Mur għall-kontenut ewlieni

Marzu sa Awwissu 2020

Ikkonsulta l-punti ewlenin minn Marzu sa Awwissu 2020

series of test tubes in a drawer

31 ta’ Awwissu 2020 - Ir-Rispons Globali għall-Coronavirus: Il-Kummissjoni tingħaqad mal-Faċilità tal-Aċċess Globali għal Vaċċini Kontra l-COVID-19

Sabiex taċċellera l-iżvilupp u l-manifattura tal-vaċċini għall-COVID-19 għal kull min għandu bżonnhom, il-Kummissjoni tingħaqad mal-“Faċilità tal-Aċċess Globali għal Vaċċini Kontra l-COVID-19” Il-Faċilità COVAX hi kopreseduta minn Gavi, l-Alleanza għall-Vaċċini, il-Koalizzjoni għall-Innovazzjonijiet fit-Tħejjija għall-Epidemiji (CEPI) u d-WHO. Il-President von der Leyen qalet: “S’issa twegħdu kważi €16-il biljun f’garanziji, u l-aqwa riċerkaturi u organizzazzjonijiet qegħdin flimkien jagħmlu sforz biex iwasslu vaċċini, testijiet u trattamenti li jkunu ta’ benefiċċju komuni universali. Illum, il-Kummissjoni qiegħda tħabbar kontribuzzjoni ta’ €400 miljun lil COVAX biex naħdmu flimkien fix-xiri ta’ vaċċini futuri.”

Commissioner Kyriakides signing the first contract with the company AstraZeneca

27 ta’ Awwissu 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea tiffirma formalment l-ewwel kuntratt ma’ AstraZeneca

L-ewwel kuntratt tal-Kummissjoni Ewropea nnegozjat f’isem l-Istati Membri tal-UE mal-kumpanija farmaċewtika daħal fis-seħħ wara l-iffirmar formali bejn AstraZeneca u l-Kummissjoni. Il-President von der Leyen qalet: “Il-Kummissjoni qiegħda taħdem bla waqfien biex liċ-ċittadini tipprovdilhom vaċċin sikur u effettiv kontra l-COVID-19 kemm jista’ jkun malajr. Id-dħul fis-seħħ tal-kuntratt ma’ AstraZeneca huwa pass importanti f’dan ir-rigward. Nistenna b’ħerqa li nsaħħu l-portafoll tagħna ta’ vaċċini potenzjali bis-saħħa ta’ kuntratti ma’ kumpaniji farmaċewtiċi oħrajn u billi niftiehmu ma’ sħab internazzjonali biex ikollna aċċess universali u ekwu għall-vaċċini.”

Two men in a workshop

25 ta’ Awwissu 2020 – Il-Kummissjoni tipproponi li tipprovdi €87.3 biljun f’appoġġ finanzjarju lil 16-il Stat Membru taħt l-inizjattiva SURE

Fl-24 u l-25 ta’ Awwissu, il-Kummissjoni ppreżentat proposti lill-Kunsill biex jingħata appoġġ finanzjarju ta’ €87.3 biljun lil 16-il Stat Membru taħt l-inizjattiva SURE biex jiġu appoġġjati skemi ta’ xogħol għall-perjodu qasir u jiġi protett l-għajxien ta’ kuljum. Il-pajjiżi jinkludu l-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, Spanja, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Portugall. Ladarba tiġi approvata, ix-SURE se tipproteġi lill-ħaddiema u se tagħti appoġġ lin-negozji permezz tal-għoti ta’ appoġġ finanzjarju bħala self mogħti taħt termini favorevoli biex jgħin l-iskemi nazzjonali ta’ xogħol b’ħinijiet qosra u b’mod partikolari lil dawk li jaħdmu għal rashom. Il-President von der Leyen qalet: “Jeħtieġ li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nippreservaw l-impjiegi u l-mezzi bażiċi tal-għajxien. Illum jimmarka pass importanti f’dan ir-rigward.”

researcher in a laboratory

20 ta’ Awwissu 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea tissokta b’taħdidiet ġodda ma’ CureVac biex tkompli twessa’ l-portafoll tat-tilqimiet fil-futur

Il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet taħditiet esploratorji ma’ CureVac biex tixtri vaċċin potenzjali kontra l-COVID-19. Ladarba l-vaċċin jiġi ppruvat li hu sigur u effettiv, ikun possibbli għall-Istati Membri kollha tal-UE li jixtru l-vaċċin u hu previst li l-Kummissjoni inizjalment tixtri 225 miljun doża f’isem l-Istati Membri kollha. Il-President von der Leyen qalet: “Il-Kummissjoni Ewropea qed twettaq il-wegħda tagħha li tiżgura aċċess malajr għal tilqima sikura u effettiva. Fil-jiem li ġejjin se jkollna ftehim ma’ CureVac, impriża Ewropea innovattiva li diġà ngħatat finanzjament tal-UE biex tipproduċi tilqima fl-Ewropa.”

A scientist at work in a lab

14 ta’ Awwissu 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea tikkonkludi l-ewwel ftehim dwar vaċċin potenzjali ma’ AstraZeneca

Il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet l-ewwel ftehim mal-kumpanija farmaċewtika AstraZeneca biex tixtri vaċċin potenzjali kontra l-COVID-19. Ladarba jiġi ppruvat li l-vaċċin hu sikur u effettiv kontra l-COVID-19, il-Kummissjoni qablet dwar il-bażi għal qafas kuntrattwali għax-xiri ta’ 300 miljun doża tal-vaċċin ta’ AstraZeneca f’isem l-Istati Membri tal-UE bil-possibbiltà li tixtri 100 miljun aktar. Il-President von der Leyen qalet: “In-negozjati intensi tal-Kummissjoni Ewropea ikomplu jiksbu r-riżultati. Il-Ftehim tal-lum hu l-pedament fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar il-Vaċċini tal-Kummissjoni Ewropea”.

Researcher working on vaccine

13 ta’ Awwissu 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet aktar taħditiet biex tiżgura vaċċin fil-futur

Il-Kummissjoni kkonkludiet taħditiet esploratorji ma’ Johnson & Johnson biex tixtri vaċċin potenzjali kontra l-coronavirus. Il-kuntratt previst jipprovdi għall-possibbiltà tax-xiri inizjali ta’ 200 miljun doża f’isem l-Istati Membri kollha tal-UE jekk jirriżulta li hu sikur u effettiv kontra l-COVID-19.

Il-President von der Leyen qalet: “Il-ħajja taċ-ċittadini u l-ekonomija tagħna jeħtieġu vaċċin sikur u effettiv kontra l-coronavirus. It-taħditiet tal-lum iwassluna aktar viċin biex niksbu dan. Il-Kummissjoni qed tagħmel kull sforz, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u ma’ kumpaniji farmaċewtiċi biex tikkontribwixxi b’mod attiv għal dan il-għan.”

Research lab

11 ta’ Awwissu 2020 - 23 proġett ġdid ta' riċerka li se jirċievu €128 miljun f’finanzjament tal-UE

Il-Kummissjoni se tappoġġja 23 proġett ġdid ta' riċerka b’€128 miljun bħala rispons għall-kriżi tal-coronavirus. Il-finanzjament se jippermetti lil madwar 347 tim ta’ riċerka minn 40 pajjiż, inklużi 34 parteċipant minn 16-il pajjiż barra l-UE, biex isaħħu l-kapaċitajiet ta’ manifattura industrijali, jużaw teknoloġiji mediċi u għodod diġitali u jtejbu l-fehim tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija. Il-finanzjament taħt Orizzont 2020, il-programm ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE, hu parti mill-impenn ta’ €1.4 biljun tal-Kummissjoni għall-inizjattiva ta’ Rispons Globali għall-Coronavirus. Dawn l-azzjonijiet tar-riċerka jikkumplementaw l-isforzi preċedenti biex jiġu żviluppati dijanjostika, trattamenti u vaċċini.

Sanofi talks

31 ta’ Lulju 2020 – Il-Kummissjoni tikkonkludi t-taħditiet biex tiżgura vaċċin futur kontra l-coronavirus

Il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet taħditiet esploratorji mal-kumpanija farmaċewtika Sanofi biex tixtri vaċċin potenzjali għall-COVID-19. Ladarba l-vaċċin ikun wera li huwa sikur u effettiv, il-Kummissjoni tixtri 300 miljun doża għall-Istati Membri kollha tal-UE. Il-President von der Leyen qalet: “Il-Kummissjoni Ewropea qed tagħmel dak kollu li tista' biex tiżgura li l-Ewropej ikollhom aċċess rapidu għal vaċċin li jkun sikur. Il-pass tal-lum ma’ Sanofi huwa pedament importanti għal Strateġija Ewropea dwar il-Vaċċini ferm usa’. Qegħdin f'diskussjonijiet ma' diversi kumpaniji oħra. Għalkemm illum il-ġurnata għad ma nafux liema vaċċin se jaħdem l-aħjar, l-Ewropa qed tinvesti f'portafoll diversifikat ta' vaċċini promettenti.”

scientist

29 ta’ Lulju 2020 - Il-Kummissjoni Ewropea tiżgura l-aċċess tal-UE għar-Remdesivir għat-trattament kontra l-COVID-19

Il-Kummissjoni ffirmat kuntratt ta’ €63 miljun mal-kumpanija farmaċewtika Gilead biex tiżgura dożi tat-trattament tal-Veklury, l-isem kummerċjali tar-Remdesivir. Il-Veklury kienet l-ewwel mediċina awtorizzata fil-livell tal-UE għat-trattament kontra l-COVID-19. Mill-bidu ta’ Awwissu ’l quddiem, il-lottijiet tal-Veklury se jkunu disponibbli għall-Istati Membri u għar-Renju Unit, bil-koordinazzjoni u l-appoġġ tal-Kummissjoni, biex jiġi żgurat it-trattament ta’ madwar 30,000 pazjent b’sintomi severi tal-COVID-19. Il-Kummissjoni qed tħejji wkoll akkwist konġunt għal aktar provvisti tal-mediċina, li mistennija jkopru ħtiġijiet addizzjonali.

handshake

27 ta’ Lulju 2020 - Il-Kummissjoni Ewropea tniedi sejħa għal sħubijiet ta’ rispons u rkupru innovattivi bejn ir-reġjuni tal-UE

Biex tappoġġja r-rispons u l-irkupru tal-coronavirus, u biex tgħin lir-reġjuni jaħtfu l-opportunitajiet, il-Kummissjoni qed tniedi sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għal proġetti ta’ innovazzjoni bejn ir-reġjuni li jiffokaw fuq erba’ oqsma tematiċi: żvilupp tal-katina tal-valur mediku; sikurezza u ġestjoni tal-iskart mediku; turiżmu sostenibbli u diġitali; u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ l-idroġenu f’reġjuni b’intensità qawwija ta’ karbonju. Il-baġit globali biex jiġu żviluppati l-erba’ sħubijiet tematiċi huwa ta’ €400,000 (sa €100,000 għal kull sħubija) mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u s-sejħa se tkun miftuħa sas-7 ta’ Settembru 2020.

Ursula von der leyen

23 ta’ Lulju 2020 – Il-President tal-Kummissjoni von der Leyen fil-Parlament Ewropew: “Flimkien, issa għandna l-opportunità li niksbu xi ħaġa storika għall-Ewropa.”

Wara qbil fil-Kunsill Ewropew dwar il-Pjan Ewropew ta’ Rkupru, il-President tal-Kummissjoni, von der Leyen, fil-Parlament Ewropew qalet: “Issa għandna qawwa finanzjarja enormi u bla preċedent - €1.8 triljun. Nistgħu niżguraw li n-Next Generation EU jaċċelera t-tranżizzjonijiet doppji ekoloġiċi u diġitali. 30% tan-Next Generation EU u tal-baġit tal-UE tagħna se jintefqu fuq proġetti relatati mal-klima. In-Next Generation EU jista’ jkun wieħed mill-akbar stimulu għall-investiment u r-riformi fi kwalunkwe post fid-dinja – l-investiment fl-implimentazzjoni tal-5G, l-intelliġenza artifiċjali u d-diġitalizzazzjoni industrijali, l-enerġija rinnovabbli, it-trasport sostenibbli u l-bini effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Għandna impenn ċar li nirrispettaw l-istat tad-dritt u għax dan huwa investiment Ewropew fl-Unjoni Ewropea tagħna, huwa essenzjali li l-Parlament Ewropew ikollu rwol ewlieni.”

budget

21 ta’ Lulju 2020 – Il-mexxejja Ewropej jilħqu ftehim dwar il-pjan ta’ rkupru u l-baġit fit-tul Ewropew 2021-2027

Wara 4 ijiem u ljieli twal ta’ negozjati, il-mexxejja tal-UE rnexxielhom jaqblu dwar il-pjan ta’ rkupru għall-Ewropa. Aktar minn 50% tal-baġit globali fit-tul tal-UE u n-Next Generation EU – total ta’ madwar €1,8 triljun – se jappoġġjaw politiki moderni u se jistabbilixxu lill-Ewropa fit-triq lejn irkupru sostenibbli u reżiljenti, billi jinħolqu l-impjiegi u tissewwa l-ħsara kkawżata mill-coronavirus, filwaqt li jinbena futur aktar ekoloġiku u diġitali. Il-President von der Leyen qalet: “L-Ewropa kollha kemm hi issa għandha ċans tajjeb biex toħroġ aktar b’saħħitha mill-kriżi. Illum, ħadna pass storiku li lkoll nistgħu nkunu kburin bih. Issa rridu naħdmu mal-Parlament Ewropew biex ikollna ftehim.”

testing lab image

15 ta’ Lulju 2020 - Il-Kummissjoni ssaħħaħ l-istat ta’ tħejjija għal tifqigħat futuri possibbli tal-coronavirus

Filwaqt li għandha l-għan li ssalva l-ħajjiet u tevita l-lockdowns, il-Kummissjoni qed tistabbilixxi miżuri immedjati fuq terminu qasir biex issaħħaħ l-istat ta’ tħejjija tal-UE fil-qasam tas-saħħa f’każ ta’ tifqigħat futuri possibbli tal-coronavirus. L-ittestjar u t-traċċar tal-kuntatt, sorveljanza tas-saħħa pubblika mtejba u aċċess usa’ għat-tagħmir protettiv personali, għall-mediċini u għall-apparat mediku huma essenzjali biex jiġu indirizzati malajr it-tifqigħat futuri. L-azzjonijiet deskritti fil-Komunikazzjoni jinkludu wkoll it-tnaqqis tal-piż fuq is-sistemi tas-saħħa tal-influwenza staġunali, aktar protezzjoni lill-persuni l-aktar vulnerabbli u miżuri mhux farmaċewtiċi oħra.

Ursula von der Leyen, President of the European Commission speeking at the European Parliament

8 ta’ Lulju 2020 – Il-President von der Leyen: nistgħu noħorġu aktar b'saħħitna minn din il-kriżi

Waqt li kienet qed tindirizza lill-Parlament Ewropew fl-okkażjoni tal-bidu tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE Ġermaniża, il-President von der Leyen qalet: “Is-Solidarjetà tfisser li min għandu bżonn l-aktar appoġġ, jirċievi aktar appoġġ. Fin-Next Generation EU, l-investimenti huma marbuta mar-riformi abbażi tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż eżistenti. U kull Stat Membru għandu x-xogħol xi jwettaq. Jekk irridu noħorġu aktar b’saħħitna minn din il-kriżi, irridu lkoll ninbiddlu għall-aħjar. Dan hu dak li l-Ewropej jistennew minna. L-irkupru ekonomiku ma jistax ikun separat mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, kif ukoll mid-diġitalizzazzjoni u r-reżiljenza. Tittraskurawx il-baġit fuq seba’ snin tagħna - minħabba Next Generation EU. Next Generation EU hu għall-kriżi akuta – iżda l-baġit fit-tul hu permanenti, u hu l-aktar għodda importanti. Dawn il-politiki jeħtieġu valur miżjud Ewropew u għandhom bżonn ta’ finanzjament b'saħħtu fuq seba’ snin biex jieħdu l-ħajja.”

money euros

7 ta’ Lulju - Tbassir Ekonomiku tas-Sajf 2020: L-irkupru mhux uniformi mistenni jaqbad sew fit-tieni nofs tal-2020

Minkejja r-rispons ta’ politika rapidu u komprensiv kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali għall-kriżi tal-coronavirus, it-Tbassir Ekonomiku tas-Sajf 2020 jipprevedi riċessjoni profonda fl-ekonomija tal-UE din is-sena. Peress li t-tneħħija tal-miżuri ta’ lockdown qed tipproċedi b’pass iktar bil-mod milli mistenni fit-Tbassir tagħna tar-Rebbiegħa, l-impatt fuq l-attività ekonomika fl-2020 se jkun iktar sinifikanti milli previst. L-ekonomija tal-UE hija mbassra li se tiċkien b’8.3% fl-2020 u li se tikber b’5.8% fl-2021, filwaqt li l-ekonomija taż-żona tal-euro mistennija tiċkien b’8.7% fl-2020 u tikber b’6.1% fl-2021. Madankollu, id-data bikrija għal Mejju u Ġunju tissuġġerixxi li x’aktarx l-agħar għadda. L-irkupru huwa mistenni jaqbad sew fit-tieni nofs tas-sena, minkejja li baqa’ mhux komplut u mhux uniformi fost l-Istati Membri.

A female working wearing a fluorescent vest talking to her co-workers
©️ European Union, 2017 / Source: EC - Audiovisual Service

1 ta’ Lulju - Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ: pont għall-impjiegi għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ Ewropej

Il-pandemija tal-coronavirus enfasizzat il-bidu li jħabbtu wiċċhom miegħu ħafna żgħażagħ, li spiss ikun wieħed diffiċli, iżda ż-żgħażagħ Ewropej jistħoqqilhom l-aqwa opportunitajiet li tista’ toffri l-Ewropa. Il-Kummissjoni qed tieħu azzjoni biex tiżgura li l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ Ewropej tista’ tiffjorixxi, filwaqt li tagħmel lill-Ewropa aktar ekoloġika u aktar diġitali, billi tipproponi li ssaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, u b'hekk twassal biex l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tal-UE jkunu tajbin għall-futur, jiġġedded l-impetu għall-apprendistati, kif ukoll jingħata appoġġ għal miżuri oħra għall-impjieg taż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni tistenna li l-gvernijiet nazzjonali jinvestu mill-inqas €22 biljun biex jappoġġjaw l-impjieg taż-żgħażagħ.

Global response event

27 ta’ Ġunju 2020 - Is-summit b’appell għal wegħdiet ta’ donazzjonijiet tar-Rispons Globali għall-Coronavirus jimmobilizza €6.15 biljun oħra.

Il-kampanja “Għan Globali: Ningħaqdu għall-Ġejjieni tagħna” tas-summit b’appell għal wegħdiet ta’ donazzjonijiet organizzat mill-President von der Leyen, u Global Citizen fis-27 ta’ Ġunju mmobilizza €6.15 biljun biex jgħin fl-iżvilupp u l-iżgurar ta’ aċċess ekwu għall-vaċċini, għat-testijiet u għat-trattamenti tal-coronavirus. Dan l-ammont jinkludi wegħda ta’ donazzjoni ta’ €4.9 biljun mill-Bank Ewropew tal-Investiment, fi sħubija mal-Kummissjoni Ewropea, u €485 miljun imwiegħda mill-Istati Membri tal-UE. Xhieda tas-solidarjetà globali li ntweriet, is-summit wassal għal impenn ta’ produzzjoni ta’ aktar minn 250 miljun doża ta’ vaċċin għal pajjiżi bi dħul baxx. Is-summit u l-kunċert b’appell għal wegħdiet ta’ donazzjonijiet globali laqqa’ flimkien artisti, xjentisti u mexxejja dinjija biex jitkellmu b’vuċi waħda biex jiżguraw aċċess universali għall-mediċini tal-coronavirus. L-avveniment iġib total ta’ wegħdiet ta’ donazzjonijiet tar-Rispons Globali għall-Coronavirus għal €15.9 biljun.

Global response event

26 ta’ Ġunju 2020 - Ir-Rispons Globali għall-Coronavirus: idħol ara s-summit u l-kunċert is-Sibt, 27 ta’ Ġunju fit-3pm CET.

Is-summit u l-kunċert b’appell għal wegħdiet ta’ donazzjonijiet u organizzati mill-Kummissjoni u minn Global Citizen se jsiru s-Sibt li ġej (27 ta’ Ġunju). L-artisti, ix-xjenzati u l-mexxejja dinjija se jitkellmu b’vuċi waħda biex jimmobilizzaw finanzjament addizzjonali għat-trattamenti u għall-vaċċini tal-coronavirus. Dan is-summit b’appell għal wegħdiet ta’ donazzjonijiet se jixxandar is-Sibt filgħaxija fis-3pm CET u se jkun ospitat mill-President Ursula von der Leyen li se tospita wkoll il-kunċert flimkien mal-attur Dwayne Johnson. Dan se jinkludi spettakli u dehriet minn Shakira, Justin Bieber, Miley Cyrus, Chris Rock, David Beckham, Kerry Washington, Hugh Jacksman u ħafna oħrajn. Tista’ ssib il-line-up sħiħ hawnhekk. Ingħaqad fuq: Facebook, Twitter u YouTube u Spotify is-Sibt. Is-summit se jiġi strimjat fuq is-sit web u l-media soċjali tal-Global Citizen.

Coronavirus global response

22 ta’ Ġunju - Ir-Rispons Globali għall-Coronavirus: Il-Kummissjoni tħabbar is-summit tal-mexxejja dinjija u l-line-up tal-kunċert għall-avveniment għall-wegħdiet ta’ donazzjonijiet tas-27 ta’ Ġunju

L-artisti għandhom is-setgħa jispiraw il-bidla. Bl-għan li jiġi mmobilizzat finanzjament addizzjonali għar-Rispons Globali għall-Coronavirus biex jiġu żviluppati l-vaċċini għall-coronavirus u jiġu mqassma b'mod universali,l-artisti, ix-xjentisti u l-mexxejja dinjija se jitkellmu b’vuċi waħda fis-Summit u l-Kunċert tal-“Għan Globali: Ningħaqdu għall-Ġejjieni Tagħna”. Dan is-summit tal-wegħdiet ta’ donazzjoniet se jixxandar is-Sibt filgħaxija fis-3pm CET u se jkun ospitat mill-President Ursula von der Leyen li se tospita wkoll il-kunċert flimkien mal-attur Dwayne Johnson. Dan se jinkludi spettakli u dehriet minn Shakira, Justin Bieber, Miley Cyrus, Chris Rock, David Beckham, Kerry Washington, Hugh Jacksman u ħafna oħrajn. Tista’ ssib il-line-up sħiħ hawnhekk. Ingħaqad fuq: Facebook, Twitter u YouTube. Is-summit se jiġi strimjat fuq is-sit web u l-media soċjali tal-Global Goal Unite.

p042711-854626_small.jpg

17 ta’ Ġunju 2020 – Żvelata l-istrateġija tal-UE għall-vaċċini tal-COVID-19

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat strateġija Ewropea biex tħaffef l-iżvilupp, il-manifattura u t-tqassim tal-vaċċini għall-coronavirus billi bħalissa dan hu l-aħjar mod kif negħlbu b’mod permanenti l-pandemija f’perjodu bejn 12 u 18-il xahar, jekk mhux qabel. Kull xahar li niggwadanjaw fis-sejba ta’ dan il-vaċċin isalva l-ħajjiet, l-għajxien u biljuni ta’ euro. Biex jitwettaq dan l-għan kumpless jeħtieġ li jsiru provi kliniċi b’mod parallel mal-investiment fil-kapaċità tal-produzzjoni biex ikunu jistgħu jiġu prodotti miljuni, jew saħansitra biljuni, ta’ dożi ta’ vaċċin effettiv. Kumpaniji b’vaċċin kandidat promettenti, diġà fil-bidu ta’ provi kliniċi, jew qrib li jibdewhom, huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fuq EC-VACCINESatec [dot] europa [dot] eu (EC-VACCINES[at]ec[dot]europa[dot]eu)

reopen eu visual

15 ta’ Ġunju 2020 - “Re-open EU” – tnedija ta’ pjattaforma online ġdida biex jerġgħu jibdew b’mod sikur il-moviment liberu u t-turiżmu fl-UE

Il-Kummissjoni varatRe-open EU”, pjattaforma online li fiha informazzjoni essenzjali li tippermetti li jerġgħu jibdew b’mod sikur il-moviment liberu u t-turiżmu fl-Ewropa kollha, biex int tkun tista’ tgawdi l-vaganzi li ġejjin tiegħek. Il-pjattaforma se tipprovdi informazzjoni f’ħin reali dwar il-fruntieri, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, il-miżuri ta’ saħħa pubblika u sikurezza bħat-tbegħid fiżiku jew l-użu tal-maskri, kif ukoll informazzjoni prattika oħra għall-vjaġġaturi. Re-open EU hi disponibbli bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE. Uża Re-open EU u oħloq bookmark għaliha fuq id-desktop u l-mobile.

man with mask checking his phone

10 ta’ Ġunju 2020 – L-UE tintensifika l-azzjoni biex tiġġieled id-diżinformazzjoni dwar il-coronavirus

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli qed jintensifikaw il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni dwar il-coronavirus billi jipproponu t-triq ’il quddiem f’Komunikazzjoni Konġunta. Din tistabbilixxi r-rispons immedjat u l-azzjonijiet konkreti li jistgħu jitħaddmu malajr biex tiġi miġġielda l-mewġa enormi ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa, inkluż tentattivi biex entitajiet minn barra l-UE jinfluwenzaw id-dibattiti u liċ-ċittadini tal-UE. Fl-istess ħin, l-UE se tkompli tiżgura l-libertà tal-espressjoni u tappoġġja lill-mezzi tax-xandir li r-rappurtar indipendenti tagħhom huwa tant kruċjali waqt il-pandemija tal-coronavirus. L-azzjonijiet proposti se jagħtu kontribut għall-ħidma futura tal-UE rigward id-diżinformazzjoni, b’mod partikolari l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Demokrazija u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali

Interior of an innovation lab

8 ta’ Ġunju 2020 – L-UE tagħti €314-il miljun lil kumpaniji innovattivi biex tiġġieled il-coronavirus u tappoġġja l-irkupru

Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li hija tat kważi €166 miljun lil 36 kumpanija, permezz tal-Aċċelleratur Pilota tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, li se jaħdmu fuq proġetti pijunieri: wipes ta’ bijodekontaminazzjoni, żvilupp ta’ sistemi li jimmonitorjaw il-ventilazzjoni tal-massa bi prezz baxx, u żvilupp ta’ pjattaforma ta’ antikorpi għat-trattament tal-każijiet serji ta’ infezzjoni. Aktar minn €148 miljun se jingħataw lil 36 kumpanija oħra stabbiliti biex jikkontribwixxu għall-pjan ta’ rkupru għall-Ewropa, pereżempju permezz tal-iżvilupp ta’ torrijiet tat-turbini tar-riħ aktar b’saħħithom u itwal magħmula mill-moduli tal-injam. 

Lab

4 ta’ Ġunju 2020 - Il-Kummissjoni Ewropea twiegħed donazzjoni ta’ €300 miljun lill-Alleanza għall-Vaċċini

Fl-4 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret wegħda ta’ donazzjoni ta’ €300 miljun lil Gavi, l-Alleanza għall-Vaċċini, għall-perjodu bejn l-2021 u l-2025. Il-finanzjament se jgħin biex jiġu immunizzati 300 miljun tifel u tifla fid-dinja kollha u se jiffinanzja r-riżervi tal-vaċċini kontra t-tifqigħat ta’ mard infettiv. Hu se jiżgura t-tranżizzjoni b’suċċess ta’ xi pajjiżi biex jiffinanzjaw lilhom infushom u se jwassal aktar minn 3.2 biljun doża ta’ vaċċini lil 55 pajjiż. Inġabru aktar minn €1.5 biljun għall-Alleanza għall-Vaċċini fl-avveniment ta’ wegħdiet ta’ donazzjonijiet tar-Rispons Globali għall-Coronavirus, li kien koospitat mill-Kummissjoni Ewropea fi sforz biex tingħeleb din il-pandemija u tevita oħra.

pills

3 ta’ Ġunju 2020 – Il-Kummissjoni tieħu l-ewwel pass lejn l-adozzjoni ta’ Strateġija Farmaċewtika għall-Ewropa

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat pjan direzzjonali dwar l-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa. Kulħadd jista’ jaqsam il-feedback tiegħu u jgħin fit-tfassil tal-proposta. L-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa se tindirizza r-riskji, tiżgura l-kapaċitajiet tal-produzzjoni farmaċewtika fl-Ewropa, tappoġġja l-industrija farmaċewtika Ewropea biex tibqa’ innovatur u mexxej dinji, u tiżgura l-provvista ta’ mediċini sikuri u bi prezz raġonevoli. Il-Kummissjoni tikkonsulta regolarment liċ-ċittadini, lin-negozji u lill-partijiet ikkonċernati dwar l-inizjattivi tagħha, bħall-Istrateġija tal-Farmaċewtika għall-Ewropa. Il-pjan direzzjonali se jkun segwit minn konsultazzjoni pubblika.

global response

28 ta’ Mejju 2020 - Ir-Rispons Globali għall-Coronavirus: Tnedija tal-kampanja “Għan Globali: Ningħaqdu għall-Ġejjieni Tagħna” bl-appoġġ ta’ Global Citizen

Ir-Rispons Globali għall-Coronavirus beda fl-4 ta’ Mejju u s’issa ġabar €9.8 biljun għall-aċċess universali għal vaċċini, trattamenti u ttestjar affordabbli tal-coronavirus. Fit-tnedija tal-fażi li jmiss, il-President von der Leyen qalet: “Id-dinja għandha bżonn tingħaqad u tegħleb lill-virus darba għal dejjem. L-aħbar it-tajba hija li dan diġà qed iseħħ. Qed inniedu kampanja ġdida “Għan Globali: Ningħaqdu għall-Ġejjieni Tagħna” u din l-idea ġejja mingħand Global Citizen. Matul ix-xahar li ġej, in-nies se jsemmgħu leħinhom u jikkontribwixxu għall-ġlieda komuni tagħna kontra l-coronavirus. Fis-27 ta’ Ġunju, se nospita summit finali ta’ wegħdiet ta’ donazzjonijiet fejn in-negozji, il-fondazzjonijiet u ċ-ċittadini jkunu jistgħu jingħaqdu mad-donaturi pubbliċi.”

Recovery plan for Europe

27 ta’ Mejju 2020 - Il-mument tal-Ewropa: Żvelat Pjan ta’ Rkupru maġġuri ta’ €2.4 triljun għall-Ewropa biex isewwi u jħejji għall-ġenerazzjoni li jmiss

Sabiex tingħata spinta għall-irkupru Ewropew u jiġu protetti l-ħajjiet, l-għajxien u l-impjiegi, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi pjan ta’ rkupru maġġuri ta’ €2.4 triljun li hu bbażat fuq l-użu tal-potenzjal sħiħ ta’ baġit tal-UE b’saħħtu, modern u mġedded biex iwassal għal Ewropa aktar sostenibbli, diġitali, inklużiva u ġusta. Il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen qalet: “Il-ġenerazzjoni li jmiss tal-Ewropa se taħsad il-benefiċċji ta' għada. Investimenti li mhux biss se jippreservaw il-kisbiet pendenti ta' dawn l-aħħar 70 sena, iżda li se jiżguraw li l-Unjoni tagħna tkun newtrali għall-klima, diġitali, soċjali u attur globali b'saħħtu wkoll fil-futur. Dan jikkonċerna lilna lkoll. U huwa mod akbar minn kull wieħed u waħda minna. Dan huwa l-mument tal-Ewropa.”

mask

26 ta’ Mejju 2020 - Solidarjetà fi żmien il-coronavirus: L-industrija tal-UE taġixxi biex tipproteġi liċ-ċittadini Ewropej

Il-kumpaniji Ewropej urew solidarjetà straordinarja f’din il-kriżi. Diversi kumpaniji fl-Ewropa dawru l-produzzjoni minn tessuti, ħwejjeġ, u prodotti kożmetiċi għal tagħmir protettiv personali bħalma huma l-maskri, il-ventilaturi u l-ġell sanitizzatur. Xi kumpaniji Ewropej iddikkjaraw li se jagħtu l-prodotti b’donazzjoni bħala att ta’ solidarjetà maċ-ċittadini. Il-Kummissjoni Ewropea tgħin lill-kumpaniji jbiddlu t-tagħmir u jżidu l-produzzjoni biex jipproduċu tagħmir protettiv personali billi tipprovdi linji gwida dwar l-istandards bla ħlas, taċċellera l-approvazzjoni u tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar il-konformità.

EU semester

20 ta’ Mejju 2020 - Il-Pakkett tar-Rebbiegħa tas-Semestru Ewropew: Rakkomandazzjonijiet għal rispons koordinat għall-pandemija tal-coronavirus

Fl-20 ta’ Mejju, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għall-Istati Membri kollha tal-UE u għar-Renju Unit, abbażi tal-istrateġija ta’ tkabbir tal-Kummissjoni, li tippromwovi s-sostenibbiltà kompetittiva biex tibni ekonomija li taħdem għan-nies u għall-pjaneta. Ir-rakkomandazzjonijiet ikopru oqsma bħall-investimenti fis-saħħa pubblika u r-reżiljenza tas-settur tas-saħħa, il-preservazzjoni tal-impjiegi permezz ta’ appoġġ tad-dħul għall-ħaddiema, u l-investimenti fin-nies u l-ħiliet. Rispons ekonomiku Ewropew koordinat huwa kruċjali biex tiġi rilanċata l-attività ekonomika, tittaffa l-ħsara lin-nisġa ekonomika u soċjali u jitnaqqsu d-diverġenzi u l-iżbilanċi. Għalhekk, is-Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika u tal-impjiegi jikkostitwixxi element kruċjali tal-istrateġija ta’ rkupru.

researcher covid-19

19 ta’ Mejju 2020 – Ir-riċerka dwar il-coronavirus tingħata spinta ta’ €122 miljun f’finanzjament addizzjonali

Il-Kummissjoni mmobilizzat €122 miljun ieħor mill-programm tagħha għar-riċerka u l-innovazzjoni, Orizzont 2020, għar-riċerka fil-coronavirus li hija meħtieġa b’mod urġenti. Is-sejħa l-ġdida għal espressjonijiet ta’ interess tikkontribwixxi għal wegħda ta’ donazzjoni ta’ €1.4 biljun tal-Kummissjoni lill-inizjattiva ta’ Rispons Globali għall-Coronavirus, imnedija mill-President Ursula von der Leyen fl-4 ta’ Mejju 2020. Ir-riċerka l-ġdida se titgħallem minn gruppi kbar ta’ pazjenti fl-Ewropa kollha u fehim aħjar tal-impatti tal-imġiba u soċjoekonomiċi tal-epidemija tal-coronavirus jista’ jgħin biex jitjiebu l-istrateġiji ta’ trattament u ta’ prevenzjoni. Il-proġetti ffinanzjati fil-kuntest ta’ din is-sejħa għandhom ukoll jiddirezzjonaw mill-ġdid il-manifattura għall-produzzjoni rapida ta’ provvisti mediċi vitali u tat-tagħmir meħtieġ għall-ittestjar, għat-trattament u għall-prevenzjoni, u jiżviluppaw teknoloġiji mediċi u għodod diġitali li jtejbu d-detezzjoni, is-sorveljanza u l-kura medika.

airport

13 ta’ Mejju 2020 – Nerġgħu lura għan-normal b’mod sikur fl-ivvjaġġar u nagħtu spinta lit-turiżmu tal-Ewropa: Il-Kummissjoni tieħu azzjoni

Biex in-nies ikunu jistgħu jieħdu l-vaganzi u jqattgħu ftit ħin mal-ħbieb u mal-familji tagħhom, biex in-negozji tat-turiżmu jinfetħu mill-ġdid wara xhur ta’ għeluq, u biex tgħin lill-Istati Membri jneħħu gradwalment ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar filwaqt li jirrispettaw il-prekawzjonijiet tas-saħħa meħtieġa, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentatsett ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet għat-turisti, għall-vjaġġaturi u għan-negozji. Il-pakkett jinkludi strateġija ġenerali, approċċ komuni biex immorru lura għan-normal fil-moviment liberu, qafas bħala appoġġ għat-trasport, rakkomandazzjoni dwar il-vouchers tal-ivvjaġġar, u kriterji biex it-turiżmu jerġa’ lura għan-normal. L-approċċ flessibbli li jippermetti lit-turiżmu jkompli huwa bbażat fuq: kriterji epidemjoloġiċi, l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ konteniment, u kunsiderazzjonijiet ta’ tbegħid ekonomiku u soċjali.

Medical research

12 ta’ Mejju 2020 - Mogħtija €117-il miljun għat-trattamenti u għad-dijanjostika tal-coronavirus

Il-Kummissjoni għażlet 8 proġetti ta’ riċerka fuq skala kbira, bl-għan li jiġu żviluppati trattamenti u dijanjostika għall-coronavirus, f’sejħa għal proposti rapida li tnediet f’Marzu mill-Inizjattiva dwar il-Mediċini Innovattivi (IMI), sħubija pubblika-privata. Il-Kummissjoni żiedet il-finanzjament allokat inizjalment ta’ €45 miljun minn Orizzont 2020 għal €72 miljun, filwaqt li €45 miljun se jingħataw mill-industrija farmaċewtika, sħab assoċjati mal-Inizjattiva dwar il-Mediċini Innovattivi u organizzazzjonijiet oħra, biex b’hekk l-investiment totali jitla’ għal €117-il miljun. Il-proġetti li ntgħażlu llum huma parti mir-rispons Ewropew komuni għat-tifqigħa tal-coronavirus li l-Kummissjoni ilha tikkoordina sa mill-bidu tal-kriżi. Permezz tal-finanzjament allokat minn Orizzont 2020 u s-sħubija mal-industrija farmaċewtika, il-Kummissjoni hija kapaċi tiffinanzja għadd akbar ta’ proposti ta’ kwalità għolja u tħaffef l-iżvilupp tad-dijanjostika u tat-trattamenti tal-coronavirus, għodod essenzjali meħtieġa biex tiġi indirizzata l-emerġenza globali.

masks delivery

11 ta’ Mejju 2020 – Is-solidarjetà Ewropea fl-azzjoni – konsenja ta’ maskri tar-rescEU lill-Maċedonja ta’ Fuq u lill-Montenegro

Wara konsenji preċedenti lill-Italja, lil Spanja u lill-Kroazja, qed isiru konsenji ta’ lottijiet addizzjonali ta’ maskri lill-Maċedonja ta’ Fuq u lill-Montenegro permezz tar-rescEU – ir-riżerva Ewropea komuni ta’ tagħmir mediku biex tgħin lill-pajjiżi affettwati mit-tifqigħa tal-coronavirus. Fit-8 ta’ Mejju saret l-ewwel konsenja ta’ 1.5 miljun maskra medika lil 17-il Stat Membru u lir-Renju Unit għall-protezzjoni tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa kontra l-coronavirus. Barra minn hekk, se ssir konsenja ta’ 1.5 miljun maskra kull ġimgħa matul is-sitt ġimgħat li ġejjin permezz tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza. Ir-Rumanija u l-Ġermanja qed jospitaw ir-riżerva tar-rescEU u għalhekk huma responsabbli biex jakkwistaw it-tagħmir, filwaqt li l-Kummissjoni tiffinanzja 100% ix-xiri ta' maskri u tagħmir ieħor. Aktar informazzjoni tinsab hawn.

Masks delivery

8 ta’ Mejju 2020 – Is-solidarjetà Ewropea fl-azzjoni – il-Kummissjoni twassal l-ewwel konsenja ta’ 1.5 miljun maskra bħala appoġġ għall-ħaddiema fis-settur tas-saħħa tal-UE

Fil-jiem li ġejjin, se ssir l-ewwel konsenja ta’ 1.5 miljun maskra medika lil 17-il Stat Membru u lir-Renju Unit għall-protezzjoni tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa kontra l-coronavirus. Barra minn hekk, se ssir konsenja ta’ 1.5 miljun maskra kull ġimgħa matul is-sitt ġimgħat li ġejjin. Din l-aħħar konsenja tal-UE ta’ maskri tifforma parti minn xiri ġdid iffinanzjat mill-Kummissjoni ta’ 10 miljun maskra, permezz tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza biex jingħata appoġġ dirett lill-Istati Membri biex jittaffew il-konsegwenzi immedjati tal-pandemija u bħala appoġġ għall-irkupru.

highlight

7 ta’ Mejju 2020 – Il-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa b’mod li jħaffu r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tal-ħaddiema tas-saħħa

Biex tgħin tindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni li tipprovdi gwida għall-Istati Membri. Il-gwida tħaffef ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tal-ħaddiema mediċi, tiċċara r-regoli li jippermettu lit-tobba u lill-infermiera fit-taħriġ jipprattikaw il-professjonijiet tagħhom, u tiffaċilita l-libertà ta’ moviment tal-professjonisti sabiex ikunu jistgħu jkunu ta’ għajnuna fejn huma l-aktar meħtieġa. Il-Komunikazzjoni tafferma wkoll id-disponibbiltà tal-Kummissjoni li tappoġġja lill-Istati Membri u lill-professjonisti biex jegħlbu l-kriżi, iżommu d-drittijiet tal-moviment liberu tagħhom u jiżguraw is-sikurezza tal-pazjenti.

Map of spring economic forecast

6 ta’ Mejju 2020 – Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa 2020 – ir-reċessjoni u l-irkupru

Minkejja r-reazzjonijiet rapidi u deċiżivi tal-UE u dawk nazzjonali, din is-sena l-ekonomija tal-UE se tesperjenza reċessjoni peress li l-pandemija tal-coronavirus ġiet bħala xokk ekonomiku ewlieni. It-Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa 2020 jipprevedi li l-ekonomija tal-UE se tiċkien b’7½% fl-2020 u tikber b’madwar 6% fl-2021. Minħabba l-interdipendenza tal-ekonomiji tal-UE, id-dinamika tal-irkupru f’kull Stat Membru se taffettwa wkoll il-qawwa tal-irkupru fl-Istati Membri l-oħra. Ir-reazzjonijiet bla preċedent u sostnuti tal-UE u dawk nazzjonali se jkunu kruċjali biex tiġi limitata l-ħsara ekonomika u jiġi ffaċilitat l-irkupru rapidu u robust biex l-ekonomiji jitpoġġew fit-triq tat-tkabbir sostenibbli u inklużiv.

Picture of President von der Leyen

4 ta’ Mejju 2020 - Ir-Rispons Globali għall-Coronavirus: Jinġabru €7.4 biljun minn donaturi madwar id-dinja għal aċċess universali għall-vaċċini 

Il-Kummissjoni rreġistrat €7.4 biljun f’wegħdiet ta' donazzjonijiet minn donaturi mid-dinja kollha matul l-avveniment tal-wegħdiet ta' donazzjonijiet tar-Rispons Globali għall-Coronavirus li beda llum bl-għan li jinġabru fondi għall-iżvilupp u l-użu universali tad-dijanjostika, tat-trattamenti u tal-vaċċini kontra l-coronavirus. Il-President von der Leyen qalet: “Illum id-dinja wriet unjoni straordinarja għall-ġid komuni. B’impenn bħal dan, ninsabu fit-triq it-tajba lejn l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta’ vaċċin għal kulħadd. Madankollu, dan għadu biss il-bidu. Jeħtieġ li nipperseveraw fl-isforzi u nkunu lesti biex nikkontribwixxu aktar. Il-maratona ta’ wegħdiet ta’ donazzjonijiet mhux se taqta'. Wara l-gvernijiet, jeħtieġ li jingħaqdu wkoll is-soċjetà ċivili u n-nies madwar id-dinja, f’mobilizzazzjoni globali ta’ tama u determinazzjoni.” Aktar informazzjoni tinsab hawn.

Picture of the banner on the Berlaymont building

2 ta’ Mejju 2020 – L-aħħar stennija: Il-maratona tal-wegħdiet ta’ donazzjonijet tar-Rispons Globali għall-Coronavirus tibda t-Tnejn, 4 ta’ Mejju

Permezz tar-Rispons Globali għall-Coronavirus, l-Unjoni Ewropea qed tingħaqad mas-sħab globali biex tagħti bidu għal sforz ta’ wegħdiet ta’ donazzjonijiet mad-dinja kollha biex jiġu żviluppati t-trattamenti, il-vaċċini u d-dijanjostika. It-Tnejn, 4 ta’ Mejju, il-President von der Leyen se tospita avveniment globali ta’ wegħdiet ta’ donazzjonijiet online fit-3pm CET, li tista’ ssegwi fuq EbS. L-għan inizjali huwa li jintlaħqu €7.5 biljun f’wegħdiet ta’ donazzjonijiet.
Il-President von der Leyen qalet: “Fl-4 ta’ Mejju, irridu nġibu lid-dinja flimkien biex jirnexxilna fil-prevenzjoni, id-dijanjostika u t-trattamenti kontra l-coronavirus. L-objettiv tagħna huwa li niġbru l-flus u li nniedu kooperazzjoni globali bla preċedent bejn l-organizzazzjonijiet tas-saħħa u s-sħab rilevanti kollha. Nistieden lil kulħadd biex jikkontribwixxi.”

online consumers

30 ta’ April 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea tirdoppja l-isforzi tagħha għall-prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa u għall-protezzjoni tal-konsumaturi

Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata li tipproteġi lill-konsumaturi online – speċjalment waqt il-pandemija tal-coronavirus fejn xi kummerċjanti bla skrupli qed jippromwovu dikjarazzjonijiet foloz jew prodotti qarrieqa. Dan l-aħħar, il-Kummissjoni Ewropea nediet għadd ta’ wirjiet ta’ pjattaformi online u reklami biex jiġi żgurat li l-konsumaturi fl-UE ma jkunux soġġetti għal kontenut qarrieqi. Il-pjattaformi online (Allegro, Amazon, AliExpress, Microsoft/Bing, CDiscount, Ebay, Facebook, Google, Rakuten, Wish u l-media Yahoo/Verizon) irrispondew b’mod pożittiv u wrew impenn qawwi biex ineħħu r-reklami qarrieqa u r-reklamar illegali, u b’hekk jipproteġu lill-konsumaturi, wara li ġew ikkuntattjati mill-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja Reynders. Dawn il-kontrolli se jitwettqu min-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur tal-awtoritajiet nazzjonali.

western balkans aid

29 ta’ April 2020 – Indirizzar tal-kriżi tal-coronavirus: Il-Kummissjoni Ewropea żżid l-appoġġ tagħha għall-Balkani tal-Punent

Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret aktar minn €3.3 biljun ta’ appoġġ finanzjarju tal-UE għall-Balkani tal-Punent – li jindirizza l-ħtiġijiet immedjati tas-saħħa u soċjali tal-pandemija tal-coronavirus, u l-irkupru ekonomiku. Minbarra l-kontribuzzjoni tagħha qabel il-laqgħa tal-mexxejja tal-UE-Balkani tal-Punent tas-6 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni spjegat b’mod wiesa’ l-appoġġ fit-tul – Pjan ta’ Investiment Ekonomiku u ta’ Investiment – li għandu jiġi ppreżentat fil-ħarifa. Il-President von der Leyen qalet: “Għandna responsabbiltà speċjali biex f'din il-pandemija ngħinu lis-sħab tagħna fil-Balkani tal-Punent, minħabba li huwa ċar li l-futur tagħhom jinsab fl-Unjoni Ewropea. L-UE qed timmobilizza pakkett finanzjarju sostanzjali, li jikkonferma din is-solidarjetà qawwija. Flimkien se negħlbu din il-kriżi u nirkupraw.”

Valdis Dombrovskis Press Conference

28 ta’ April 2020 – Pakkett bankarju: appoġġ lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji fl-UE

Biex jiġi żgurat li l-banek jistgħu jkomplu jsellfu l-flus, jappoġġjaw l-ekonomija u jgħinu biex jittaffew l-impatti ekonomiċi tal-coronavirus, il-Kummissjoni Ewropea adottat pakkett bankarju. Il-pakkett se jippermetti lill-banek ikomplu jsellfu lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji fl-UE kollha, u jinkludi Komunikazzjoni Interpretattiva dwar l-oqfsa prudenzjali u kontabilistiċi tal-UE, kif ukoll emendi tat-tip “soluzzjoni ta’ malajr” immirati għar-regoli bankarji tal-UE. Il-Kummissjoni se timpenja ruħha mas-settur finanzjarju Ewropew biex tesplora kif tista’ tiżviluppa l-aħjar prattiki li jistgħu jappoġġjaw aktar liċ-ċittadini u n-negozji.

global summit

27 ta’ April 2020 - L-UE tniedi sforz globali għal wegħdiet ta’ donazzjonijiet mas-sħab

Biex tiżviluppa u timplimenta dijanjostika, terapiji u vaċċini sikuri, effettivi u affordabbli kontra l-coronavirus, l-Unjoni Ewropea qed tingħaqad mas-sħab globali biex tagħti bidu għal sforz ta’ wegħdiet ta’ donazzjonijiet – ir-Rispons Globali għall-coronavirus – li jibda fl-4 ta’ Mejju 2020. Il-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet madwar id-dinja huma mistiedna jwiegħdu donazzjonijiet biex tintlaħaq il-mira ta’ €7.5 biljun. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea von der Leyen qalet: “Aħna rridu ngħaqqdu lid-dinja, il-mexxejja u n-nies tagħha flimkien fil-ġlieda kontra l-coronavirus. Se nniedu sforz globali ta’ wegħdiet ta’ donazzjonijiet. Maratona reali. Il-ġlieda kontra l-coronavirus teħtieġ rispons globali u azzjonijiet sostnuti minn diversi lati. Finalment qalet li jeħtieġ li niżviluppaw vaċċin, biex nipproduċuh u nużawh f’kull rokna tad-dinja.

ursula von der leyen video conference

24 ta’ April 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea tfassal pjan ta’ rkupru komuni li fil-qalba tiegħu hemm baġit fit-tul ġdid tal-UE 

Il-mexxejja Ewropej inkarigaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tfassal rispons kollettiv għall-kriżi wara video konferenza fit-23 ta’ April. Dalwaqt se ssir valutazzjoni ekonomika bir-reqqa u l-baġit Ewropew, marbut b’mod ċar mal-Fond ta’ Rkupru, huwa strument ta’ fiduċja li għadda t-test taż-żmien li jista’ jwassal biex jitwettqu l-kompiti tant kbar li jridu jseħħu għall-irkupru. Il-parti l-kbira tal-investimenti se tmur biex jinħolqu investimenti u koeżjoni ekonomika, biex b’hekk jittejbu r-reżiljenza u l-awtonomija tal-Unjoni, filwaqt li jiġu promossi politiki moderni bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-tranżizzjoni diġitali. Is-sħubiji sodi fil-viċinat immedjat tal-UE jridu jissaħħu wkoll. Il-President von der Leyen qalet li l-baġit fit-tul li jmiss tal-UE, il-baġit ta’ seba’ snin li jmiss tagħha, għandu jadatta għaċ-ċirkostanzi l-ġodda, il-kriżi ta’ wara l-corona. Qalet ukoll li għandna bżonn inżidu s-saħħa tiegħu biex inkunu kapaċi niġġeneraw l-investiment meħtieġ fl-Unjoni Ewropea kollha. Dan l-isforz sħiħ huwa mmirat lejn il-protezzjoni tas-Suq Uniku, l-investimenti għandhom ikunu antiċipati fl-ewwel snin u se jkun meħtieġ li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn l-għotjiet u s-self.

agricolture programmes

23 ta’ April 2020 - Miżuri eċċezzjonali biex jiġi appoġġjat is-settur tal-ikel agrikolu

Biex tappoġġja malajr is-settur agrikolu u s-swieq tal-ikel wara t-tifqigħa tal-coronavirus, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet miżuri eċċezzjonali.

Il-Kummissjoni tipproponi li tingħata għajnuna għall-ħżin privat għall-prodotti tal-ħalib u tal-laħam, flessibbiltà fl-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ appoġġ għas-suq biex jiġu ffokati mill-ġdid il-prijoritajiet ta’ finanzjament, u deroga eċċezzjonali mir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE biex jiġu stabbilizzati s-swieq f’setturi differenti. Pereżempju, is-settur tal-ħalib se jkun jista’ jippjana b’mod kollettiv il-produzzjoni tal-ħalib u s-settur tal-fjuri u tal-patata se jitħalla jirtira l-prodotti mis-suq. Ftehimiet u deċiżjonijiet bħal dawn ikunu validi biss għal perjodu massimu ta’ sitt xhur. Iċ-ċaqliq fil-prezzijiet tal-konsumatur se jiġi mmonitorjat mill-qrib biex jiġu evitati effetti negattivi. Il-Kummissjoni għandha l-għan li tadotta dawn il-miżuri sa tmiem April.

EU flags

22 ta’ April 2020 - €3 biljun ta’ assistenza finanzjarja għal għaxar pajjiżi ġirien

Il-Kummissjoni pproponiet pakkett ta’ assistenza makrofinanzjarja ta’ €3 biljun għal għaxar pajjiżi sħab tat-tkabbir u tal-viċinat bil-għan li tillimita l-waqgħa ekonomika tal-kriżi tal-coronavirus f’pajjiżi sħab. Il-proposta tingħaqad mal-istrateġija “Tim Ewropa” ta’ €15.6 biljun, ir-rispons immirat tal-UE b’appoġġ għall-isforzi tal-pajjiżi sħab biex jindirizzaw il-pandemija tal-coronavirus. Il-benefiċjarji huma r-Repubblika tal-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Georgia, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, il-Kosovo, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, ir-Repubblika tat-Tuneżija u l-Ukrajna.

Image of hands wearing gloves

21 ta’ April 2020 - L-UE timmobilizza l-appoġġ għall-Italja, il-Kroazja u l-pajjiżi ġirien

L-UE tikkoordina u tikkofinanzja l-konsenja ta’ għajnuna fl-UE u f’pajjiżi ġirien, wara talbiet għall-assistenza permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni tal-Protezzjoni Ċivili fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-coronavirus. Is-Slovakkja qed tibgħat maskri u diżinfettanti lill-Italja, filwaqt li l-Awstrija qed tibgħat ingwanti u diżinfettanti lill-Kroazja. Bħala parti mill-appoġġ ġenerali tal-UE għall-Balkani tal-Punent, l-Awstrija qed tibgħat ukoll ingwanti, diżinfettanti u oġġetti oħra lejn il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro u l-Moldova. Is-Serbja se tirċievi wkoll kutri, saqqijiet u tined għall-migranti fil-pajjiż mill-Awstrija.

Image of a server room

20 ta’ April 2020 – Il-coronavirus: Pjattaforma ġdida għall-qsim tad-data għar-riċerkaturi

Ġiet stabbilita Pjattaforma tal-UE għad-Data dwar il-COVID-19 mill-Kummissjoni Ewropea u s-sħab tagħha biex tiġbor u taqsam malajr data komprensiva ta’ riċerka dwar il-coronavirus, bħas-sekwenzi tad-DNA, l-istrutturi tal-proteini, id-data mir-riċerka preklinika u l-provi kliniċi, kif ukoll id-data epidemjoloġika, biex tavvanza l-isforzi ta’ riċerka. Il-Kummissjoni tappoġġja r-riċerka u l-innovazzjoni għall-iżvilupp ta’ vaċċini, trattamenti ġodda, testijiet dijanjostiċi u sistemi mediċi biex tipprevjeni t-tixrid tal-coronavirus. Il-pjattaforma hija parti importanti fil-bini tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa u r-riċerkaturi se jkunu jistgħu jaħżnu, jaqsmu u janalizzaw varjetà wiesgħa ta’ sejbiet dwar il-coronavirus, mid-data ġenomika sal-mikroskopija u d-data klinika.

passenger in an airport

17 ta’ April 2020 - Aktar minn 500,000 ċittadin tal-UE jinġiebu lura d-dar

L-UE rnexxielha ġġib aktar minn nofs miljun ċittadin affettwati mir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar tal-coronavirus billi ffinanzjat titjiriet ta’ ripatrijazzjoni u wettqet kooperazzjoni konsulari intensa. Fil-bidu tat-tifqigħa tal-coronavirus, madwar 600,000 ċittadin tal-UE ddikjaraw ruħhom maqbuda barra l-UE, u l-parti l-kbira tagħhom huma vjaġġaturi għal tul ta’ żmien qasir. Għad hemm madwar 98,900 ċittadin tal-UE maqbuda barra minn pajjiżhom (l-aktar fl-Asja-Paċifiku u l-Afrika) u qed isiru sforzi biex dawn jinġiebu lura malajr fil-jiem li ġejjin. Dawn l-isforzi storikament uniċi kienu ta’ benefiċċju wkoll għal ċittadini minn pajjiżi sħab, bħan-Norveġja, is-Serbja, l-Iżvizzera, it-Turkija, u r-Renju Unit, b’5,000 miċ-ċittadini tagħhom jinġiebu lura d-dar bit-titjiriet tal-UE.

ursula von der leyen press conference

16 ta’ April 2020 – Il-President von der Leyen: “Il-baġit Ewropew se jkun fit-tmun tal-irkupru tagħna”

Minkejja li r-rispons kollettiv tal-Ewropa huwa 'l fuq sew minn €3 triljun – l-aktar rispons impressjonanti fid-dinja – huwa meħtieġ aktar, qalet il-President von der Leyen fil-Parlament Ewropew. Il-baġit tal-UE se jkun fit-tmun tal-irkupru tal-Ewropa, u se jmexxi l-ekonomija lejn Ewropa aktar ekoloġika u diġitali. L-investimenti fir-rinnovazzjoni fuq skala kbira, is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, it-trasport nadif, l-ikel sostenibbli u r-restawr tan-natura se jkunu aktar importanti minn qabel. L-użu ta’ kull euro disponibbli sarraf f’investiment fl-akkwist ta’ tagħmir mediku, l-iżvilupp ta’ vaċċini, l-iżgurar ta’ impjiegi u l-appoġġ għan-negozji biex tingħata spinta lill-ekonomija. Il-President von der Leyen ikkonkludiet b’appell imqanqal għall-Unjoni Ewropea: “Jekk illum kollha kemm aħna noħorġu għonqna għall-Ewropa – b'kuraġġ, fiduċja u solidarjetà – naf li għada l-karattru tal-Ewropa se jispikka iktar minn qatt qabel.”

woman holding her phone

16 ta’ April 2020 – Approċċ Ewropew għall-apps tal-ittraċċar – kompletament volontarji u b’rispett sħiħ tal-privatezza

Sabiex jiġu stabbiliti sistemi volontarji tal-ittraċċar tal-kuntatt u tat-twissija li jirrispettaw b’mod sħiħ il-privatezza, il-Kummissjoni Ewropea ressqet sett ta’ għodod u linji gwida. Apps ta’ prossimità bbażati fuq il-Bluetooth għandhom jintużaw biss b’mod volontarju, ikollhom livell għoli ħafna ta’ sikurezza, ikunu faċilment aċċessibbli, effettivi u jirrispettaw bis-sħiħ il-privatezza filwaqt li jipprovdu data mhux personali aggregata lil korpi epidemjoloġiċi tas-saħħa pubblika biex jipproteġu u jsalvaw il-ħajjiet.

charles michel and ursula von der leyen

15 ta’ April 2020 – Pjan direzzjonali Ewropew għat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment

Il-Kummissjoni Ewropea, f’kooperazzjoni mal-President tal-Kunsill Ewropew, ressqet pjan direzzjonali, rakkomandazzjonijiet u prinċipji ewlenin biex jitneħħew il-miżuri ta’ konteniment. Approċċ Ewropew koordinat b’suċċess għall-eliminazzjoni gradwali tal-miżuri ta’ konteniment se jeħtieġ l-għażla korretta taż-żmien u li jintlaħqu diversi kriterji komuni: it-tixrid tal-virus irid jonqos u jistabbilizza, is-sistemi tal-kura tas-saħħa jrid ikollhom il-kapaċità, u jridu jiġu stabbiliti kapaċitajiet tal-ittestjar fuq skala kbira. Numru ta’ miżuri għandhom jakkumpanjaw l-eliminazzjoni gradwali - għandha tiġi stabbilita sistema tal-ittraċċar tal-kuntatt, il-kapaċitajiet tal-ittestjar iridu jiġu estiżi, iridu jiġu żviluppati trattamenti effettivi u s-sistemi ta’ kura tas-saħħa irid ikollhom il-kapaċità. 

Protective medical equipment

14 ta’ April 2020 – €2.7 biljun mill-baġit tal-UE għall-appoġġ tas-settur tal-kura tas-saħħa

Sabiex jiġu appoġġjati b’mod dirett is-sistemi tal-kura tas-saħħa fil-pajjiżi tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tattiva l-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza tal-UE – miżura li l-Kunsill approva malajr fl-14 ta’ April. L-istrument ta’ €2.7 biljun se jappoġġja d-distribuzzjoni ta’ tagħmir protettiv, il-moviment ta’ pazjenti lejn sptarijiet b’kapaċità libera, u l-iżvilupp ta’ metodi ta’ kura medika u ttestjar. L-istrument se jintuża flimkien ma’ għodod oħra tal-UE, pereżempju r-riżerva medika tar-rescEU, li qed tirċievi €300 miljun flimkien mal-allokazzjoni inizjalment proposta ta’ €80 miljun, biex jappoġġjaw id-distribuzzjoni ta’ tagħmir mediku fl-UE. Se jkun ukoll possibbli għall-individwi, għall-fondazzjonijiet u għall-Istati Membri li jagħmlu donazzjonijiet u ġbir ta’ fondi mill-pubbliku.

pills

8 ta’ April 2020 – €15.6 biljun għal rispons dinji tal-UE tal-coronavirus; l-UE tappella lill-Istati Membri biex jiżguraw id-disponibbiltà tal-mediċini

Biex tiġġieled il-coronavirus madwar id-dinja, l-UE se tappoġġja s-saħħa pubblika u tindirizza l-ħtiġijiet umanitarji u sanitarji ta’ pajjiżi sħab madwar id-dinja, billi tipprovdi assistenza finanzjarja ta’ aktar minn €15.6 biljun. Fl-istess ħin, fit-8 ta’ April, il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jiżguraw li ċ-ċittadini Ewropej ikollhom aċċess għall-mediċini, jipproteġu s-saħħa pubblika u jippreservaw is-Suq Uniku. Il-Kummissjoni ħarġet linji gwida biex tiżgura l-provvista adegwata, it-trasport malajr, l-allokazzjoni ta’ mediċini vitali u li tkun evitata kull skarsezza.

coronavirus medical unit

7 ta’ April 2020 – Il-Korp Mediku tal-UE mmobilizzat fl-Italja

Illum, il-Korp Mediku tal-UE kkoordinat miċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza tal-UE bagħat tim ta’ tobba u infermiera Ewropej mir-Rumanija u min-Norveġja lejn Bergamo. L-Awstrija offriet 3,360 litru ta’ diżinfettant mediku lill-Italja permezz tal-Mekkaniżmu. Barra minn hekk, l-Italja attivat is-sistema satellitari Copernicus tal-Unjoni Ewropea biex tidentifika l-faċilitajiet tas-saħħa u timmonitorja l-attivitajiet.

Financial aid coronavirus

6 ta’ April 2020 – €8 biljun bħala appoġġ għal madwar 100,000 negozju Ewropew

F’April se jkun hemm disponibbli finanzjament għall-appoġġ u għall-għoti ta’ għajnuna lil madwar 100,000 negozju li ġarrbu l-konsegwenzi ekonomiċi tal-coronavirus, hekk kif il-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Ewropew tal-Investiment jipprovdu €8 biljun mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. In-negozji se jkunu jistgħu japplikaw direttament għall-appoġġ mal-banek lokali tagħhom u/jew mas-selliefa li qed jipparteċipaw fl-iskema, li hemm elenkati fuq is-sit web tal-Aċċess għall-Finanzi..

workers producing masks

3 ta’ April 2020 – Posponiment tar-regolament għall-apparat mediku, biex jitneħħew id-dazji doganali għat-tagħmir protettiv

Il-Kummissjoni pproponiet li tipposponi r-regolamenti dwar l-apparat mediku b’sena biex il-manifatturi jkunu jistgħu jiffukaw fuq il-produzzjoni ta’ apparat mediku kritiku u jevitaw l-iskarsezzi jew id-dewmien potenzjalment ikkawżati mill-korpi regolatorji, ħalli jiġu salvati l-ħajjiet.

Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll b’mod temporanju li tneħħi d-dazji doganali u l-VAT fuq l-importazzjoni tal-apparat mediku u tat-tagħmir protettiv minn pajjiżi terzi. Xi drabi d-deċiżjoni twassal biex l-importazzjoni tal-maskri, tal-ingwanti, tal-ilbies u ta’ tagħmir protettiv ieħor torħos sa terz tal-prezz, u għalhekk din qed tkompli żżid id-disponibbiltà ta’ dawn il-prodotti kritiċi u tgħin lil dawk fil-bżonn. Il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen, qalet: “Qed naħdmu fl-oqsma kollha biex neliminaw l-ostakli li għandna biex niżguraw li l-professjonisti tas-saħħa tagħna jkollhom kulma jeħtieġu biex isalvaw il-ħajjiet.”

Ursula von der Leyen President of the European Commission

2 ta’ April – Rispons għall-coronavirus: il-Kummissjoni timmobilizza kull ewro biex tipproteġi l-ħajjiet u l-għajxien

Biex tappoġġja malajr lill-ħaddiema u ttaffi r-riskji tal-qgħad li qed tikkawża t-tifqigħa tal-coronavirus, il-Kummissjoni nediet inizjattiva ġdida msejħa SURE – Appoġġ li jtaffi r-riskji tal-qgħad f’każ ta’ emerġenza. Biex tibża għall-impjiegi u tappoġġa lill-familji, l-inizjattiva SURE se tagħti assistenza finanzjarja sa €100 biljun lill-Istati Membri, fl-għamla ta’ self mogħti b’termini favorevoli. Tipproponi wkoll li kull fond strutturali disponibbli jiġi ridirezzjonat għar-rispons tal-coronavirus. Anki l-bdiewa u s-sajjieda se jirċievu appoġġ, bħalma se jingħata wkoll lil dawk l-aktar fil-bżonn. Inizjattiva tal-UE għas-Solidarjetà tas-Saħħa b’valur ta’ €3 biljun se tkopri l-ħtiġijiet tas-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri. L-impatt qawwi tal-kriżi tal-coronavirus jeħtieġ rispons mingħajr preċedent fejn jidħlu skala, ħeffa u solidarjetà. Bil-pakkett tal-lum, il-Kummissjoni tipprovdi proprju dan.

scientist

1 ta’ April 2020 – Xjenzati tal-Kummissjoni jiżviluppaw materjal ġdid ta’ kontroll għal ittestjar affidabbli tal-coronavirus fl-UE

Ix-xjenzjati tal-Kummissjoni Ewropea fasslu materjal ġdid ta’ kontroll li jista’ jintuża biex jivvaluta b’mod preċiż il-funzjonament tat-testijiet tal-coronavirus tagħhom u jkunu evitati riżultati negattivi foloz. Il-kampjuni tal-materjal ta’ kontroll huma kkonċentrati ħafna, u hemm bżonn biss kwantità żgħira ħafna biex jiġi vverifikat test wieħed.

law

31 ta’ Marzu 2020 – Il-President von der Leyen twissi: Il-miżuri ta’ emerġenza għall-coronavirus iridu jirrispettaw il-prinċipji u l-valuri fundamentali tal-UE

Tul l-aħħar ġimgħat, bosta Stati Membri tal-UE ħadu miżuri ta’ emerġenza biex jindirizzaw il-kriżi tas-saħħa kkawżata mit-tifqigħa tal-coronavirus. Hu importanti ferm li l-miżuri ta’ emerġenza ma jkunux għad-detriment tal-prinċipji u l-valuri fundamentali tagħna kif stabbiliti fit-Trattati.

fight-disinformation-2.jpg

30 ta’ Marzu 2020 – Titnieda taqsima apposta msejħa “Ġlieda kontra d-diżinformazzjoni” marbuta mat-tifqigħa tal-coronavirus

Hemm ħafna informazzjoni qarrieqa u diżinformazzjoni fil-qasam tas-saħħa, inkluż dwar il-COVID-19. Hu importanti li nafdaw biss lil sorsi awtorevoli meta nkunu neħtieġu informazzjoni aġġornata