Mur għall-kontenut ewlieni

Appoġġ għall-impjiegi u l-ekonomija matul il-pandemija tal-coronavirus

  • Kontenut arkivjat

    Il-paġni web f’din it-taqsima m’għadhomx jiġu aġġornati. Il-kontenut jista’ jkun skadut u għandu jiġi kkonsultat għal referenza tal-passat biss.

Il-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat xokk kbir għall-ekonomiji Ewropej u globali. Il-kriżi tal-coronavirus kienet sfida għall-ekonomija Ewropea u għall-għajxien taċ-ċittadini. Matul din il-kriżi tas-saħħa, kien vitali li jiġu protetti s-setturi essenzjali tal-ekonomija, tan-negozji u tal-ħaddiema tagħna.

Il-Kummissjoni ħadet azzjoni immedjata biex ittaffi l-impatt ekonomiku tal-pandemija, kemm billi awtorizzat azzjoni b’saħħitha mill-Istati Membri kif ukoll permezz ta’ miżuri u inizjattivi ta’ emerġenza ekonomika biex tgħin lill-ħaddiema u lill-impjegaturi u tappoġġja l-ekonomija matul il-kriżi. Filwaqt li indirizzat il-ħtiġijiet immedjati, il-Kummissjoni wieġbet għax-xokk ekonomiku bi pjan ta’ rkupru mingħajr preċedent, b’investimenti u riformi – in-NextGenerationEU, li ġie adottat flimkien mal-baġit pluriennali tal-UE għall-2021-27.

Il-protezzjoni tan-negozji u l-impjiegi

Il-Kummissjoni stabbiliet miżuri u strumenti biex tipproteġi l-impjiegi u l-ħaddiema affettwati mill-pandemija tal-COVID-19.

sure_0.png

Strument Ewropew għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE) biex jiġi ppreservat l-introjtu tal-ħaddiema u jiġu sostnuti n-negozji.
Mill-2020, hija pprovdiet appoġġ għal madwar 31.5 miljun impjegat u aktar minn 2.5 miljun ditta f’19-il Stat Membru benefiċjarju.

youth-employment.jpg

Miżuri tal-UE biex tingħata spinta lill-impjieg taż-żgħażagħ, filwaqt li ż-żgħażagħ jingħataw is-setgħa bħala muturi ta’ ekonomija diġitali u ekoloġika.
Dan diġà rriżulta f’Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa, qafas Ewropew modernizzat għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u impetu mġedded għall-apprendistati. Mill-2014, l-iskema ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ għenet lil aktar minn 36 miljun żagħżugħ u żagħżugħa jirċievu offerta ta’ impjieg, edukazzjoni kontinwa, apprendistati u/jew traineeships.

Two men working in a factory.

Inbiddlu l-prinċipji tal-Pilastru f’azzjonijiet tanġibbli għaċ-ċittadini.
Il-Pjan jinkludi miri ewlenin li l-UE trid tikseb sal-2030, jiġifieri, impjieg għal mill-inqas 78% tal-persuni ta’ bejn 20 u 64 sena, l-iżgurar li 60% tal-adulti kollha jipparteċipaw f’taħriġ kull sena u t-tnaqqis tal-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali b’mill-inqas 15-il miljun.

Protezzjoni tan-negozji żgħar u ta’ daqs medju

L-impatti ekonomiċi tal-kriżi tal-coronavirus fuq l-ekonomija Ewropea varjaw bejn l-industriji u n-negozji.

Biex tappoġġja l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) – is-sinsla tal-ekonomija tal-UE, il-Kummissjoni fasslet pakkett komprensiv flimkien mal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, appoġġjat mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS). Pereżempju, €714-il miljun mill-FEIS ġew ridirezzjonati lejn il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self COSME. Dan ippermetta lill-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) jinċentiva lill-banek biex jipprovdu likwidità lill-SMEs affettwati mill-kriżi tal-coronavirus. Ingħatat aktar flessibbiltà lill-utenti tal-Faċilità, u r-rata ta’ garanzija żdiedet minn 50% għal 80%.

Sa tmiem Diċembru 2022, l-appoġġ għen biex tiġi pprovduta likwidità lil aktar minn 180,000 negozju żgħir u medju fl-Ewropa kollha, billi inċentivizza lill-banek lokali biex jipprovdu aktar minn €10 biljun ta’ finanzjament ta’ likwidità taħt il-miżura COSME COVID.

Appoġġ għar-reġjuni u l-komunitajiet lokali permezz tal-koeżjoni u l-investiment

Il-komunitajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kienu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-pandemija u l-konsegwenzi tagħha. Il-Kummissjoni mmodifikat ir-regoli tal-politika ta’ koeżjoni fi kwistjoni ta’ ġimgħat biex tipprovdi flessibbiltà, likwidità u simplifikazzjoni addizzjonali lill-Istati Membri permezz taż-żewġ inizjattivi ta’ investiment fir-rispons għall-Coronavirus, l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII) u l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus (CRII +). L-Istati Membri setgħu jallokaw mill-ġdid il-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni li ma ntefaqx lis-setturi l-aktar fil-bżonn – il-kura tas-saħħa, l-appoġġ għan-negozju u l-protezzjoni ta’ gruppi ta’ persuni vulnerabbli. Il-valur ta’ azzjonijiet bħal dawn laħaq €13-il biljun fl-ewwel 6 xhur biss, li llum żdied għal €24 biljun. Il-miżuri kkontribwew biex in-negozji jinżammu għaddejjin matul il-lockdowns, jipprovdu lill-isptarijiet b’tagħmir mediku u jiżguraw li l-persuni f’sitwazzjonijiet żvantaġġati jirċievu l-appoġġ mediku u soċjali kollu li jeħtieġu.

In-NextGenerationEU saħħaħ il-politika ta’ koeżjoni b’€50 biljun addizzjonali permezz tal-ħolqien tar-REACT-EU biex jintefqu fuq l-irkupru mill-pandemija filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-prijoritajiet ekoloġiċi u diġitali. Ir-REACT-EU kkontribwixxa għat-tnedija mill-ġdid tan-negozji, l-avvanz tar-riċerka u l-iżvilupp xjentifiċi, u l-għoti ta’ edukazzjoni, taħriġ u appoġġ għall-impjiegi aċċessibbli lil dawk fil-bżonn. Fl-ewwel tliet xhur, il-Kummissjoni kienet diġà approvat aktar minn 80% tal-finanzjament disponibbli għall-2021.

Inizjattivi fit-tul b’appoġġ għall-irkupru

B’mod parallel mal-introduzzjoni ta’ miżuri biex jittaffa l-impatt ekonomiku tal-pandemija, il-Kummissjoni pproponiet il-pakkett tan-NextGenerationEU – il-pjan tal-UE biex toħroġ aktar b’saħħitha u aktar reżiljenti mill-kriżi tal-COVID-19.

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) hija strument temporanju li huwa l-qofol tan-NextGenerationEU. Permezz tal-Faċilità, il-Kummissjoni tiġbor fondi billi tissellef fis-swieq kapitali (toħroġ bonds f’isem l-UE). Dawn imbagħad ikunu disponibbli għall-Istati Membri tagħha, biex jimplimentaw riformi u investimenti ambizzjużi li:

  • jagħmlu l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħhom aktar sostenibbli, reżiljenti u mħejjija għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, f’konformità mal-prijoritajiet tal-UE;

  • jindirizzaw l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż skont il-qafas tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u soċjali.

L-RRF hi wkoll kruċjali għall-implimentazzjoni tal-pjan REPowerEU, ir-rispons tal-Kummissjoni għat-tbatija soċjoekonomika u t-tfixkil globali fis-suq tal-enerġija kkawżati mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.

Kemm il-baġit pluriennali tal-UE kif ukoll in-NextGenerationEU mirfuda mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) ġew adottati f’Diċembru 2020. Sa Awwissu 2023, b’kollox ġew żborżati €153 biljun minn €723 biljun (fi prezzijiet tal-2022) disponibbli taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Il-proġetti ffinanzjati permezz tal-RRF qed iġibu riżultati tanġibbli għall-ekonomiji tal-Istati Membri u tal-komunitajiet lokali f’firxa wiesgħa ta’ oqsma li jinkludu t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, il-koeżjoni soċjali u territorjali, it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, ir-reżiljenza u l-politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss. Eżempji tal-proġetti fl-Istati Membri kollha huma disponibbli fil-paġna web tal-RRF.

Flessibbiltà skont ir-Regoli Fiskali tal-UE

Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni Ewropea attivat għall-ewwel darba l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, bħala parti mill-istrateġija tagħha biex tirreaġixxi malajr u bil-qawwa għall-kriżi tal-coronavirus. Il-klawżola liberatorja ġenerali ppermettiet lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jindirizzaw b’mod adegwat il-kriżi, filwaqt li jitbiegħdu mir-rekwiżiti baġitarji li normalment japplikaw skont il-qafas fiskali Ewropew.

Il-klawżola liberatorja ġenerali se tiġi diżattivata fi tmiem l-2023. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pakkett tar-Rebbiegħa tas-Semestru Ewropew f’Mejju 2022 iddikjarat li l-kundizzjonijiet biex tiġi diżattivata l-klawżola liberatorja ġenerali se jitqiesu li ntlaħqu mill-2024. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli ta’ Novembru 2022 ikkonferma din il-valutazzjoni, filwaqt li nnota li l-ekonomija Ewropea ħarġet minn perjodu ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku. Hija rkuprat lil hinn mil-livell tagħha ta’ qabel il-pandemija u issa għelbet il-fażi akuta tax-xokk tal-prezz tal-enerġija kkawżat mill-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, għalkemm l-inċertezza għadha għolja.

Ċaħda ta’ responsabilità. Il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar f’Settembru 2023