Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Ir-Rapport tal-2024 dwar l-Istat tad-Dritt

Ir-Rapport tal-2024 dwar l-Istat tad-Dritt jimmonitorja żviluppi sinifikanti marbuta mal-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha

Komunikazzjoni u kapitoli tal-pajjiżi

Ir-Rapport tal-2024 dwar l-Istat tad-Dritt jeżamina l-iżviluppi fl-Istati Membri kollha, kemm pożittivi kif ukoll negattivi, f’4 oqsma ewlenin għall-istat tad-dritt: is-sistema tal-ġustizzja, il-qafas kontra l-korruzzjoni, il-pluraliżmu u l-libertà tal-media, u kwistjonijiet istituzzjonali oħrajn relatati mas-sistema ta’ kontrokontrolli. Dan jinkludi l-kapitoli tas-27 Stat Membru kollha, li jiddependu fuq valutazzjoni kwalitattiva mwettqa mill-Kummissjoni, janalizzaw żviluppi ġodda mir-Rapport preċendenti u s-segwitu għall-isfidi u l-iżviluppi identifikati fl-edizzjoni tal-2023.   

Mill-2022, ir-Rapport jinkludi rakkomandazzjonijiet konkreti lill-Istati Membri kollha. L-analiżi fir-Rapport tal-2024 fiha valutazzjoni kwalitattiva tal-progress li sar mill-Istati Membri biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-2023. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-2024 jew jibnu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tas-sena l-oħra, skont il-progress li sar, jew inkella jindirizzaw sfidi ġodda. Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom l-għan li jassistu aktar lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex imexxu ’l quddiem ir-riformi li għaddejjin u jgħinuhom jidentifikaw fejn huwa meħtieġ titjib. 

Il-Kummissjoni ħejjiet dan ir-Rapport fuq il-bażi ta’ djalogu kontinwu mal-awtoritajiet nazzjonali u f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati fl-UE kollha, filwaqt li ppreservat bis-sħiħ ir-responsabbiltà politika għall-valutazzjoni tagħha u għar-rakkomandazzjonijiet maħruġin. L-edizzjoni li jmiss se tagħti segwitu għall-iżviluppi u se tkompli tivvaluta l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.  

Għall-ewwel darba, ir-Rapport tal-2024 jinkludi wkoll kapitoli tal-pajjiżi dwar erba’ pajjiżi tat-tkabbir (l-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja). L-inklużjoni tagħhom se tkun ta’ appoġġ għall-isforzi ta’ riforma ta’ dawn il-pajjiżi biex jiksbu progress irriversibbli fir-rigward tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, qabel l-adeżjoni, u biex jiggarantixxu li standards għoljin se jkomplu wara l-adeżjoni.   

Il-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea 2024-2029 komplew jikkonsolidaw li l-istat tad-dritt huwa fil-qalba ta’ Unjoni Ewropea ta’ suċċess. Ir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt se jkompli jmexxi din il-ħidma. Dan se jinkludi twessigħ tar-rapportar biex iħaddan kwistjonijiet ewlenin bħad-dimensjoni tas-Suq Uniku u l-bini ta’ rabta aktar mill-qrib bejn ir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt u r-rakkomandazzjonijiet u l-finanzjament tiegħu taħt il-baġit tal-UE. 

Ir-Rapport tal-2024 dwar l-Istat tad-Dritt - Komunikazzjoni u kapitoli tal-pajjiżi

Il-metodoloġija

Il-valutazzjoni li tinsab fil-kapitolu tal-pajjiżi tħejjiet f’konformità mal-metodoloġija kif aġġornata l-aħħar fl-2022, wara diskussjoni mal-Istati Membri, bil-ħsieb ukoll li tiġi riflessa l-inklużjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-Rapport. Il-kapitoli tal-pajjiżi m’għandhomx l-għan li jagħtu deskrizzjoni eżawrjenti tal-kwistjonijiet kollha tal-istat tad-dritt f’kull pajjiż, iżda li jippreżentaw żviluppi sinifikanti. Il-valutazzjoni tirreferi għar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-QĠUE. Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa jipprovdu qafas utli ta’ referenza għall-istandards rilevanti u l-aħjar prattiki. 

 
Ir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt huwa r-riżultat ta’ kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali u jiddependi fuq varjetà ta’ sorsi. L-Istati Membri u l-pajjiżi tat-tkabbir kollha ġew mistiedna jikkontribwixxu għall-proċess, jipprovdu kontribut bil-miktub u jipparteċipaw fi żjarat iddedikati għall-pajjiżi li saru bejn Jannar u Marzu 2024. Għal dawn iż-żjarat fil-pajjiżi, il-Kummissjoni organizzat aktar minn 640 laqgħa mal-awtoritajiet nazzjonali, il-korpi indipendenti u l-partijiet ikkonċernati, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (l-iskeda dettaljata taż-żjarat fil-pajjiżi tinsab fit-taqsima tad-Dokumenti hawn taħt). Barra minn hekk, il-Kummissjoni fil-livell politiku ddiskutiet ir-Rapport mal-awtoritajiet nazzjonali u l-gvernijiet, kif ukoll mar-rappreżentanti fil-Parlamenti nazzjonali. Qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-Rapport, l-awtoritajiet nazzjonali ngħataw l-opportunità li jipprovdu aġġornamenti fattwali fil-kapitolu tal-pajjiż tagħhom. 

 
In-network ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali tal-istat tad-dritt stabbilit fl-2020 biex jgħin fl-istabbiliment tal-mekkaniżmu, kompla jiffunzjona bħala mezz kontinwu ta’ komunikazzjoni mal-Istati Membri għat-tħejjija tar-Rapport kif ukoll biex jiġu skambjati l-aħjar prattiki. Mill-2024, l-erba’ pajjiżi tat-tkabbir jipparteċipaw ukoll bħala osservaturi f’dan in-network.  

Ir-Rapport tal-2024 dwar l-Istat tad-dritt - metodoloġija

L-input mill-Istati Membri u l-pajjiżi tat-tkabbir

L-Istati Membri kollha ġew mistiedna jipprovdu informazzjoni dwar żviluppi sinifikanti, primarjament mill-adozzjoni tar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt tal-2023, abbażi ta’ kwestjonarju aġġornat, diskuss mal-Istati Membri. L-input kien strutturat madwar l-erba’ pilastri koperti mir-Rapport - is-sistema ġudizzjarja, il-qafas kontra l-korruzzjoni, il-pluraliżmu tal-media, u kwistjonijiet istituzzjonali oħra relatati mas-sistema ta’ kontrokontrolli - u ġie pprovdut f’mudell maqbul. L-input bil-miktub mill-Istati Membri ġie ssupplimentat bi skambji matul iż-żjarat fil-pajjiżi u b’informazzjoni li waslet mingħand il-partijiet ikkonċernati. Il-pajjiżi tat-tkabbir ipprovdew ukoll aġġornamenti bil-miktub, li jikkomplementaw l-informazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-proċess tat-tkabbir. 

Ir-Rapport tal-2024 dwar l-Istat tad-Dritt - l-input mill-Istati Membri u l-pajjiżi tat-tkabbir 

Konsultazzjoni mmirata mal-partijiet ikkonċernati

Bħala parti mit-tħejjija tar-Rapport tal-2024 dwar l-Istat tad-Dritt, il-Kummissjoni Ewropea stiednet lill-partijiet ikkonċernati biex jipprovdu kontributi bil-miktub permezz ta’ konsultazzjoni mmirata għall-partijiet ikkonċernati li nfetħet mis-7 ta’ Novembru 2023 sal-14 ta’ Jannar 2024. Il-konsultazzjoni pprovdiet madwar 250 kontribut orizzontali u speċifiku għall-pajjiż minn varjetà ta’ aġenziji tal-UE, networks Ewropej, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili nazzjonali u Ewropej u assoċjazzjonijiet professjonali u atturi internazzjonali u Ewropej. Il-Kunsill tal-Ewropa pprovda wkoll ħarsa ġenerali tal-opinjonijiet u tar-rapporti reċenti tiegħu. L-informazzjoni miksuba minn din il-konsultazzjoni kkontribwixxiet għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni b’sejbiet fattwali dwar l-iżviluppi fl-Istati Membri. 

Ir-Rapport tal-2024 dwar l-Istat tad-Dritt - konsultazzjoni mmirata għall-partijiet ikkonċernati

Taqsima tad-dokumenti

  • 10 JANNAR 2024
Country Visit schedule 2024
  • 24 LULJU 2024
2024 Rule of law report - methodology
  • 24 LULJU 2024
The EU’s rule of law toolbox – factsheet 2024
  • 24 LULJU 2024
The annual Rule of Law cycle – factsheet 2024