Mur għall-kontenut ewlieni

X’tagħmel il-Kummissjoni biex tiddefendi l-istat tad-dritt?

Is-Sett ta’ Għodod tal-Istat tad-Dritt

Ir-rispett tal-valuri fundamentali tagħna hu responsabbiltà xxerjata tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE u tal-Istati Membri kollha. Kif rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni Ewropea għandha r-responsabbiltà li tiggarantixxi r-rispett tal-istat tad-dritt u li tiżgura li d-dritt, il-valuri u l-prinċipji tal-UE jiġu rispettati. Biex tagħmel dan il-Kummissjoni għandha numri ta’ strumenti għad-dispożizzjoni tagħha – l-hekk imsejjaħ Sett ta’ Għodod tal-Istat tad-Dritt. Peress li l-isfidi għall-istat tad-dritt ivarjaw, l-istess jgħodd għall-għodod tagħna. Kull għodda hi mfassla għas-sitwazzjoni speċifika inkwistjoni, u għandha l-għan li tippromwovi, tipprevjeni jew twieġeb għal kwistjonijiet tal-istat tad-dritt.  

Ir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt

Mill-2020, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-Rapport tagħha dwar l-Istat tad-Dritt kull sena. Dan ir-Rapport jinsab fiċ-ċentru ta’ ċiklu annwali, l-hekk imsejjaħ mekkaniżmu tal-istat tad-dritt, li jippermetti li jkun hemm ħarsa ġenerali lejn fejn jinsab kull Stat Membru tal-UE dwar l-istat tad-dritt. Dan iħares lejn l-iżviluppi kemm pożittivi kif ukoll negattivi. Bħala parti minn din il-valutazzjoni, li hi r-riżultat ta’ mijiet ta’ laqgħat mal-awtoritajiet u mal-partijiet ikkonċernati kull sena, il-Kummissjoni Ewropea tindirizza wkoll rakkomandazzjonijiet imfasslin apposta għall-Istati Membri kollha.   

Dan l-approċċ ġab riżultati, b’65% tar-rakkomandazzjonijiet tal-2022 li ġew indirizzati, kompletament jew parzjalment, fl-2023. Dan juri li r-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt sar mutur ewlieni għall-bidla, filwaqt li jżomm standards għoljin tal-istat tad-dritt fl-UE. Mill-2024, ir-Rapport ikopri wkoll erba’ pajjiżi tat-tkabbir.   

Iltaqa’ man-nies wara r-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt fis-serje ta’ videos tagħna u skopri aktar dwar kif jitħejja r-Rapport, id-dibattiti li jiskatta, u r-riżultati li pproduċa. Ixxerja l-videos fuq il-media soċjali bl-użu tal-hashtag #RuleOfLaw. 

Ir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt

Tħejjija tar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt

Djalogu kontinwu biex jissaħħaħ ir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt

5 snin ta’ tisħiħ tar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt

Strumenti oħrajn fis-sett ta’ għodod

Strumenti għall-promozzjoni tal-istat tad-dritt u l-prevenzjoni tal-problemi:  

  • Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE: Rapport annwali li jipprovdi data komparabbli dwar l-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali. 
  • Semestru Ewropew: Proċess annwali li jirriżulta f’rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż dwar kwistjonijiet makroekonomiċi u strutturali, inklużi dwar is-sistemi ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, bl-għan li tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku. 
  • Appoġġ tal-UE għar-riformi strutturali: L-UE tipprovdi appoġġ tekniku u finanzjarju lill-Istati Membri biex iwettqu riformi strutturali, pereżempju permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku u fil-kuntest tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Fil-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza ħafna Stati Membri inkludew riformi u investimenti biex isaħħu s-sistema ġudizzjarja tagħhom, l-oqfsa kontra l-korruzzjoni jew il-kwalità tal-proċess leġiżlattiv.  
  • Appoġġ għas-soċjetà ċivili, in-networks u l-proġetti: L-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE, il-kampanji ta’ komunikazzjoni u l-attivitajiet ta’ promozzjoni, inklużi l-appoġġ għan-networks ġudizzjarji, il-pluraliżmu u l-libertà tal-media.

Strumenti li jirrispondu għall-isfidi tal-istat tad-dritt:  

  • Proċeduri ta' ksur: Il-proċeduri ta’ ksur jiżguraw li l-liġi tal-UE tiġi applikata u rispettata b’mod korrett fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni tista’ tniedi ksur biex tiżgura l-protezzjoni ġudizzjarja minn qrati indipendenti u imparzjali stabbiliti bil-liġi kif meħtieġ mill-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.  
  • Artikolu 7 TUE: L-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea hu strument li jindirizza (ir-riskju ta’) ksur serju tal-istat tad-dritt, bi djalogu u sanzjonijiet possibbli, adottati mill-Kunsill.  
  • Qafas tal-Istat tad-Dritt: Għodda ta’ twissija bikrija adottata mill-Kummissjoni f’Marzu 2014, li tippermetti djalogu strutturat ma’ Stat Membru biex jiġi indirizzat theddid sistemiku għall-istat tad-dritt biex tiġi evitata l-eskalazzjoni.  
  • Kundizzjonalità tal-baġit ġenerali: Il-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità jista’ jiġi applikat f’każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, li jaffettwa jew jirriskja serjament li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’mod suffiċjentement dirett.  
  • Kundizzjoni abilitanti orizzontali dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali: Din hi għodda oħra għall-protezzjoni tal-fondi tal-UE fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni. Il-kundizzjoni abilitanti orizzontali fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tirrikjedi li l-Istati Membri kollha jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi biex jiżguraw li l-programmi appoġġjati mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni u l-implimentazzjoni tagħhom jikkonformaw mal-Karta. Din hi prekundizzjoni biex in-nefqa relatata tiġi rimborżata. 
  • Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Verifika (MKV): Il-MKV kien mekkaniżmu għall-monitoraġġ regolari u rapporti dwar il-progress li sar fir-Rumanija u fil-Bulgarija biex jiġu indirizzati l-punti ta’ riferiment stabbiliti fiż-żmien tal-adeżjoni relatati mar-riforma ġudizzjarja u l-korruzzjoni u għall-Bulgarija, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Dan ingħalaq fl-2023. 

Dokumenti

Skeda informattiva dwar is-sett ta’ għodod tal-Istat tad-Dritt