21 ta’ Diċembru 2020 - Il-Kummissjoni Ewropea tawtorizza l-ewwel vaċċin sikur u effettiv kontra l-COVID-19 Il-Kummissjoni tat awtorizzazzjoni kkundizzjonata għat-tqegħid fis-suq għall-vaċċin sikur u effettiv kontra l-COVID-19 żviluppat minn BioNTech u Pfizer. Din l-awtorizzazzjoni ssegwi rakkomandazzjoni xjentifika pożittiva bbażata fuq valutazzjoni bir-reqqa tas-sikurezza, l-effettività u l-kwalità tal-vaċċin mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini. Il-President Ursula von der Leyen qalet: “Illum, qed inżidu kapitlu importanti mal-istorja ta' suċċess Ewropea. Approvajna l-ewwel vaċċin sikur u effettiv kontra l-COVID-19 u dalwaqt se jkollna aktar. Id-dożi tal-vaċċin li ġie approvat illum se jkunu disponibbli għall-pajjiżi kollha tal-UE, fl-istess ħin u bl-istess kundizzjonijiet. Il-jiem Ewropej tat-tilqim li ġejjin se jkunu wkoll mument kbir ta' għaqda. Ma stajniex nispiċċaw din is-sena diffiċli aħjar minn hekk biex nibdew inħallu warajna din il-pandemija. Ninsabu lkoll f'baħar wieħed.” 17 ta’ Diċembru 2020 – Il-President von der Leyen tħabbar il-jiem Ewropej tat-tilqim fis-27, it-28 u d-29 ta’ Diċembru F’każ ta’ awtorizzazzjoni b’suċċess u effettiva tat-tilqim mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u mill-Kummissjoni Ewropea, il-President von der Leyen ħabbret li fis-27, it-28 u d-29 ta’ Diċembru se jibda t-tilqim kontra l-coronavirus fl-UE kollha. “Biex intemmu l-pandemija, neħtieġu sa 70% tal-popolazzjoni mlaqqma. Dan mhuwiex kompitu faċli. Mela ejjew nibdew malajr bit-tilqim flimkien, bħala grupp ta’ 27”, qalet von der Leyen. 14 ta’ Diċembru 2020 – Il-Kummissjoni tniedi Re-Open EU, app tal-mobile tal-UE b’aġġornamenti regolari dwar il-miżuri tas-saħħa, tas-sikurezza u tal-ivvjaġġar tal-coronavirus fl-Ewropa kollha Il-Kummissjoni nediet Re-Open EU, l-app tal-mobile tal-UE bla ħlas, li tipprovdi informazzjoni komprensiva u aġġornata dwar il-miżuri tas-saħħa, tas-sikurezza u tal-ivvjaġġar fl-Istati Membri kollha tal-UE u fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja u fl-Iżvizzera. L-informazzjoni hija disponibbli fl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-UE, bl-użu ta’ data miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u mill-Istati Membri. L-app hija disponibbli biex titniżżel fuq l-Android u l-iOS. 3 ta’ Diċembru 2020 - Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea: insaħħu d-demokraziji tal-UE Il-pandemija tal-coronavirus enfasizzat l-isfidi għad-demokraziji tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea qed tippreżenta l-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea tagħha biex tagħti s-setgħa liċ-ċittadini u tibni demokraziji aktar reżiljenti fl-UE kollha. B’dan il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni għandha l-għan li tipproteġi elezzjonijiet ħielsa u ġusti, issaħħaħ il-libertà u l-pluraliżmu tal-media, u tiġġieled id-diżinformazzjoni u l-interferenza barranija. 2 ta’ Diċembru 2020 – Il-Kummissjoni tippreżenta l-istrateġija “Nipproteġu ruħna mill-COVID-19 fix-xitwa” Il-Kummissjoni adottat strateġija għall-ġestjoni sostenibbli tal-pandemija fix-xhur tax-xitwa li ġejjin, meta r-riskju ta’ trażmissjoni tal-virus jista’ jiżdied minħabba ġemgħat ta’ nies fuq ġewwa. L-istrateġija tirrakkomanda viġilanza u kawtela kontinwi tul il-perjodu tax-xitwa u l-bidu tal-2021 meta se sseħħ it-tnedija tal-vaċċini sikuri u effettivi. Approċċ koordinat fl-UE kollha huwa essenzjali biex jiġi evitat li l-virus jerġa' jgħolli rasu u kwalunkwe llaxkar tal-miżuri għandu jqis l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika. 1 ta’ Diċembru 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea tiżborża €8.5 biljun taħt l-istrument SURE lil ħames Stati Membri biex tgħinhom iżommu l-impjiegi Il-Kummissjoni żborżat €8.5 biljun lil 5 pajjiżi tal-UE fit-tielet pagament ta’ appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri taħt l-istrument SURE. Dan se jappoġġja l-iskemi nazzjonali ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, il-Belġju rċieva €2 biljun, l-Ungerija €200 miljun, il-Portugall €3 biljun, ir-Rumanija €3 biljun u s-Slovakkja €300 miljun. Bl-iżborż tal-lum, 15-il Stat Membru rċevew madwar €40 biljun taħt l-istrument SURE tal-UE bejn l-aħħar ta’ Ottubru u l-aħħar ta’ Novembru. 25 ta’ Novembru 2020 - Strateġija Farmaċewtika għall-Ewropa: mediċini affordabbli, aċċessibbli u sikuri għal kulħadd Il-Kummissjoni adottat Strateġija Farmaċewtika għall-Ewropa biex tiżgura li kulħadd ikollu aċċess għal mediċini innovattivi u affordabbli, u li tappoġġja l-kompetittività, l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà tal-industrija farmaċewtika tal-UE. L-istrateġija se tippermetti lill-Ewropa tkopri l-ħtiġijiet farmaċewtiċi tagħha permezz ta’ ktajjen ta’ provvista robusti u se tgħin biex tiġi stabbilita sistema farmaċewtika tal-UE li tibqa’ valida għall-futur u li tkun reżiljenti għall-kriżijiet. Għalkemm l-Istrateġija hija ħafna aktar minn strument ta’ rispons għall-kriżijiet, hija tislet tagħlimiet mir-rispons inizjali għall-pandemija tal-COVID-19, u tagħmel is-settur farmaċewtiku tal-Ewropa aktar ippreparat u aktar reżiljenti. L-Istrateġija hija pedament tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa. 18 ta’ Novembru 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea żżid l-azzjonijiet dwar l-ittestjar b’rakkomandazzjoni dwar it-testijiet tal-antiġeni rapidi u appoġġ biex tiżdied il-kapaċità tal-ittestjar Il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni dwar l-użu tat-testijiet tal-antiġeni rapidi għad-dijanjożi tal-COVID-19 bl-għan li jiġi żgurat il-moviment liberu tal-persuni u l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. Ir-rakkomandazzjoni tipprovdi gwida dwar kif jintgħażlu t-testijiet tal-antiġeni rapidi, meta dawn ikunu xierqa u min għandu jwettaqhom, u titlob għall-validazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku tat-testijiet u r-riżultati tagħhom. Dan isegwi r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fit-28 ta’ Ottubru biex jiġi żgurat approċċ komuni u strateġiji tal-ittestjar aktar effiċjenti fl-UE. 17 ta’ Novembru – Il-Kummissjoni Ewropea tisborża €14-il biljun taħt l-istrument SURE lil disa’ Stati Membri biex tgħinhom iżommu l-impjiegi Il-Kummissjoni sborżat €14-il biljun lil disa’ Stati Membri tal-UE fit-tieni pagament ta’ appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri taħt l-istrument SURE. Biex tappoġġja l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar il-Kroazja rċeviet €510 miljun, Ċipru - €250 miljun, il-Greċja - €2 biljun, l-Italja – €6.5 biljun addizzjonali, il-Latvja - €120 miljun, il-Litwanja - €300 miljun, Malta - €120 miljun, u s-Slovenja - €200 miljun u Spanja - €4 biljun addizzjonali. Fl-aħħar ta’ Ottubru, l-Italja, Spanja u l-Polonja rċevew total ta’ €17-il biljun taħt l-istrument SURE tal-UE biex ukoll jgħinhom isostnu l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar. 11 ta’ Novembru 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea tieħu l-ewwel passi lejn il-bini ta’ Unjoni Ewropea tas-Saħħa Il-Kummissjoni qed tressaq sett ta’ proposti biex issaħħaħ il-qafas tas-sigurtà tas-saħħa tal-UE, u biex issaħħaħ l-istat ta’ tħejjija għall-kriżijiet u r-rwol ta’ rispons tal-aġenziji ewlenin tal-UE. Sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-pandemija tal-coronavirus u l-emerġenzi tas-saħħa futuri, hija meħtieġa iktar koordinazzjoni fil-livell tal-UE. Filwaqt li jisiltu tagħlimiet mill-kriżi attwali, il-proposti tal-lum se jiżguraw tħejjija u rispons iktar b’saħħithom matul il-kriżijiet tas-saħħa attwali u futuri. Il-President von der Leyen qalet: “llum, bdejna nibnu Unjoni Ewropea tas-Saħħa, biex nipproteġu liċ-ċittadini b'kura ta' kwalità għolja waqt kriżi, u biex l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu mgħammra biex jipprevjenu u jiġġestixxu emerġenzi tas-saħħa li jaffettwaw l-Ewropa kollha.” 10 ta’ Novembru 2020 - Il-Kummissjoni Ewropea tilqa’ l-ftehim dwar baġit fit-tul tal-UE ta’ €1.8 triljun u n-NextGenerationEU biex jgħinu fil-bini ta’ Ewropa aktar ekoloġika, aktar diġitali u aktar reżiljenti Il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill qablu dwar il-baġit fit-tul tal-UE u n-NextGenerationEU. Ladarba jiġi adottat, il-pakkett ta’ total ta’ €1.8 triljun se jgħin lill-Ewropa tirkupra u tibni futur aktar sostenibbli. Il-President von der Leyen qalet: “Il-pjan ta' rkupru tagħna se jgħinna ndawru l-isfida tal-pandemija f'opportunità għal irkupru mmexxi mit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali”. 5 ta’ Novembru 2020 - Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa 2020 L-impatt ekonomiku tal-pandemija varja b’mod wiesa’ fl-UE. It-Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa 2020 jipprojetta li l-ekonomija taż-żona tal-euro se tonqos b’7.8% fl-2020 qabel tilħaq tkabbir ta’ 4.2% fl-2021 u ta’ 3% fl-2022. It-tbassir jipprojetta wkoll li l-ekonomija tal-UE tonqos b’7.4% fl-2020 qabel ma tirkupra bi tkabbir ta’ 4.1% fl-2021 u ta’ 3% fl-2022. Ir-rata tal-qgħad fiż-żona tal-euro hija projettata li tiżdied minn 7.5% fl-2019 għal 8.3% fl-2020 u għal 9.4% fl-2021, qabel terġa’ tinżel għal 8.9% fl-2022. 28 ta’ Ottubru – Nindirizzaw iż-żieda tal-coronavirus: Il-Kummissjoni żżid l-azzjoni biex issaħħaħ il-miżuri ta’ tħejjija u ta’ rispons madwar l-UE Il-Kummissjoni stabbilixxiet azzjonijiet konkreti f’Komunikazzjoni dwar miżuri addizzjonali ta’ rispons għall-COVID-19 li jgħinu biex jillimitaw it-tixrid tal-coronavirus, jissalvagwardjaw il-ħajja ta’ bosta nies, u jsaħħu r-reżiljenza f’diversi oqsma fl-Istati Membri kollha. Il-miżuri jinkludu iżda mhumiex limitati għall-konnessjoni bejn l-apps ta’ kuntatt nazzjonali, it-twessigħ tal-eżenzjonijiet tal-ivvjaġġar, l-ittestjar aktar estensiv u l-iżgurar tal-provvisti għall-vaċċini. Dan sar qabel id-diskussjoni li se jkollhom il-Mexxejja Ewropej fid-29 ta’ Ottubru dwar il-koordinazzjoni fir-rigward tal-COVID-19, kif talab il-Kunsill Ewropew tal-15 ta’ Ottubru. 27 ta’ Ottubru 2020 - Il-Kummissjoni tisborża l-ewwel €17-il biljun ta’ pagamenti SURE lill-Italja, Spanja u l-Polonja Il-Kummissjoni tisborża total ta’ €17-il biljun lill-Italja (€10 biljuni), lil Spanja (€6 biljuni) u lill-Polonja (€1 biljun) fl-ewwel pagament tal-appoġġ finanzjarju tas-SURE lill-Istati Membri. L-appoġġ kien allokat biex jassisti lill-Istati Membri jindirizzaw iż-żidiet fin-nefqa pubblika biex jinżammu l-impjiegi, u b’mod partikolari għall-ħaddiema b'ħinijiet aqsar u dawk li jaħdmu għal rashom. L-Italja hija mistennija li tirċievi total ta’ €27.4 biljun, Spanja €21.3 biljun u l-Polonja €11.2 biljun. 19 ta’ Ottubru 2020 - Il-gateway tal-interoperabbiltà tal-UE bdiet topera: l-ewwel apps għat-traċċar tal-kuntatti u t-twissija konnessi mas-sistema tal-UE Il-Kummissjoni, fuq stedina mill-Istati Membri tal-UE, waqqfet sistema mifruxa mal-UE kollha biex tiżgura li l-apps tal-kuntatti u tat-traċċar jkunu jistgħu “jitkellmu ma’ xulxin”. Is-sistema bdiet taħdem illum bl-ewwel mewġa ta’ apps nazzjonali issa konnessi permezz ta’ dan is-servizz: Corona-Warn-App tal-Ġermanja, COVID tracker tal-Irlanda, u lmmuni tal-Italja . Flimkien, dawn l-apps ġew iddawnlowdjati minn madwar 30 miljun persuna, li jikkorrispondi għal żewġ terzi tad-downloads tal-apps kollha fl-UE. It-tieni grupp ta’ apps se jiġu konnessi l-ġimgħa d-dieħla. Imbagħad, huma mistennija jissieħbu eRouška taċ-Ċekja, smitte stop tad-Danimarka, Apturi COVID tal-Latvja u Radar Covid ta’ Spanja, filwaqt li f’Novembru se jiġu konnessi aktar apps mas-sistema. 15 ta’ Ottubru 2020 – strateġija tal-UE għall-vaċċini: tħejjija għall-istrateġiji tat-tilqim kontra l-COVID-19 u l-varar tal-vaċċini Il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni dwar it-tħejjija għall-istrateġiji tat-tilqim kontra l-COVID-19 u l-varar tal-vaċċini. Biex vaċċin sikur u effettiv jilħaq b’suċċess lil dawk li jeħtiġuh, l-Istati Membri jridu jibdew iħejju għall-varar tagħhom, iżidu l-isforzi ta’ komunikazzjoni tagħhom u jagħtu prijorità lill-gruppi li għandhom ikunu tal-ewwel li jirċievu l-vaċċini ladarba jkunu disponibbli. Mhuwiex magħruf liema vaċċin potenzjali, jekk ikun hemm, se jlesti b’suċċess il-proċess ta’ żvilupp u awtorizzazzjoni u b’hekk jissodisfa l-kriterji ta’ effikaċja u sikurezza biex jitqiegħed fis-suq tal-UE. L-Ewropa teħtieġ tikseb portafoll wiesa’ ta’ kandidati għal vaċċin bl-użu ta’ approċċi teknoloġiċi differenti biex jiġu massimizzati ċ-ċansijiet ta’ żvilupp, manifattura u użu rapidu ta’ vaċċin għall-Ewropej kollha. 13 ta’ Ottubru 2020 – Ftehim dwar approċċ koordinat għal miżuri li jirrestrinġu l-moviment liberu fl-UE fid-dawl tal-COVID-19 L-Istati Membri tal-UE qablu dwar approċċ koordinat għar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar marbutin mal-pandemija tal-COVID-19. Dan jinkludi klassifikazzjoni tar-reġjuni (ħodor, oranġjo, ħomor u griżi) ibbażata fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika lokali. Ir-Rakkomandazzjoni adottata tistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu wkoll informazzjoni f’waqtha lill-vjaġġaturi. L-Istati Membri qablu li mhu se jkun hemm ebda restrizzjoni, bħall-kwarantina jew l-ittestjar, fuq vjaġġaturi li ġejjin minn reġjuni “ħodor”. L-informazzjoni għandha tkun disponibbli wkoll fuq Re-open EU. Aktar informazzjoni 12 ta’ Ottubru 2020 – L-ewwel riżultati tal-implimentazzjoni tal-Inizjattivi ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Il-Kummissjoni ħarġet l-ewwel riżultati proviżorji tal-Inizjattivi ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus: l-UE mmobilizzat aktar minn €13-il biljun biex tindirizza l-pandemija tal-coronavirus. €4.1 biljun f’fondi tal-UE għenu biex jappoġġjaw is-sistemi tal-kura tas-saħħa u €8.4 biljun appoġġjaw negozji żgħar u ta’ daqs medju. €1.4 biljun ingħataw permezz tal-Fond Soċjali Ewropew biex jiġu salvati l-impjiegi. Biex tiżgura trasparenza u responsabbiltà massima, il-Kummissjoni qed tniedi paġna web apposta dwar il-Pjattaforma tad-Data Miftuħa dwar il-Koeżjoni biex turi kif il-Politika ta’ koeżjoni tal-UE qed tappoġġja lill-Istati Membri biex jegħlbu l-kriżi tal-coronavirus. 8 ta’ Ottubru 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea tapprova t-tielet kuntratt għal vaċċin potenzjali tal-COVID-19 u tiffirma l-ftehim għar-Remdesivir Fis-7 ta’ Ottubru, il-Kummissjoni Ewropea approvat it-tielet kuntratt ma’ kumpanija farmaċewtika, Janssen Pharmaceutica NV, għal dożi ta’ vaċċin għal 200 miljun persuna. L-Istati Membri se jkollhom ukoll il-possibbiltà li jixtru l-vaċċini għal 200 miljun persuna oħra. Il-vaċċin kandidat diġà jinsab fil-fażi III tal-provi kliniċi. Il-Kummissjoni ffirmat ukoll ftehim ma’ Gilead għall-provvista ta’ massimu ta’ 500,000 kors ta’ kura ta’ Remdesivir - l-unika mediċina f’dan l-istadju b’awtorizzazzjoni kondizzjonali għat-tqegħid fis-suq fl-UE għall-kura ta’ pazjenti bil-COVID-19 li jeħtieġu l-provvista tal-ossiġenu. Madwar 36 firmatarju tal-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt jipparteċipaw, inklużi l-pajjiżi kollha tal-UE, il-pajjiżi taż-ŻEE, ir-Renju Unit, kif ukoll sitt pajjiżi kandidati. 7 ta’ Ottubru 2020 - Il-Kummissjoni Ewropea se toħroġ bonds tal-EU SURE b’valur sa €100 biljun bħala bonds soċjali. Il-Kummissjoni ħabbret li se toħroġ bonds soċjali tal-EU SURE sa €100 biljun u li adottat Qafas tal-Bonds Soċjali evalwat b’mod indipendenti. L-investituri jistgħu jkunu ċerti li l-fondi mobilizzati se jaqdu verament għan soċjali u se jgħinu lill-Istati Membri jkopru l-ispejjeż relatati mal-finanzjament ta’ skemi nazzjonali ta’ xogħol b'ħinijiet iqsar u miżuri simili bħala reazzjoni għall-pandemija. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll proposta biex l-Ungerija tingħata €504 miljun taħt l-istrument SURE. Il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen qalet: “Mhux biss qed ninvestu biljuni ta' euro biex insalvaw l-impjiegi fl-Ewropa u nnaqqsu l-impatt soċjali tal-pandemija tal-coronavirus, iżda qed nagħmlu dan billi noħorġu bonds soċjali Dan se jagħti lill-investituri l-opportunità biex jikkontribwixxu għall-isforzi tagħna u sa €100 biljun se jgħinu biex fl-Istati Membri tagħna l-ħaddiema ma jitilfux l-impjieg tagħhom.” 30 ta’ Settembru 2020 – Il-Kummissjoni toħroġ l-ewwel rapport dwar l-istat tad-dritt li qatt sar: il-miżuri ta’ emerġenza għall-coronavirus iridu jirrispettaw il-prinċipji u l-valuri fundamentali tal-UE Il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel Rapport dwar l-Istat tad-Dritt fl-UE kollha li qatt sar, għodda preventiva ġdida fil-qalba tal-Mekkaniżmu Ewropew tal-Istat tad-Dritt il-ġdid. Ir-Rapport, żviluppat fi djalogu mill-qrib mas-27 Stat Membru u l-partijiet ikkonċernati kollha, ikopri erba’ pilastri ewlenin tal-istat tad-dritt fl-UE: il-ġustizzja nazzjonali, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-libertà tal-media u s-sistemi ta’ kontrokontrolli essenzjali. Dan jenfasizza l-iżviluppi pożittivi u negattivi fl-Istati Membri kollha. Hu jħares ukoll lejn kwistjonijiet li jirriżultaw mis-sistemi u l-miżuri ta’ emerġenza għall-coronavirus stabbiliti f’għadd ta’ Stati Membri, li se jkomplu jiġu mmonitorjati mill-Kummissjoni. Ir-Rapport jissottolinja li t-tibdil jew is-sospensjoni tas-sistemi ta’ kontrokontrolli nazzjonali normalment fis-seħħ jistgħu joħolqu sfidi serji għall-istat tad-dritt, u li r-rispons għall-kriżi jrid jirrispetta l-valuri u l-prinċipji fundamentali kif stabbiliti fit-Trattati tal-UE. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni issa se timpenja ruħha f’regola ta’ djalogu mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, kif ukoll mal-Parlamenti nazzjonali, mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-partijiet ikkonċernati, biex tfittex l-appoġġ minn xulxin u tesplora opportunitajiet biex jitwettqu r-riformi. 24 ta’ Settembru 2020 - Valutazzjoni tar-riskju ġdida tal-ECDC titlob miżuri aktar stretti minħabba żieda fir-rati ta’ infezzjoni L-ECDC aġġorna l-valutazzjoni rapida tar-riskju tiegħu dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni epidemjoloġika u sab li r-rati ta’ infezzjoni żdiedu fl-UE kollha u fir-Renju Unit. Dan joħloq riskju dejjem akbar għal ċerti gruppi u ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa. L-ECDC ppubblika wkoll linji gwida ġodda dwar il-miżuri ta’ mitigazzjoni komunitarji. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll mistoqsijiet u tweġibiet dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Vaċċini. 22 ta’ Settembru 2020 - Il-Kummissjoni tilqa’ l-finalizzazzjoni tas-sistema ta’ garanzija ta’ €100 biljun għall-istrument SURE Il-Kummissjoni tilqa’ l-attivazzjoni tal-istrument SURE - l-Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza, li se jipprovdi sa €100 biljun f’appoġġ finanzjarju biex jgħin fil-protezzjoni tal-ħaddiema u l-impjiegi affettwati mill-pandemija tal-coronavirus. Dan isegwi l-finalizzazzjoni tal-proċeduri u l-firem ta’ approvazzjoni nazzjonali mill-Istati Membri kollha biex jipprovdu għall-ftehimiet ta’ garanzija mal-Kummissjoni b’valur totali ta’ €25 biljun. Il-Kummissjoni diġà ppreżentat proposti lill-Kunsill għal deċiżjonijiet biex jingħata appoġġ finanzjarju ta’ €87.3 biljun lil 16-il Stat Membru mill-istrument SURE. Ladarba l-Kunsill jadotta dawn il-proposti, l-appoġġ finanzjarju jingħata fil-forma ta’ self mogħti b’termini favorevoli mill-UE lill-Istati Membri. 17 ta’ Settembru 2020 - Il-Kummissjoni tippreżenta l-passi li jmiss għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ta’ €672.5 biljun fl-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021 Il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet gwida għall-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tagħha tal-2021. L-aġenda l-ġdida għat-tkabbir tgħin biex jinbena rkupru ekoloġiku, diġitali u sostenibbli. Il-Faċilità, immaniġġjata minn Task Force, hija l-istrument ewlieni fil-qalba ta’ NextGenerationEU u se tgħin lill-UE ssir aktar b’saħħitha u aktar reżiljenti. L-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà makroekonomika huma prinċipji gwida li jirfdu l-pjanijiet ta’ rkupru u reżiljenza tal-Istati Membri u r-riformi u l-investimenti nazzjonali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jissottomettu l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom mill-15 ta’ Ottubru 2020 ’il quddiem, fejn jiddeskrivu l-aġendi nazzjonali ta’ investiment u riforma biex jibbenefikaw mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. 10 ta’ Settembru 2020 - Il-Kummissjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa se jsaħħu t-trattamenti tal-coronavirus f’kollaborazzjoni globali Illum, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, u d-Direttur Ġenerali tad-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyesus, nedew u ospitaw b’mod konġunt l-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta’ Faċilitazzjoni ta’ Livell Għoli biex jitħaffu l-iżvilupp u l-użu ta’ vaċċini, testijiet u trattamenti kontra l-COVID-19. Il-Kunsill ta’ Faċilitazzjoni jibni fuq dak li kiseb l-ACT-A s’issa: qed jiġu segwiti aktar minn 200 kandidat għall-vaċċin, 1700 prova klinika, u 80 dijanjostika. Il-President von der Leyen qalet: “It-tnedija tal-lum tal-Kunsill ta' Faċilitazzjoni tressaqna eqreb lejn l-għan globali tagħna: aċċess għall-vaċċini, għat-testijiet u għat-trattamenti tal-coronavirus għal kulħadd u kullimkien. L-UE se tagħmel l-almu kollu tagħha biex tgħin iżżomm id-dinja magħquda kontra l-coronavirus.” 9 ta’ Settembru 2020 – Il-Kummissjoni żżid mal-portafolli tal-vaċċini wara t-taħditiet ma’ BioNTech-Pfizer Il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet taħditiet esploratorji mas-sitt manifattur għax-xiri ta’ vaċċin potenzjali kontra l-COVID-19. Ladarba jiġi ppruvat li l-vaċċin hu sikur u effettiv kontra l-COVID-19, hu antiċipat li l-Kummissjoni se tixtri 200 miljun doża, f’isem l-Istati Membri kollha tal-UE, kif ukoll l-opzjoni li tixtri sa 100 miljun doża oħra. Il-President von der Leyen qalet: “Kuntenta nħabbar li kkonkludejna taħditiet ma’ BioNTech-Pfizer għal xiri inizjali ta’ 200 miljun doża ta’ vaċċini futuri tal-coronavirus. Din hija s-sitt kumpanija farmaċewtika li kkonkludejna taħditiet jew iffirmajna ftehim magħha għal vaċċini potenzjali. Dan sar fi żmien rekord. Il-possibbiltà li niżviluppaw u nimplimentaw vaċċin sikur u effettiv qatt ma kienet ogħla, kemm għall-Ewropej kontinentali, kif ukoll għall-bqija tad-dinja. Biex negħlbu l-coronavirus fi kwalunkwe post fid-dinja, irridu negħlbuh kullimkien.” 4 ta’ Settembru 2020 – Il-Kummissjoni tipproponi li tarmonizza l-miżuri nazzjonali li jaffettwaw il-moviment ħieles fl-UE Il-Kummissjoni adottat proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex jittejbu l-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni tal-miżuri li jillimitaw il-moviment ħieles minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Il-proposta tal-Kummissjoni tistabbilixxi tliet punti ewlenin: kriterji komuni biex jiġi deċiż jekk għandhomx jiddaħħlu restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar; kriterji ta’ mmappjar b’użu ta’ kodiċi ta’ kulur bi qbil; approċċ komuni għall-miżuri applikati għall-vjaġġaturi minn żoni b’riskju għoli. Il-President von der Leyen qalet: “ll-libertà li nivvjaġġaw bejn il-fruntieri fl-Ewropa hi waħda mill-benefiċċji l-aktar tanġibbli għan-nies fl-Unjoni Ewropea. Dawn il-miżuri se jipprovdu aktar stabbiltà, aktar prevedibbiltà u ċarezza għall-Ewropej." Aktar Punti Ewlenin Links relatati Marzu sa Awwissu 2020