Mur għall-kontenut ewlieni

Dazji doganali

Bit-tneħħija tal-imposti fuq iz-zokkor fl-2017, id-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet minn barra l-UE huma l-uniċi riżorsi proprji tradizzjonali tal-baġit tal-UE.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 70/243 tal-21 ta’ April 1970 dwar is-sostituzzjoni ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri bir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet ippermettiet lill-Kummissjoni biex tibda tiġbor ir-riżorsi proprji biex tiffinanzja l-baġit tal-UE, minflok ma sserraħ kompletament fuq il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri. L-ewwel riżorsi proprji għall-baġit tal-UE kienu imposti agrikoli, dazji doganali u riżorsa bbażata fuq il-VAT.

Id-dazji doganali jissejħu Riżorsi Proprji Tradizzjonali (RPT) minħabba li dejjem eżistew bħala sors dirett ta’ dħul għall-baġit tal-UE – għall-kuntrarju tat-taxxa fuq il-valur miżjud u l-kontribuzzjonijiet nazzjonali, li jsiru disponibbli għall-baġit tal-UE mill-Istati Membri.

Id-dazji doganali jirriżultaw minn politiki tal-kummerċ u tan-negozju. Dawn jiġu imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti minn pajjiżi mhux tal-UE, b’rati li jkunu stabbiliti fit-Tariffa Doganali Komuni.

Kif taħdem din ir-riżorsa proprja fid-dettall?

Ġbir

L-Istati Membri huma responsabbli għall-ġbir tad-dazji doganali, skont ir-regoli stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill li jimplimenta d-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji. L-Istati Membri għandu jkollhom infrastruttura ta’ kontroll adegwata biex jiżguraw li l-amministrazzjonijiet tagħhom, speċjalment l-awtoritajiet doganali tagħhom, iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod xieraq.

Fil-perjodu 2021-2027, l-Istati Membri se jżommu 25% tad-dazji doganali miġbura. Dan ma jkoprix biss l-ispejjeż tal-ġbir iżda jservi wkoll ta’ inċentiv biex jiġi żgurat ġbir diliġenti tal-ammonti dovuti.

Pagamenti

Ir-RPT jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fuq bażi ta’ kull xahar, xahrejn wara li jkun ġie stabbilit l-intitolament. L-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-ammont tar-RPT li għandu jiġi kkreditat fil-kont permezz ta’ dikjarazzjoni dettaljata tal-intitolamenti. Kwalunkwe dewmien biex ir-RPT jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni jagħti lok għall-ħlas ta’ imgħax.

Kontrolli

Il-Kummissjoni hija f’kuntatt mal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri sabiex tiżgura li l-ġbir tar-RPT isir skont il-leġiżlazzjoni doganali tal-UE u li r-regoli finanzjarji stabbiliti fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji (Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2020/2053) u fir-Regolament tal-Kunsill dwar miżuri ta’ implimentazzjoni għar-riżorsi proprji jiġu rispettati. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma finanzjarjament responsabbli għal kwalunkwe telf tar-RPT minħabba żbalji amministrattivi min-naħa tagħhom.