Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Proġetti ffinanzjati għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni

Proġetti eżistenti

Orizzont 2020, il-programm attwali ta’ riċerka u innovazzjoni, immobilizza riżorsi sinifikanti biex tiġi indirizzata l-veraċità tal-informazzjoni fil-media soċjali u fil-mezzi ta’ informazzjoni. L-Osservatorju Soċjali għall-Analiżi tad-Diżinformazzjoni u tal-Media Soċjali (SOMA) flimkien ma’ proġetti oħrajn iffinanzjati mill-UE (PROVENANCE, SocialTruth, EUNOMIA, WeVerify) joffri lis-settur tal-media soċjali l-okkażjoni biex janalizza d-dinamika tiegħu u r-relazzjoni bejn il-media soċjali u setturi oħrajn.

L-osservatorju diġà ġabar numru sinifikanti ta’ riżorsi u analiżi dwar “l-infodemija” dwar il-coronavirus u għarfien ieħor relatat mad-diżinformazzjoni. Dawn is-soluzzjonijiet proposti jieħdu l-forma ta’ tipi differenti ta’ proġetti, fosthom: pjattaforma għall-verifika tal-kontenut; għodod ta’ verifika tal-fatti; metodoloġija għall-valutazzjoni tal-impatt soċjoekonomiku tad-diżinformazzjoni; strateġiji u azzjonijiet li jżidu l-litteriżmu medjatiku, janalizzaw l-ostakli legali u l-aspetti ta’ awtoregolamentazzjoni fil-livell tal-komunità; repożitorju ta’ għarfien fil-qasam tad-diżinformazzjoni.

Il-proġett HERoS, pereżempju, itejjeb l-effiċjenza tar-rispons għat-tifqigħa tal-virus. Dan jgħin lil dawk responsabbli għar-rispons għal emerġenzi tas-saħħa pubblika biex jagħmlu deċiżjonijiet informati. Għal dan il-għan, il-proġett qed jiżviluppa metodu ġdid għall-kategorizzazzjoni u l-iffiltrar ta’ informazzjoni mill-media soċjali biex jiġu miġġielda aħjar ix-xnigħat u l-miżinformazzjoni dwar il-coronavirus.

Diversi proġetti oħra li għaddejjin taħt Orizzont 2020 (l-Isfida Soċjetali 6 u t-taqsimiet tax-Xjenza mas-soċjetà u għaliha) aġġustaw l-attivitajiet tagħhom biex jinkludu d-diżinformazzjoni relatat mal-coronavirus fl-ambitu tagħhom. Pereżempju, il-proġett Co-Inform, li jaħdem fuq għodod li jrawmu l-ħsieb kritiku u l-litteriżmu diġitali, diġà ħareġ pubblikazzjoni dwar il-COVID-19 u l-miżinformazzjoni. Il-proġett QUEST, li jaħdem fuq il-kwalità u l-effettività fil-komunikazzjoni xjentifika u teknoloġika, naturalment ta attenzjoni lil aspetti differenti ta’ komunikazzjoni xjentifika ta’ kwalità rigward il-kriżi tal-coronavirus. Il-proġett TRESCA, li jaħdem fuq l-iżvilupp tal-fiduċja fix-xjenza u l-innovazzjoni permezz ta’ prattiki ta’ komunikazzjoni bejn ir-riċerkaturi xjentifiċi, il-ġurnalisti u dawk li jfasslu l-politika, analizza prattiki sanitarji diġitali bażiċi biex titwaqqaf il-miżinformazzjoni.

L-għan tal-proġett FANDANGO ffinanzjat minn Orizzont 2020 hu li jaggrega u jivverifika tipoloġiji differenti ta’ data tal-aħbarijiet, sorsi tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, media soċjali, data miftuħa, biex jiġu identifikati aħbarijiet foloz u tiġi pprovduta komunikazzjoni iktar effiċjenti u verifikata għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Bħala tali, il-proġett FANDANGO għandu l-għan li jelimina l-ostakli għall-interoperabbiltà tad-data filwaqt li joffri tekniki unifikati u pjattaforma integrata ta’ big data li jappoġġjaw lill-industriji tradizzjonali tal-mezzi ta’ komunikazzjoni biex jiffaċċjaw l-ekonomija l-ġdida tad-“data” fir-rigward tal-aħbarijiet b’iktar trasparenza fid-dawl tar-riċerka u l-innovazzjoni responsabbli.

Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (KER) jappoġġja l-investigazzjonijiet teoretiċi, bħal dik żviluppata minn Phil Howard, id-direttur tal-Oxford Internet Institute u riċevitur ta’ Għotja ta’ Konsolidazzjoni tal-KER għall-proġett COMPROP dwar il-“Propaganda Komputazzjonali: l-Investigazzjoni tal-Impatt tal-Algoritmi u tal-Bots fuq id-Diskors Politiku fl-Ewropa”. Hu japplika l-aħjar metodi disponibbli fil-qasam tax-xjenza soċjali u tal-kompjuters biex jistudja s-soluzzjonijiet possibbli. Is-sit web tal-KER u s-serje ta’ taħdidiet tal-KER kienu diġà ppreżentaw ir-riċerka tiegħu. Mat-tim tiegħu, hu kien qed imexxi Laqgħat ta’ Informazzjoni ta’ kull Ġimgħa fir-rigward tal-Coronavirus u dan l-aħħar kien intervistat dwar id-diżinformazzjoni matul il-pandemija tal-coronavirus. Il-ħidma żviluppata minn Jason Reifler, il-professur fl-Università ta’ Exeter u riċevitur ta’ Għotja ta’ Konsolidazzjoni għal DEBUNKER, proġett dwar il-“Perċezzjonijiet żbaljati fil-Politika, is-Saħħa u x-Xjenza: Kawżi, Konsegwenzi u t-Tiftix għal Soluzzjonijiet”, hi ppreżentata f’dan l-artiklu reċenti

Il-proġett FARE jindirizza t-tixrid tal-aħbarijiet foloz permezz ta’ qafas teoretiku li jippermetti li jsir tbassir li jista’ jiġi ttestjat. Il-proġett se jiżviluppa riċerka multidixxiplinari li tgħinna nifhmu l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-iżbalji li saru fil-qasam tal-aħbarijiet foloz, permezz ta’ tekniki sperimentali u informatiċi (sistemi ta’ big data u ta’ kumplessità).

Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka jappoġġja wkoll proġetti ta’ dimostrazzjoni bħal GoodNews, li japplika teknoloġija ta’ tagħlim profond għall-identifikazzjoni ta’ aħbarijiet foloz. Għandu l-għan li jibni l-kapaċità teknoloġika għall-identifikazzjoni algoritmika tal-aħbarijiet foloz fil-media soċjali bl-użu ta’ paradigma ġdid. Minflok ma jsegwi l-approċċ tradizzjonali li janalizza l-kontenut tal-aħbarijiet, dan il-proġett se janalizza x-xejriet tat-tixrid tal-aħbarijiet fin-networks soċjali. Il-proġett jibbaża fuq klassi ġdida ta’ algoritmi ġeometriċi ta’ tagħlim profond żviluppati fil-proġett LEMAN (Learning on Manifolds and Graphs).

Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni mexxa l-#EUvsVirus Hackathon, organizzata b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE bil-għan li tgħaqqad flimkien lis-soċjetà ċivili, l-innovaturi, is-sħab u l-investituri fl-Ewropa kollha biex jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi relatati mal-coronavirus. Is-soluzzjonijiet proposti fil-qafas tal-“Mitigazzjoni tat-tixrid tal-aħbarijiet foloz” kienu ppreżentati fil-“Matchathon” organizzata mill-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni fit-22-25 ta’ Mejju 2020 biex jiġi mmobilizzat il-finanzjament. Preċedentement, il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni kien appoġġja wkoll lill-kumpaniji fl-iżvilupp ta’ sistemi semiawtomatizzati ta’ identifikazzjoni tal-aħbarijiet foloz permezz ta’ azzjonijiet bħal Truthcheck u Newtral.

It-tieni sejħa għal espressjoni ta’ interess bi tweġiba għall-pandemija tal-coronavirus taħt Orizzont 2020 indirizzat “L-impatti tal-imġiba, dawk soċjali u ekonomiċi tar-rispons għat-tifqigħa”. Fost il-5 proġetti magħżula, COVINFORM jindirizza d-diżinformazzjoni/il-miżinformazzjoni relatata mal-COVID-19. Il-proġett se jidentifika u jivvaluta miżuri għall-prevenzjoni ta’ miżinformazzjoni, diżinformazzjoni, informazzjoni ħażina, “aħbarijiet foloz” u teoriji ta’ kospirazzjoni, kif ukoll jifformula rakkomandazzjonijiet biex jindirizzahom. Se janalizza u jgħin ukoll biex jinftiehmu l-impatti tal-miżinformazzjoni u l-komunikazzjoni diġitali fuq is-saħħa mentali u l-benesseri ta’ gruppi differenti.

Taħt l-aħħar sejħiet ta’ Orizzont 2020, 3 proġett dwar it-trasformazzjonijiet tax-xenarju tal-media Ewropea bdew attivitajiet fil-bidu tal-2021. L-ambitu tal-isfida proposta, iddefinit qabel ma żviluppat il-pandemija tal-coronavirus, kien jirrikjedi l-eżami, fost aspetti oħra, tar-rwol tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, inklużi l-media soċjali, il-lingwaġġ, il-ġenerazzjoni tal-aħbarijiet u fenomeni ġodda bħall-aħbarijiet foloz. Għalhekk, għalkemm mhux direttament relatati mal-pandemija, il-proġetti se jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, permezz tal-analiżi tar-rwol soċjokulturali u politiku kruċjali tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u l-impatt tagħha fl-evoluzzjoni ta’ spazju politiku u kulturali Ewropew.

Għodod eżistenti oħrajn

Il-pjattaforma Epidemics Intelligence from Open Sources (EIOS), kollaborazzjoni bejn l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), inħolqot biex tidentifika malajr it-theddid potenzjali għas-saħħa pubblika, permezz ta’ informazzjoni minn rapporti tal-media. Din għenet lid-WHO tiskopri l-ewwel sinjali tat-tifqigħa tal-coronavirus f’Wuhan fl-aħħar ta’ Diċembru tas-sena l-oħra, u minn dak in-nhar ’l hawn intużat biex jiġi ttraċċat globalment it-tixrid tal-marda. Hi bbażata fuq is-Sistema ta’ Informazzjoni Medika (MEDISYS), li ħarġet mill-għodda “Europe Media Monitor” żviluppata mill-JRC, li tiġbor sa 120,000 artiklu kuljum relatati mal-pandemija tal-coronavirus.

Ħafna aħbarijiet foloz jużaw kliem u lingwaġġ magħżul apposta li jqanqal u jżid emozzjonijiet ta’ biża’ u ansjetà. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka żviluppa programm ta’ tagħlim tal-magni, Misinfo Classifier, biex jidentifika mudelli fil-lingwaġġ, speċjalment l-aggressività tiegħu, u jiddetermina jekk aħbar tkunx falza jew le. Bħalissa l-għodda qed tintuża mill-Kummissjoni u mill-Parlament Ewropew u se tkun disponibbli għal organizzazzjonijiet ta’ verifika tal-fatti b’reputazzjoni tajba.

Social Rumour hu software ieħor użat mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni Ewropea. Dan jidentifika kontijiet fuq Twitter li jippowstjaw links lejn sorsi suspettużi magħrufa. Dan imbagħad jivverifika links oħrajn ippowstjati minn dawn il-kontijiet sabiex jiġu identifikati narrattivi ġodda li jitfaċċaw fuq il-media soċjali. Se jsir ukoll disponibbli għal organizzazzjonijiet ta’ verifika tal-fatti b’reputazzjoni tajba.

L-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali (EDMO) huwa proġett li jappoġġja lill-komunità indipendenti li taħdem biex tiġġieled id-diżinformazzjoni. Dan se jippermetti l-ħolqien ta’ komunità transfruntiera u multidixxiplinari ta’ verifikaturi tal-fatti u riċerkaturi akkademiċi indipendenti, li se jikkollaboraw mal-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jidentifikaw, janalizzaw u jikxfu theddid potenzjali ta’ diżinformazzjoni. L-EDMO se jistabbilixxi, f’kooperazzjoni mal-pjattaformi online, qafas sigur u konformi mal-privatezza li jippermetti lir-riċerkaturi akkademiċi jaċċessaw id-data tal-pjattaformi online.  Barra minn hekk, l-EDMO se jipprovdi appoġġ tekniku u pariri lill-ERGA għall-monitoraġġ tal-politiki tal-pjattaformi online skont il-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-diżinformazzjoni u/jew oqfsa regolatorji futuri. EDMO ilu jopera mill-1 ta’ Ġunju 2020. Il-konsorzju kkuntrattat huwa mmexxi mill-Istitut Universitarju Ewropew (EUI).

Dan l-aħħar il-Kummissjoni ħabbret ir-riżultat ta’ sejħa għal proposta biex jiġu pprovduti għotjiet għal ammont totali ta’ €11-il miljun biex jiġu stabbiliti 8 ċentri reġjonali tal-EDMO fi Stati Membri differenti, u tiġi żgurata l-interkonnessjoni tagħhom mal-infrastruttura ċentrali. Iċ-ċentri se jibdew joperaw sas-sajf tal-2021 u se jkopru l-Irlanda, il-Belġju, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, is-Slovakkja, Spanja, l-Iżvezja, kif ukoll il-parti tan-Norveġja taż-ŻEE.

Sejħiet u proġetti futuri

F’Orizzont Ewropa, il-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni li jmiss, l-ewwel programmi ta’ ħidma se jimmobilizzaw madwar €60 miljun għar-riċerka dwar il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni b’mod ġenerali, b’xi angoli speċifiċi dwar id-diżinformazzjoni relatata mal-pandemija. Il-cluster 2 “Kultura, kreattività u soċjetà inklużiva” se jinkludi suġġetti rilevanti għar-riċerka dwar id-diżinformazzjoni, l-importanza dejjem tikber ta’ xenarju medjatiku b’saħħtu u indipendenti u l-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz fil-kuntest ta’ wara l-coronavirus. B’mod partikolari, is-suġġetti previsti għall-2021-2022 jistgħu jinkludu riċerka dwar:

  • ir-rwol politiku tal-mezzi ta’ komunikazzjoni tradizzjonali u dawk ġodda, l-esplorazzjoni ta’ kif għandhom jiġu rrispettati l-prinċipji tal-ġurnaliżmu u l-appoġġ għad-demokrazija permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni ta’ kwalità
  • l-impatt tan-networks soċjali fuq l-internet u l-mezzi ta’ komunikazzjoni ġodda fuq l-imġiba, it-twemmin u l-valuri individwali u kollettivi
  • id-diżinformazzjoni relatata mal-pandemija u mekkaniżmi li jlaħħqu magħhom, fil-kuntest tal-politika u l-governanza fid-dinja ta’ wara l-covid

Il-clusters 3, “Sigurtà ċivili għas-soċjetà”, u 4, “Diġitali, industrija u spazju”, se jiffinanzjaw ukoll ir-riċerka dwar il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-aħbarijiet foloz u ż-żieda tal-fiduċja fid-dinja diġitali u dwar l-Intelliġenza Artifiċjali fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni.