Mur għall-kontenut ewlieni

Miżuri ta’ protezzjoni

Kif il-Kummissjoni tiżgura li kull euro mill-baġit jintefaq f’konformità mar-regoli u jiġġenera valur miżjud.

Għall-Kummissjoni Ewropea, hija prijorità li jiġi żgurat li kull euro mill-baġit jintefaq tajjeb, f’konformità mar-regoli u li jiġġenera valur miżjud.

Il-Kummissjoni Ewropea taħdem mill-qrib lejn dan l-objettiv mal-Istati Membri, mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u mas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni bħal istituzzjonijiet internazzjonali (eż. il- Bank Dinji, il- Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp). L-Istati Membri tal-UE għandhom rwol ewlieni x’jaqdu hekk kif jimmaniġġjaw, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, madwar 3/4 tal-baġit skont il-prinċipju ta’ ġestjoni kondiviża. Dan ifisser li l-Istati Membri jqassmu l-fondi lill-benefiċjarji. Għalhekk huma jinsabu fuq quddiem nett biex jiżguraw li l-baġit imur fejn ikun meħtieġ, billi jistabbilixxu s-sistemi rilevanti ta’ ġestjoni u kontroll.

Prevenzjoni

Il-Kummissjoni twettaq kontrolli ex-ante, verifiki u kontrolli fuq il-post biex tiżgura li dawn il-proċeduri jeżistu u li dawn jitwettqu bl-aħjar mod. Jekk il-Kummissjoni ssib li xi ħaġa sejra ħażin, tista’ tintervjeni billi tinterrompi jew tissospendi l-pagamenti lill-benefiċjarji jew lill-Istati Membri. Dan ifisser li l-ħlas tal-fondi tal-UE jitwaqqaf temporanjament, sakemm il-problemi identifikati jiġu solvuti. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tnaqqas l-ammont li se tħallas meta mqabbel mat-talba għall-ispejjeż li tirċievi mingħand il-benefiċjarju. Dawn huma azzjonijiet preventivi.

Sejbien u korrezzjoni

Il-Kummissjoni tista’ wkoll tieħu azzjoni wara li jkunu saru l-pagamenti. Abbażi ta’ kontrolli ex-post, awditi u kontrolli fuq il-post, fejn tinnota li xi ħaġa sejra ħażin fi stadju aktar tard, il-Kummissjoni tista’ tintroduċi korrezzjonijiet finanzjarji u tirkupra l-flus li diġà tħallsu.

F’każ ta’ frodi, l-uffiċċju Ewropew kontra l-frodi – magħruf bl-akronimu Franċiż tiegħu OLAF – jieħu passi. Jekk investigazzjoni tal-OLAF tikkonferma li kien hemm frodi bil-flus tal-UE, il-Kummissjoni tibda taħdem biex tirkupra l-fondi.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ilu mill-2020 jaħdem biex jinvestiga, iħarrek u jressaq quddiem il-ġustizzja reati kontra l-baġit tal-UE. Il-ħidma tiegħu hija garanzija addizzjonali li l-baġit tal-UE huwa protett bis-sħiħ.

Prevention, detection and correction