Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Sistema tal-enerġija aktar sigura u stabbli

Il-kisbiet ewlenin

Mill-2022 ’l hawn

  • naqqasna l-konsum tal-gass fl-UE bi 13%
  • għelibna d-dipendenza li kellna fuq il-fjuwils fossili Russi
  • għall-ewwel darba, fl-2025, ipproduċejna aktar elettriku mix-xemx u mir-riħ milli mill-fjuwils fossili
  • żgurajna l-aċċess għal enerġija sigura u bi prezzijiet raġonevoli
  • żidna malajr l-impjanti tal-enerġija rinnovabbli
  • 2% tal-importazzjonijiet taż-żejt

    qabel kienu 43%

  • dipendenza ta’ 12% fuq il-gass Russu fl-2025

    fl-2021 kienet ta’ 45%, u l-pjan hu li tiġi eliminata għal kollox

  • Proporzjon ta’ ’l fuq minn 70%

    ta’ elettriku b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju (rinnovabbli u nukleari)

Minkejja l-progress li sar, setturi bħat-trasport għadhom jiddependu ħafna fuq il-fjuwils fossili, u l-prezzijiet tal-enerġija jeħtieġu aktar stabbilizzazzjoni. Irridu nkomplu naħdmu għal unjoni tal-enerġija aktar integrata u nkomplu naċċelleraw it-tranżizzjoni lejn enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju prodotta domestikament.

Niżguraw li jkollna biżżejjed gass għax-xitwa

Fis-sajf tal-2022, il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda biex jiġi żgurat li l-Ewropa jkollha provvista tal-gass li tkun biżżejjed biex tilqa’ għal kwalunkwe qtugħ għal għarrieda min-naħa tar-Russja fix-xhur tax-xitwa.

Bir-regoli l-ġodda dwar il-ħżin tal-gass, sal-1 ta’ Novembru ta’ kull sena l-pajjiżi tal-UE jridu jkunu mlew il-faċilitajiet tal-ħażna sa 90% tal-kapaċità tagħhom. Fil-bidu tal-istaġun xitwi tal-2024-2025, il-ħażniet tal-gass kellhom 95% minnhom mimlijin. Il-livell minimu ta’ 90% kien diġà ntlaħaq f’Awwissu 2024.

Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-UE qablu fuq regolament biex b’mod volontarju jnaqqsu d-domanda għall-gass naturali bi 15% għall-istaġun xitwi tal-2022-2023. Aktar tard, estendewh biex ikopri x-xitwa tal-2023-2024. F’Marzu 2024, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni biex jibqgħu jittieħdu miżuri volontarji sa Marzu 2025 biex jiġi mantnut tnaqqis kollettiv ta’ 15% fid-domanda għall-gass meta mqabbel mad-domanda medja li kien hemm bejn April 2017 u Marzu 2022. 

F’April 2022, il-Kummissjoni varat ukoll il-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE, biex tgħin lill-pajjiżi tal-UE jaħdmu flimkien fis-swieq globali. L-għan hu li tiġi evitata l-kompetizzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE, li jsir użu mill-influwenza tal-UE biex jiġu ggarantiti sorsi differenti ta’ enerġija, li titħeġġeġ il-kompetizzjoni fost il-fornituri ewlenin, u li jinkisbu kundizzjonijiet aħjar għall-konsumaturi.

Il-faċilitajiet għall-ħażna tal-gass li jridu jkunu mtlew qabel kull xitwa
90% li jridu jkunu mtlew sal-1 ta’ Novembru ta’ kull sena
95% il-perċentwal ta’ kemm imtela gass qabel ix-xitwa tal-2024-2025

Niddiversifikaw is-sorsi tal-gass u ninvestu fl-infrastruttura

Permezz ta’ investimenti f’terminals tal-LNG u f’interkonnetturi tal-gass ġie żgurat li issa kull pajjiż tal-UE jista’ jieħu l-gass minn mill-inqas żewġ sorsi, u bejn il-pajjiżi ġirien jista’ jkun hemm flussi fid-direzzjoni opposta. Ngħidu aħna, f’Mejju 2022 beda jaħdem l-interkonnettur tal-gass bejn il-Polonja u l-Litwanja, u dan saħħaħ il-possibbiltà tal-għażla u r-reżiljenza tas-suq Baltiku tal-gass. Similment, f’Ottubru 2022 ġie varat l-interkonnettur tal-gass bejn il-Greċja u l-Bulgarija, li għandu rwol ewlieni fid-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-gass fix-Xlokk tal-Ewropa.

Nifirxu l-użu tal-enerġija rinnovabbli

Minbarra li niggarantixxu li jkollna sorsi minn barra l-UE, irridu nużaw kemm nistgħu enerġija ġġenerata fit-territorju tagħna. L-UE diġà qiegħda fuq quddiem nett fid-dinja fl-iżvilupp tat-teknoloġija għall-enerġiji rinnovabbli.

Fl-2024, 25.2% tal-konsum tal-enerġija fl-UE kien ġej mill-enerġija rinnovabbli. Bir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli f’Novembru 2023, il-pajjiżi tal-UE qablu fuq mira kumplessiva li, sal-2030, il-persentaġġ tal-enerġija rinnovabbli fil-livell tal-UE jkun mill-inqas 42.5%, bl-għan li naslu għal mill-inqas 45%.

L-enerġija rinnovabbli fl-UE
25.2% il-persentaġġ tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija fl-UE fl-2024
42.5% il-mira kumplessiva għall-enerġija rinnovabbli li trid tkun intlaħqet fil-livell tal-UE sal-2030 (bil-għan li nkunu lħaqna mill-inqas 45%)

Inraħħsu l-kontijiet għall-familji u n-negozji Ewropej

  • li tiddaħħal kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà fuq il-qligħ eċċessiv fl-oqsma taż-żejt, tal-gass, tal-faħam, u tar-raffineriji, u li l-fondi jmorru għall-konsumaturi tal-enerġija

Il-miżuri ta’ emerġenza skadew fl-2023.

Fi Frar 2023, il-pajjiżi tal-UE qablu wkoll fuq Mekkaniżmu ta’ Korrezzjoni tas-Suq biex jiġu evitati d-disturbi fis-suq enerġetiku u finanzjarju. F’każ ta’ bżonn, kien jiġi attivat awtomatikament:

  • kieku l-prezz tat-Title Transfer Facility (TTF) ta’ xahar bil-quddiem qabeż il-€180/MWh għal 3 ijiem tax-xogħol, u

  • kieku l-prezz tat-TTF kien €35 ogħla minn prezz ta’ referenza għall-gass naturali likwifikat (LNG) fis-swieq globali għall-istess 3 ijiem tax-xogħol

Il-mekkaniżmu kien fis-seħħ sa Jannar 2025 u qatt ma kien hemm bżonnu. Dan kien il-każ bis-saħħa ta’ fatturi bħat-tnaqqis strutturali tad-domanda, l-affidabbiltà tal-importazzjonijiet tal-LNG u permezz tal-katusi mingħand sħab li nistgħu noqogħdu fuqhom, u t-titjib fl-infrastruttura tal-importazzjoni.

Pjan ta’ azzjoni għall-enerġija bi prezzijiet raġonevoli

Madankollu, il-prezzijiet tal-enerġija fl-UE għadhom strutturalment għoljin, u minħabba f’hekk qed ibatu ċ-ċittadini tal-UE u l-kompetittività tal-industrija tal-UE. Għaldaqstant, fi Frar 2025 il-Kummissjoni pproponiet il-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli, li jistabbilixxi miżuri konkreti fuq terminu qasir biex innaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija għaċ-ċittadini, għan-negozji, għall-industrija, u għall-komunitajiet fl-UE, biex inlestu l-unjoni tal-enerġija, biex nattiraw l-investimenti, u biex inkunu ppreparati aħjar għal kriżijiet potenzjali tal-enerġija. 

Dan se jippermetti ffrankar globali stmat ta’ €45 biljun fl-2025, b’żieda progressiva sa €130 biljun fis-sena sal-2030, u €260 biljun fis-sena sal-2040.

€45 biljun fl-2025
sa €130 biljun kull sena minn issa sal-2030
sa €260 biljun fis-sena sal-2040

Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll il-miżuri li ġejjin biex tiżgura prezzijiet raġonevoli għall-enerġija:

lt-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa tikkonsisti fil-ħolqien ta’ sistema tal-enerġija reżiljenti, bi prezzijiet raġonevoli, u indipendenti li minnha jgawdi kulħadd. Dan ifisser ukoll it-tnaqqis tad-dipendenza u tal-fjuwils fossili.

Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 22 April 2026