Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

X’inhu l-istat tad-dritt?

L-Istat tad-dritt hu wieħed mill-valuri fundamentali tal-UE, li jiggarantixxi d-demokrazija u d-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini.   

RoL Campaign Banner
Ara s-serje ta’ sitt animazzjonijiet tagħna!

X’jiddefinixxi l-istat tad-dritt?

Bl-istat tad-dritt, il-poteri pubbliċi kollha dejjem jaġixxu fil-limitazzjonijiet stabbiliti bil-liġi, skont il-valuri tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, u taħt il-kontroll ta’ qrati indipendenti u imparzjali. 

L-istat tad-dritt hu prinċipju stabbilit sew. Filwaqt li l-Istati Membri għandhom identitajiet u tradizzjonijiet nazzjonali differenti, it-tifsira ewlenija tal-istat tad-dritt hi l-istess fihom kollha u tista’ tiġi definita skont sitt prinċipji: il-legalità, li timplika proċess trasparenti, obbligat li jagħti rendikont u demokratiku għall-promulgazzjoni tal-liġijiet; iċ-ċertezza tad-dritt; il-projbizzjoni tal-eżerċizzju arbitrarju tal-poter eżekuttiv; il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva minn qrati indipendenti u imparzjali b’rieżami ġudizzjarju effettiv li jinkludi r-rispett għad-drittijiet fundamentali; is-separazzjoni tal-poteri; u l-ugwaljanza f'għajnejn il-liġi. Dawn il-prinċipji ġew rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Barra minn hekk, il-Kunsill tal-Ewropa żviluppa standards, u joħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet li huma ta’ gwida stabbilita sew għall-promozzjoni u l-osservanza tal-istat tad-dritt. 

Għaliex l-istat tad-dritt hu importanti fl-UE?

L-Istat tad-dritt, minqux fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, hu l-pedament tal-Unjoni Ewropea. L-Istat tad-dritt jiggarantixxi l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri kollha, u joħloq ambjent prevedibbli għan-nies u għan-negozji. Mingħajr l-istat tad-dritt, ma jkun hemm ebda suq uniku, u n-nies ma jkunux jistgħu jiċċaqalqu minn pajjiż tal-UE għal ieħor bl-għarfien li l-istess regoli japplikaw għal kulħadd. Dan jiżgura li d-drittijiet fundamentali u d-demokrazija jiġu rispettati. Dan ifisser ukoll li jekk jinkisru d-drittijiet taċ-ċittadini u tan-negozji, dawn ikollhom aċċess għall-ġustizzja quddiem qorti indipendenti u imparzjali. Hu wkoll essenzjali għall-implimentazzjoni tal-liġijiet u l-politiki tal-UE, u ċentrali għal Unjoni ta’ ugwaljanza, opportunità u ġustizzja soċjali.  

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, l-istat tad-dritt hu wieħed mill-valuri fundamentali li fuqhom hi mibnija l-UE. Hu wkoll kriterju ewlieni għall-pajjiżi kandidati li jixtiequ jissieħbu fl-UE. 

Trid titgħallem aktar? Ara s-serje ta’ sitt animazzjonijiet tagħna!

Fis-serje tagħna ta’ animazzjonijiet imfasslin mill-artist magħruf Christoph Niemann, nuru f’termini sempliċi u aċċessibbli għaliex l-istat tad-dritt hu importanti fil-ħajja ta’ kuljum, bl-użu tal-metafora tal-isport. Mingħajr arbitru newtrali, il-logħba tal-futbol hi verament ġusta? U int kieku tinvolvi ruħek f’pool jew f’logħba basketball jekk ir-regoli jinbidlu f’nofs triq?  

Ara s-sitt animazzjonijiet tagħna dwar l-istat tad-dritt u xxerjahom fuq il-media soċjali bl-użu tal-hashtag #RuleOfLaw. 

Ugwaljanza f’għajnejn il-liġi 

Fl-Ewropa, l-istess regoli japplikaw għal kulħadd irrispettivament mill-oriġini, il-ġeneru, ir-razza, l-età, ir-reliġjon, jew kwalunkwe attribut ieħor tiegħu. Billi nħarsu l-prinċipju tal-ugwaljanza quddiem il-liġi, niżguraw il-ġustizzja fl-Ewropa. 

Ċertezza legali 

Fl-Ewropa, ir-regoli jridu jkunu ċari u prevedibbli. B’dan il-mod, iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jafu x’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tagħhom, u b’hekk ikunu jistgħu jaġixxu kif xieraq. Billi nirrispettaw dan il-prinċipju, nipproteġu l-istat tad-dritt fl-Ewropa. 

Ebda abbuż ta’ poter 

Fl-Ewropa, ħadd li għandu kariga pubblika ma jista’ jaġixxi b’mod arbitrarju jew jabbuża mis-setgħa tiegħu għal gwadann personali. Jekk jagħmel dan, jinżamm responsabbli. Billi nirrispettaw dan il-prinċipju, niżguraw li l-eżerċizzju tas-setgħa eżekuttiva jaqdi l-interessi tal-pubbliku. 

Qrati indipendenti 

Fl-Ewropa, l-imħallfin jeħtieġ li jkunu indipendenti mill-gvern. Qrati indipendenti biss jistgħu jiddefendu d-drittijiet fundamentali. Huma ma jistgħu jiffavorixxu ebda waħda mill-partijiet fil-kawża. Hu għalhekk li ċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jafdaw li l-każijiet tagħhom jiġu deċiżi b’mod ġust. Billi nirrispettaw dan il-prinċipju, niżguraw li kulħadd jirċievi proċess ġust. 

Legalità  

Fl-Ewropa, ħadd mhu ogħla mil-liġi. Il-liġijiet jiġu adottati fi proċess demokratiku, abbażi ta’ regoli ċari. Dawk fil-poter għandhom jaġixxu skont il-liġi. Billi nirrispettaw dan il-prinċipju, nipproteġu l-istat tad-dritt fl-Ewropa. 

Separazzjoni tal-poteri 

Fl-Ewropa, ħadd ma jista’ jkollu setgħa mingħajr limitu. Hu għalhekk li l-leġiżlatura, l-eżekuttiv u l-ġudikatura huma separati. Dawn is-setgħat jiċċekkjaw u jibbilanċjaw lil xulxin. Billi nirrispettaw dan il-prinċipju, nipproteġu l-istat tad-dritt fl-Ewropa.

Aktar riżorsi dwar l-istat tad-dritt 

Interessat li ssir taf aktar dwar l-istat tad-dritt fl-UE? Iċċekkja l-links ta’ hawn taħt għal aktar informazzjoni dwar għaliex l-istat tad-dritt hu importanti u x’qed tagħmel il-Kummissjoni Ewropea biex tipproteġih. 

  • Is-Sett ta’ Għodod tal-Istat tad-Dritt: Is-Sett ta’ Għodod tal-Istat tad-Dritt jipprovdi numru ta’ strumenti għall-promozzjoni tal-istat tad-dritt u għall-prevenzjoni jew għar-rispons għal kwistjonijiet emerġenti.  
  • Rapport dwar l-Istat tad-Dritt: Ir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt jissorvelja żviluppi sinifikanti, kemm pożittivi kif ukoll negattivi, relatati mal-istat tad-dritt fl-Istati Membri. 
  • Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE: It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tippreżenta ħarsa ġenerali annwali lejn l-indikaturi dwar l-effiċjenza, il-kwalità u l-indipendenza tas-sistemi ġudizzjarji. 
  • Djalogi Nazzjonali dwar l-Istat tad-Dritt: Id-djalogi nazzjonali dwar l-istat tad-dritt ilaqqgħu flimkien lill-partijiet ikkonċernati u lill-awtoritajiet biex jiddiskutu kwistjonijiet nazzjonali ewlenin tal-istat tad-dritt, abbażi tar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt.