UE billi jnaqqas il-prezzijiet tal-enerġija, joħloq impjiegi ta’ kwalità u l-kundizzjonijiet it-tajba biex il-kumpaniji jirnexxu.

Kif jiġi ffinanzjat REPowerEU

Il-Kummissjoni mmobilizzat kważi €300 biljun biex tiffinanzja l-Pjan REPowerEU. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) hija fil-qalba ta’ dan il-finanzjament. 

Bis-saħħa tar-Regolament emendat dwar l-RRF, ġew allokati għotjiet addizzjonali tar-REPowerEU b’valur ta’ €20 biljun lill-Istati Membri permezz tal-Fond għall-Innovazzjoni u l-bejgħ ta’ kwoti tas-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS).  

Biex jiffinanzjaw il-pjanijiet REPowerEU tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jitolbu wkoll trasferimenti mir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (BAR). L-ammont totali disponibbli mir-riżerva huwa ta’ €5,4 biljun.

Passi li jmiss

Tliet snin wara, l-UE laħqet b’suċċess il-biċċa l-kbira tal-miri ambizzjużi stabbiliti fil-Pjan REPowerEU u issa tinsab fit-triq it-tajba biex teħles kompletament mill-fjuwils fossili Russi filwaqt li tkompli ssegwi t-tranżizzjoni ekoloġika u tappoġġja lill-Ukrajna.

Aħna nibqgħu niffokaw fuq it-twettiq kontinwu tal-Pjan REPowerEU, jiġifieri:

  • Inkomplu nnaqqsu l-importazzjonijiet tal-gass Russu
  • Nagħtu spinta lid-dekarbonizzazzjoni industrijali
  • Nintroduċu s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli aktar malajr
  • Ninvestu fl-infrastruttura tal-enerġija u fl-interkonnessjonijiet
  • Intejbu l-effiċjenza enerġetika

Skeda ta’ żmien

  1. 17 ta’ Ġunju 2025

    Il-Kummissjoni pproponiet regolament biex jitneħħew gradwalment l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi

  2. 22 ta’ April 2024

    Il-Kummissjoni nediet il-Koalizzjoni Ewropea għall-Finanzjament tal-Effiċjenza Enerġetika biex taċċellera l-investiment privat fl-effiċjenza enerġetika 

  3. 25 ta’ Marzu 2024

    Il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni li tħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jnaqqsu l-konsum tal-gass tagħhom sal-31 ta’ Marzu 2025 

  4. 15 ta’ Frar 2024

    It-tnedija tal-ewwel ċiklu ta’ tqabbil ta’ nofs it-terminu għax-xiri konġunt tal-gass, fejn ix-xerrejja se jkunu jistgħu jissottomettu d-domanda tagħhom għall-gass għal perjodi multipli ta’ 6 xhur minn April 2024 sa Ottubru 2029

  5. 10 ta’ Mejju 2023

    It-tnedija tal-ewwel sejħa għall-offerti għax-xiri konġunt tal-gass taħt il-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE

  6. 30 ta’ Marzu 2023

    Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar id-direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli

  7. 14 ta’ Diċembru 2022

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu qbil politiku dwar il-finanzjament ta’ REPowerEU u li jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu kapitli ta’ REPowerEU fil-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza

  8. 9 ta’ Diċembru 2022

    Tnediet Alleanza industrijali ġdida li tagħti spinta lill-enerġija solari u lis-sigurtà tal-enerġija tal-UE

  9. 9 ta’ Novembru 2022

    Il-Kummissjoni intensifikat it-tranżizzjoni ekoloġika lil hinn mill-gass Russu billi aċċellerat il-permessi għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli

  10. 26 ta’ Lulju 2022

    Abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill laħaq qbil biex jiżgura tnaqqis ordnat u kkoordinat tal-konsum tal-gass fl-UE kollha bi tħejjija għax-xitwa li ġejja.

  11. 20 ta’ Lulju 2022

    Niffrankaw il-Gass għal Xitwa Sikura: Il-Kummissjoni pproponiet pjan biex tnaqqas id-domanda għall-gass biex tipprepara lill-UE għall-qtugħ fil-provvisti Russi

  12. 18 ta’ Lulju 2022

    L-UE u l-Ażerbajġan ffirmaw Memorandum ta’ Qbil ġdid dwar Sħubija Strateġika fil-Qasam tal-Enerġija, li jistabbilixxi l-pedamenti għal sħubija fit-tul dwar l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija nadifa. Bis-saħħa ta’ dan, il-kapaċità tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar se tiġi rduppjata biex twassal mill-anqas 20 biljun metru kubu lill-UE kull sena sal-2027.

  13. 15 ta’ Lulju 2022

    Il-Kummissjoni approvat l-“IPCEI Hy2Tech”, l-ewwel Proġett Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni li qatt sar fis-settur tal-idroġenu. Il-proġett għandu l-għan li jiżviluppa teknoloġiji innovattivi għall-katina tal-valur tal-idroġenu għad-dekarbonizzazzjoni tal-proċessi industrijali u l-mobbiltà. Dan jinvolvi 35 kumpanija u 41 proġett minn 15-il Stat Membru.

  14. 27 ta’ Ġunju 2022

    Ġew adottati regoli ġodda dwar il-ħżin tal-gass. Huma se jsaħħu s-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE fid-dawl tax-xitwa li jmiss. Ir-regoli l-ġodda se jirrikjedu li l-Istati Membri tal-UE jimlew il-faċilitajiet tal-ħżin sa 80% tal-kapaċità sa Novembru 2022 – u sa 90% fis-snin sussegwenti.

  15. 23 ta’ Ġunju 2022

    L-UE u n-Norveġja qablu li japprofondixxu s-sħubija tagħhom biex iżidu l-provvisti tal-gass fuq terminu qasir u twil, jindirizzaw il-prezzijiet għoljin tal-enerġija, u jsaħħu l-kooperazzjoni dwar l-enerġija nadifa, inkluż dwar l-idroġenu.

  16. 15 ta’ Ġunju 2022

    L-UE, l-Eġittu u l-Iżrael ffirmaw Memorandum ta’ Qbil trilaterali għall-esportazzjoni tal-gass naturali lejn l-Ewropa. Il-gass naturali mill-Iżrael, l-Eġittu u sorsi oħrajn fir-reġjun tal-Lvant tal-Mediterran se jintbagħat lejn l-Ewropa permezz tal-infrastruttura tal-esportazzjoni tal-LNG tal-Eġittu.

  17. 25 ta’ Mejju 2022

    Il-Kummissjoni stabbiliet it-Task Force tal-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE biex tiżgura provvisti alternattivi.

  18. 18 ta’ Mejju 2022

    Il-Kummissjoni ppreżentat REPowerEU, pjan biex titnaqqas b’mod rapidu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi u titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika.

  19. 25 ta’ Marzu 2022

    Il-Kummissjoni u l-Istati Uniti stabbilew Task Force dwar is-Sigurtà tal-Enerġija Ewropea u l-Istati Uniti impenjaw ruħhom li jżidu l-esportazzjonijiet tal-LNG lejn l-UE 

  20. 10-11 ta’ Marzu 2022

    Il-mexxejja Ewropej adottaw id-Dikjarazzjoni ta’ Versailles u stiednu lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta Pjan REPowerEU dettaljat 

  21. 8 ta’ Marzu 2022

    Il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel proposta għall-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili Russi permezz ta’ Pjan REPowerEU 

L-aħħar aġġornament: 17 ta’ Ġunju 2025

Dokumenti

  • Communication

A clear and complete repository of the thematic areas that are shaping the REPowerEU initiative