Fil-baġit tal-UE, il-limiti massimi jeżistu kemm għal:
- Dħul – il-limiti massimi tar-riżorsi proprji jistabbilixxu l-ammont massimu ta’ riżorsi proprji li l-Unjoni tista’ titlob mill-Istati Membri biex tiffinanzja l-infiq tagħha fil-perjodu 2021-2027;
- Infiq – il-limiti massimi tal-baġit fit-tul jistabbilixxu l-ammonti massimi li l-Unjoni tista’ timpenja jew tonfoq matul l-istess perjodu.
Il-limiti massimi tad-dħul huma definiti fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, it-test legali li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex jiġi ffinanzjat il-baġit tal-UE. Il-limiti massimi tar-riżorsi proprji huma espressi bħala perċentwal tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) stmat tal-UE – is-somma tal-ING tal-Istati Membri kollha – għaliex l-ammont nominali jvarja kull sena skont l-evoluzzjoni tal-ING tal-UE.
Hemm żewġ tipi ta’ limiti massimi ta’ dħul:
- Il-limitu massimu tar-riżorsi proprji biex ikopri l-approprjazzjonijiet annwali għall-impenji – 1.46% tal-ING tal-UE għall-perjodu 2021-2027 (żieda minn 1.29% fl-2014-2020);
- Il-limitu massimu tar-riżorsi proprji biex ikopri l-approprjazzjonijiet annwali għall-pagamenti – 1.40% tal-ING tal-UE għall-perjodu 2021–2027 (żieda minn 1.23% fl-2014-2020).
Id-differenza (“marġni”) bejn il-limitu massimu tar-riżorsi proprji għall-pagamenti u l-limitu massimu tal-baġit fit-tul għall-pagamenti tiffunzjona bħala garanzija għall-Unjoni biex tkopri l-obbligi finanzjarji u l-obbligazzjonijiet kontinġenti kollha tagħha taħt kwalunkwe ċirkostanza, anke f’każ ta’ żvilupp ekonomiku negattiv. Dan il-marġni jissejjaħ il-marġni ta’ manuvra tal-baġit tal-UE.
Taħt l-aħħar Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, il-limiti massimi tar-riżorsi proprji se jiżdiedu b’0.6 punti perċentwali fuq bażi eċċezzjonali u temporanja. Dan se jiggarantixxi marġni ta’ manuvra akbar, u se jippermetti lill-UE tissellef fis-swieq biex tiffinanzja n-NextGenerationEU, l-istrument ta’ rkupru għall-Ewropa.
Iż-żieda tal-limitu massimu tar-riżorsi proprji għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament għal 2.00% tal-ING hija limitata fiż-żmien u se tintuża biss fil-kuntest tal-irkupru mill-pandemija tal-coronavirus. It-tkabbir tal-marġni ta’ manuvra ma jinvolvix kontribuzzjoni addizzjonali imminenti għall-baġit tal-UE mill-Istati Membri, peress li jiffunzjona biss bħala garanzija konġunta għall-ħruġ ta’ bonds mill-Kummissjoni f’isem l-UE għan-NextGenerationEU Il-limitu massimu tar-riżorsi proprji għall-pagament se jitnaqqas lura għal 1.40% tal-ING meta l-fondi kollha jkunu tħallsu lura u l-obbligazzjonijiet kollha ma jibqgħux jeżistu.
Is-self għal programmi oħra ta’ self bħal SURE u l-MFA+ għall-Ukrajna huwa garantit taħt il-limitu massimu permanenti tar-Riżorsi Proprji tal-baġit.