Mur għall-kontenut ewlieni

Ġlieda kontra d-diżinformazzjoni

  • Kontenut arkivjat

    Il-paġni web f’din it-taqsima m’għadhomx jiġu aġġornati. Il-kontenut jista’ jkun skadut u għandu jiġi kkonsultat għal referenza tal-passat biss.

Separazzjoni tal-fatti mill-finzjoni dwar il-vaċċini

M’intix ċert minn xi wħud mill-istejjer li taqra? Dawn huma l-fatti:

  • Syiringe

    Minħabba l-urġenza tal-kriżi attwali, l-UE qed tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li l-vaċċini tal-COVID-19 li jikkonformaw mal-istandards għoljin ta’ sikurezza u effikaċja tal-UE jsiru disponibbli għal kull min għandu bżonnhom mill-aktar fis possibbli.

    Il-vaċċini huma wieħed mill-akbar suċċessi fis-saħħa pubblika. Fid-dinja kollha, dawn isalvaw mill-inqas 2-3 miljun ħajja kull sena – u ħafna aktar milli jimirdu gravi u jkollhom mard għal ħajjithom kollha. L-UE tfittex li tiżgura li l-vaċċini għall-COVID-19 li jissodisfaw l-istandards għoljin tal-UE għas-sikurezza u l-effikaċja biss jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Il-Kummissjoni laħqet diversi Ftehimiet ta’ Xiri bil-Quddiem mal-iżviluppaturi tal-vaċċini u żgurat biżżejjed dożi tal-vaċċini biex jitlaqqmu ċ-ċittadini kollha tal-UE. Il-vaċċini awtorizzati mill-Kummissjoni Ewropea wara evalwazzjoni mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini se jidhru fil-paġna web tal-Vaċċini sikuri kontra l-COVID-19 għall-Ewropej, fejn int tista’ tara wkoll liema vaċċini bħalissa qed jiġu eżaminati mill-EMA jew qed jiġu żviluppati.

    Il-vaċċini jgħinu biex in-nies jiġu protetti minn mard li jagħmel il-ħsara. Matul il-pandemija tal-coronavirus, xi nies kienu qed ixerrdu dikjarazzjonijiet mhux xjentifiċi kontra l-vaċċini. Dawn il-dikjarazzjonijiet jaħdmu fuq il-biża' tan-nies, u potenzjalment jikkawżaw ħsara sinifikanti lis-saħħa pubblika. Informazzjoni qarrieqa, teoriji xjentifikament mhux ippruvati, u dikjarazzjonijiet mhux sostanzjati dwar vaċċini li jimmodifikaw id-DNA jew riċevituri ta’ avvelenament jikkawżaw eżitazzjoni għall-vaċċini u jiskoraġġixxu lin-nies milli jitlaqqmu.

    Mobilizzazzjoni xjentifika mingħajr preċedent uriet riżultati promettenti. Il-coronavirus huwa eċċezzjonalment perikoluż u jaffettwa l-istil ta’ ħajja tagħna. Bħala tali, il-komunità globali tar-riċerka medika ffukat fuq l-iżvilupp ta’ vaċċini sikuri u effettivi u kienet kapaċi tagħti riżultati fi żmien rekord. Minkejja din l-urġenza, il-kandidati tal-vaċċini huma meħtieġa jgħaddu minn valutazzjoni rigoruża mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini biex jiġi żgurat li huma effettivi, sikuri, u ta’ kwalità għolja qabel ma jiġu offruti lill-pubbliku. Bis-saħħa ta’ mobilizzazzjoni enormi ta’ riżorsi u għarfien espert f’kull stadju, il-proċessi ta’ żvilupp, evalwazzjoni u awtorizzazzjoni ġew imħaffa.

    • plane

      Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE qed jippermetti lill-Ewropej kollha jivvjaġġaw b’mod sikur fl-UE u barra minnha, għax-xogħol jew għall-vaganzi.

      Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva għal Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, li jipprovdi prova li persuna tlaqqmet kontra l-COVID-19, irċeviet riżultat negattiv ta’ test, jew fieqet mill-COVID-19. L-għan taċ-ċertifikat hu li jiffaċilita l-moviment sikur u liberu taċ-ċittadini fl-Istati Membri kollha tal-UE. Dan jinkludi biss sett minimu ta’ informazzjoni biex jikkonferma l-istatus tat-tilqim, tal-ittestjar jew tal-fejqan tal-utent. Iċ-ċertifikat hu bla ħlas u jingħata bħala kodiċi QR jew b’mod diġitali jew fuq il-karta.

      Il-kodiċi QR fih firma diġitali li jipproteġi ċ-ċertifikat kontra l-falsifikazzjoni. Meta ċ-ċertifikat jiġi ċċekkjat, il-kodiċi QR jiġi skenjat u l-firma tiġi vverifikata. Il-Kummissjoni Ewropea bniet portal biex tiżgura li l-firem kollha taċ-ċertifikati jkunu jistgħu jiġu vverifikati fl-UE. Id-data personali tad-detentur taċ-ċertifikat ma tgħaddix mill-gateway.

      Hemm ħafna kunċetti żbaljati rigward iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, li jvarjaw minn teoriji ta’ komplott għal informazzjoni ħażina dwar tħassib u mistoqsijiet li altrimenti jkunu leġittimi. Waħda minn dawn l-istqarrijiet hi li ċ-ċertifikat se jintuża biex jiġi ristrett l-ivvjaġġar għan-nies li mhumiex imlaqqmin, imma dan mhux minnu. Wieħed mill-prinċipji ewlenin taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE hu n-nondiskriminazzjoni: l-Istati Membri li jeħtieġu prova tat-tilqim huma meħtieġa jaċċettaw, taħt l-istess kundizzjonijiet, riżultat negattiv tat-test jew ċertifikat ta’ fejqan mill-COVID-19. Iċ-ċertifikat ma jżidx aktar restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ma jipprojbixxix l-ivvjaġġar; minflok jagħmel biss l-ivvjaġġar fl-UE aktar faċli.

      L-aktar importanti huwa li ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE hu miżura temporanja. Il-Kummissjoni se tissospendi din il-miżura hekk kif l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tkun iddikjarat li l-pandemija tal-COVID-19 spiċċat

    • Syiringe

      L-effetti kollaterali tal-vaċċini, jekk ikun hemm, għandhom it-tendenza li jkunu ħfief u temporanji.

      L-effetti kollaterali mhumiex fenomenu esklużiv għall-vaċċini. L-ikel u mediċini oħra huma magħrufin ukoll li jikkawżaw effetti kollaterali, xi wħud serji aktar minn oħrajn, iżda ħafna drabi ma nesperjenzaw xejn. F’każijiet rari fejn jiġu esperjenzati l-effetti kollaterali, dawn huma kważi dejjem minuri u ma jdumux ħafna. Dan japplika wkoll għall-vaċċini kontra l-COVID-19. L-aktar effetti kollaterali komuni ta’ kwalunkwe vaċċin jinkludu uġigħ jew nefħa ħafifa u temporanja fil-post tat-titqiba, għeja, bard, dardir, remettar u deni. Anqas minn persuna f’10 tista’ tesperjenza raxx, urtikarja, jew ħmura fil-post tat-titqiba. Ħakk fil-post tat-titqiba jiġri saħansitra anqas frekwenti f’persuna minn 100. Lista sħiħa tal-effetti kollaterali potenzjali hija disponibbli pubblikament għall-vaċċini żviluppati mill-BioNTech-Pfizer, mill-Moderna, mill-AstraZeneca, u mill-Janssen u tista’ tikkonsulta t-tabib tiegħek għal aktar informazzjoni.

      Filwaqt li kull każ suspettuż ta’ effetti kollaterali serji mit-tilqim tal-COVID-19 għandu jittieħed b’mod serju, għandek toqgħod attent li ma tmurx mill-ewwel għal konklużjonijiet mingħajr bażi. Anke jekk jiġi esperjenzat sintomu ftit wara t-tilqima, dan ma jfissirx awtomatikament li ġie kkawżat mit-tilqima nfisha; il-kawżi marbutin miegħu jistgħu ma jkunux relatati u meta jseħħu eżatt wara li jittieħed il-vaċċin, dan jista’ jkun koinċidenza sfortunata. L-uniku mod biex tkun taf fiċ-ċert jekk effett kollaterali ġiex ikkawżat mit-tilqim hu li tistenna sakemm il-professjonisti tas-saħħa jkunu eżaminaw bir-reqqa dawk kollha li rċevew il-vaċċin u sseparaw il-każijiet veri tal-effetti kollaterali mill-każijiet mhux relatati.

      Jekk qed tħoss xi effetti kollaterali negattivi wara li tirċievi l-vaċċin kontra l-COVID-19, jekk jogħġbok irrapporta dan lit-tabib tiegħek.

    • Icon with three people holding hands under the globe

      Pazjenti li jipparteċipaw fi provi kliniċi għall-vaċċini kontra l-COVID-19 jirrappreżentaw l-popolazzjoni li se tuża l-vaċċini jekk jiġu awtorizzati.

      L-istandards għoljin tal-UE għas-sigurtà u l-effikaċja jitolbu li kwalunkwe vaċċin ġdid, bħalma huma l-vaċċini kontra l-COVID-19, jgħaddu minn provi kliniċi rigorużi. Il-manifattur għandu jissottometti d-data mill-provi kliniċi lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, li mbagħad teżamina mill-ġdid din id-data u tiddeċiedi jekk tirrakkomandax l-użu ta’ dawn il-vaċċini lill-Kummissjoni Ewropea. Wieħed mill-fatturi li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini teżamina huwa l-grupp ta’ pazjenti ttestjati matul il-provi kliniċi. Sabiex jiġi vverifikat jekk vaċċin kontra l-COVID-19 hux sikur u effettiv, il-parteċipanti tal-provi għandhom jirrappreżentaw il-popolazzjoni li se titlaqqam jekk il-vaċċin se jiġi approvat. Għaldaqstant, fil-provi klinċi ħa sehem grupp b’diversità kbira ta’ parteċipanti (etniċitajiet, etajiet u ġeneri differenti). Il-parteċipanti fil-provi kliniċi jirrappreżentaw ukoll gruppi vulnerabbli, u r-riżultati wrew li nżammu livelli għoljin ta’ sigurtà u effikaċja fil-gruppi kollha.

      Ħafna miżinformazzjoni ġiet diretta lejn l-effetti kollaterali tal-vaċċin fuq in-nisa tqal. Hu minnu li d-data dwar l-użu tal-vaċċini kontra l-COVID-19 fit-tqala hi limitata ħafna, minħabba li għandhom tendenza li ma jeħdux sehem fl-istudji peress li t-tqala taffettwa s-sistemi immunitarji tan-nisa tqal. Madankollu, l-istudji fl-annimali wrew li ma kienx hemm effetti ta’ ħsara matul it-tqala u l-esperti ma jantiċipaw ebda effett kollaterali negattiv. Minkejja dan, id-deċiżjoni jekk titlaqqamx mara tqila għandha ssir waqt konsultazzjoni mill-qrib mal-professjonist tas-saħħa wara kunsiderazzjoni tal-benefiċċji u r-riskji. Il-manifatturi tal-vaċċini se jkomplu jissorveljaw mill-qrib dawk li jirċievu l-vaċċin biex jiżguraw l-effikaċja u s-sigrutà fit-tul tagħhom.

    • icon virus

      L-immunità naturali għall-COVID-19 wara l-infezzjoni hi temporanja u l-persuni li qabel kienu infettati xorta waħda għandhom jitlaqqmu wara konsultazzjoni mat-tabib tagħhom.

      L-evidenza xjentifika disponibbli dwar l-immunità naturali għall-COVID-19 wara infezzjoni kkonfermata turi li din ma ddumx wisq – il-biċċa l-kbira tal-istimi juru li xi ħadd li ġie infettat u fieq mill-COVID-19 għandu immunità naturali bejn wieħed u ieħor minn sitta sa tmien xhur. Kun kawt meta taqra stqarrijiet mhux verifikati dwar l-immunità naturali għall-COVID-19 wara l-infezzjoni u kompli segwi l-miżuri biex tipproteġi lilek innifsek minn infezzjoni oħra possibbli: żomm id-distanzi minn nies oħra, ilbes il-maskra u aħsel idejk ta’ spiss. Jekk dan l-aħħar fiqt mill-COVID-19, għandek tikkonsulta mat-tabib jew mal-uffiċjali tas-saħħa lokali tiegħek dwar meta għandek tirċievi l-vaċċin tiegħek.

    • Shield

      It-tilqim qed iseħħ bl-istess ritmu ta’ kemm tippermetti l-kapaċità produttiva dinjija.

      Ir-rati ta’ tilqim fil-pajjiżi tal-UE jiddependu minn ħafna fatturi, wieħed minnhom hu l-produzzjoni tal-vaċċini u d-distribuzzjoni mill-manifatturi lill-pajjiżi tal-UE. Konxja ta’ dan, fl-ewwel stadji tal-pandemija, il-Kummissjoni Ewropea offriet lill-iżviluppaturi tal-vaċċini għajnuna finanzjarja biex tgħinhom iżidu l-kapaċitajiet tal-produzzjoni filwaqt li jagħtu l-impenn tagħhom li jfornu biljuni ta’ dożi ta’ vaċċin. il-Kummissjoni awtorizzat kuntratti ma' diversi manifatturi differenti tal-vaċċin u ordnat 2.3 biljun doża ta’ vaċċini futuri biex timmassimizza ċ-ċansijiet li tikseb l-aħjar vaċċin jew vaċċini. L-UE xtrat dożi tal-vaċċin kmieni hekk kif il-manifatturi tal-vaċċini għamlu l-offerta.

      L-ewwel dożi ta’ vaċċini ġew fornuti lill-pajjiżi tal-UE qabel il-Jiem Ewropej tat-Tilqim fis-27-29 ta’ Diċembru 2020, imma d-distribuzzjoni tal-vaċċini minn dak il-punt ’il quddiem tiddependi fuq l-organizzazzjonijiet nazzjonali u reġjonali u fuq il-livell tat-tħejjija tagħhom. 

    • icons_eu-12_small.png

      Il-politiki tas-saħħa huma f’idejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tikkoordina kwistjonijiet transfruntieri u tipprovdi l-appoġġ.

      Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġja lill-pajjiżi Ewropej u tgħin biex tikkoordina l-isforzi fi żminijiet ta’ kriżi. Billi żżid il-koordinazzjoni fost il-pajjiżi Ewropej, issaħħaħ l-aġenziji mediċi u xjentifiċi tagħna, u tniedi inizjattivi bħall-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa, il-Kummissjoni qed tħejji għal kriżijiet tas-saħħa transfruntieri futuri. Fil-qasam tas-saħħa, il-kompetenza primarja dejjem se taqa’ fuq l-Istati Membri, li huma responsabbli għall-politiki tagħhom stess.

    • icons_eu_disinformation-16_small_0.png

      Il-vaċċini kontra l-COVID-19 jgħaddu minn diversi ċikli ta’ ttestjar rigoruż u evalwazzjoni bejn il-pari qabel ma jiġu approvati.

      Il-proċess ta’ approvazzjoni tal-vaċċini huwa kemm metikoluż kif ukoll trasparenti. Il-vaċċini kontra l-COVID-19 iridu jgħaddu minn tliet stadji ta’ provi kliniċi u jissodisfaw standards għoljin qabel ma l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) tagħti rakkomandazzjoni xjentifika pożittiva u l-Kummissjoni Ewropea tawtorizzahom għall-użu pubbliku, bħal kwalunkwe vaċċin ieħor. Il-kumpaniji farmaċewtiċi jwettqu dawn il-provi kliniċi, billi jsegwu standards stabbiliti mill-EMA biex jivverifikaw l-effetti tal-mediċini li jkunu qed jiġu ttestjati u biex jipproteġu l-benesseri tas-suġġetti tal-prova. Barra minn hekk, il-provi kliniċi kollha jiġu rreġistrati fil-bażi tad-data tal-Provi Kliniċi tal-UE (EudraCT), fejn l-informazzjoni dwar il-provi kliniċi ssir disponibbli għall-pubbliku. Il-proċess huwa trasparenti għaliex kulħadd jista’ jaċċessa d-data.

      Il-proċess tal-iżvilupp tal-vaċċini sar ħafna aktar effiċjenti (mingħajr ma ġew kompromessi l-istandards tal-effikaċja u tas-saħħa) billi saru provi kliniċi b’mod parallel, b’aktar voluntiera mis-soltu, u billi ġew allokati aktar riżorsi lir-riċerkaturi. Il-proċess sar ukoll aktar effiċjenti billi l-iżviluppaturi tal-vaċċini setgħu jissottomettu r-riżultati ta’ prova tagħhom lill-EMA fuq bażi kontinwa matul l-istadju ta’ riċerka u żvilupp. Normalment, id-data tal-prova klinika kienet tkun sottomessa biss għal rieżami wara li l-istadju tar-riċerka u l-iżvilupp kien komplut. Għalhekk, l-EMA teħtieġ inqas żmien biex tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-vaċċini wara li l-iżviluppatur japplika għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, minħabba li l-biċċa l-kbira tal-evalwazzjoni tkun diġà saret. Il-kwalità mhijiex sagrifikata għal raġunijiet ta’ ħeffa.

    • icon virus

      Il-vaċċini kontra l-COVID-19, bħal kull tip ieħor ta’ vaċċin, jgħallmu lis-sistema immunitarja tiegħek kif tipproteġi lilha nnifisha mill-virus li qed titlaqqam kontrih.

      Il-vaċċini jaħdmu billi jintroduċu porzjon żgħir mejjet tal-virus dannuż sabiex ġisimna jkun jista’ jiġġenera immunità għalih, mingħajr ma jikkawża infezzjoni. Dan jipproteġina minn infezzjonijiet futuri potenzjali tal-virus attwali.

      Iċ-ċelloli fil-ġisem tagħna jaqraw il-kodiċi ġenetiku – id-DNA tagħna – u joħolqu struzzjonijiet ġenetiċi temporanji – fil-forma ta’ RNA – li jgħidu l-ġisem kif jipproduċi l-proteini li jeħtieġu biex jikbru u jissewwew. Ladarba jinħolqu l-proteini, l-RNA tiġi degradata. Il-vaċċini li saru minn Pfizer-BioNTech u Moderna jdentifikaw il-proteina speċifika (il-proteina spike) li tippermetti lill-coronavirus jinfetta ċelloli b’saħħithom fil-bnedmin. Il-vaċċini tagħhom jagħtu liċ-ċelloli RNA modifikata - mRNA - li tagħtihom struzzjonijiet biex jipproduċu dik il-proteina spike, mingħajr il-bqija tal-virus. Il-ġisem tagħna mbagħad ikollu rispons immunitarju għall-proteina spike, li jista’ jieħu żmien twil meta l-ġisem jiġi espost għalih għall-ewwel darba. Permezz ta’ dan il-proċess, il-ġisem tagħna jitgħallem kif jidentifika dik il-proteina wara t-tilqim u jista’ jiftakar u jipproduċi l-antikorpi li jeħtieġ biex jeliminaha aktar malajr fil-futur, l-avveniment ta’ infezzjoni attwali.

      M’hemm ebda evidenza li dan il-proċess jista’ jikkaġuna ħsara fuq iċ-ċelloli tagħna stess.

    • Syiringe

      Il-kumpaniji farmaċewtiċi huma responsabbli għall-effetti sekondarji tal-vaċċini mixtrija taħt l-Istrateġija tal-UE għall-Vaċċini

      Ir-responsabbiltà tal-prodott dejjem tappartjeni lill-kumpanija li għandha l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq. Il-kumpaniji huma responsabbli għas-sikurezza tal-prodotti tagħhom, u għandhom obbligi speċifiċi, bħall-obbligi li jimplimentaw pjan sħiħ ta’ monitoraġġ tar-riskju, li jirrappurtaw kwalunkwe effett negattiv tal-prodott, u li jieħdu l-azzjonijiet ta’ segwitu meħtieġa. Huwa minnu li l-UE aġġustat uħud mir-regoli dwar il-vaċċini sabiex twassal vaċċin sigur u effettiv fi skeda ta’ żmien iqsar. Madankollu, ir-regoli dwar l-istandards tas-sigurtà huma stretti daqs kemm kienu minn dejjem u d-Direttiva dwar ir-Responabbiltà għall-Prodotti għadha fis-seħħ. Fi kliem ieħor, affermazzjonijiet li l-kuntratti li l-Kummissjoni nnegozjat ma jżommux responsabbli lill-manifatturi tal-vaċċini għal kwalunkwe effett sekondarju huma sempliċiment foloz.

      Is-sikurezza u l-effettività ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 awtorizzati se jiġu ssorveljati b’mod strett permezz tas-sistema stabbilita tal-UE ta’ monitoraġġ tal-mediċini. Sa liema punt vaċċin ġdid jirnexxielu jattiva effetti fit-tul ma jistax jiġi kkonfermat qabel ma jkun għadda biżżejjed żmien. Spiss, minħabba li ż-żmien ta’ meta sseħħ kundizzjoni medika mhux mistennija jkun l-istess żmien meta jkun ittieħed vaċċin, in-nies jassumu li l-vaċċin ikun ikkawża l-kundizzjoni medika mhux mistennija. Il-vaċċini kontra l-COVID-19 li jkunu għadhom kif ġew approvati se jiġu mmonitorjati kontinwament biex jinkiseb fehim aħjar dwar jekk l-effetti sekondarji suspettati humiex fil-fatt ikkawżati mill-vaċċin jew jekk mhumiex relatati, kif ukoll għall-effikaċja fit-tul tagħhom. Il-manifatturi tal-vaċċini se jkomplu jkunu responsabbli u mistennija jimmonitorjaw l-effetti fit-tul tal-vaċċini tagħhom ħafna wara li jkunu ġew amministrati.

    • Shield

      Jekk ikun hemm biżżejjed evidenza affidabbli li turi li vaċċin kontra l-COVID-19 jissodisfa l-istandards għoljin tal-UE għas-sikurezza u l-effettività, l-UE se tirrakkomanda l-użu tiegħu, irrispettivament minn min immanifatturah.

      Id-diżinformazzjoni favur il-Kremlin ilha tiddikjara li l-UE qed iddgħajjef l-isforzi ta’ pajjiżi oħra. It-tqegħid fis-suq tal-vaċċini fis-Suq Intern jeħtieġ standards Ewropej għoljin għas-sikurezza u l-effikaċja stabbiliti mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini. Bħalissa, il-vaċċin Russu kontra l-COVID-19 Sputnik V qiegħad taħt rieżami kontinwu mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, li r-rakkomandazzjoni tagħha se tiddetermina jekk il-Kummissjoni Ewropea tawtorizzax il-vaċċin għall-użu fl-UE jew le.

      Barra minn hekk, hemm storja twila ta’ kampanji ta’ diżinformazzjoni appoġġjati mill-Kremlin fl-Ewropa u barra minnha, li ġiet dokumentata tajjeb minn EUvsDisinfo. Pereżempju, instab li atturi favur il-Kremlin ippromwovew il-vaċċin Sputnik V fl-Amerika Latina, filwaqt li ppruvaw jimminaw vaċċini oħra.

      Fl-aħħar mill-aħħar, l-UE hija lesta li tuża vaċċin minn kullimkien fid-dinja, iżda jeħtieġ li tgħaddi l-istandards għoljin Ewropej għas-sikurezza u l-effikaċja stabbiliti mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.

      Separazzjoni tal-Fatti mill-Finzjoni dwar il-COVID-19

      M’intix ċert minn xi wħud mill-istejjer li taqra? Dawn huma l-fatti:

      • Syiringe

        Il-biċċa l-kbira tax-xjenzjati u dawk li jfasslu l-politika jaqblu li l-lockdowns isalvaw il-ħajjiet, iżda wkoll li mhumiex għażla fattibbli fit-tul biex tiġi indirizzata l-pandemija.

        L-UE u l-Istati Membri kollha tagħha dejjem se jpoġġu s-saħħa u l-għajxien tan-nies l-ewwel. Matul il-pandemija, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fl-Ewropa kienu mġiegħla jimplimentaw miżuri temporanji ta’ lockdown biex jimmaniġġjaw in-numru kbir ta’ każijiet ġodda. Hu fl-interess ta’ kulħadd li l-lockdowns jinżammu qosra kemm jista’ jkun kull meta jiġu implimentati, iżda dan hu possibbli biss jekk ikollhom l-effett mixtieq: tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta’ infezzjonijiet ġodda. It-twaqqif tat-tixrid tal-coronavirus jiddependi wkoll fuq kemm in-nies isegwu tajjeb il-linji gwida dwar il-coronavirus, bħal li tintlibes il-maskra fil-pubbliku u t-tbegħid soċjali.

        Dawk li jfasslu l-politika u x-xjenzati huma konxji li l-lockdowns jiswew ħafna flus u mhumiex għażla fattibbli fit-tul peress li jaffettwaw b’mod sproporzjonat lill-foqra, lill-familji bi tfal żgħar, u lill-ħaddiema li ma jistgħux jaħdmu mid-dar. Dawn ipoġġu piż kbir fuq l-ekonomija, u huma ta’ detriment għas-saħħa mentali u l-benessri tan-nies. Miżuri temporanji ta’ lockdown huma meħtieġa f’xi sitwazzjonijiet biex jagħtu biżżejjed żmien lis-servizzi tal-kura tas-saħħa biex is-sitwazzjoni tiġi kkontrollata u biex jiġi evitat l-agħar xenarju possibbli.

        Hekk kif il-coronavirus jinfirex permezz ta’ kuntatt ma’ qtar likwidi u trażmissjoni fuq medda itwal permezz tal-aerosols, speċjalment f’kundizzjonijiet fejn il-ventilazzjoni hija fqira, il-limitazzjoni tal-kuntatt bejn in-nies hija l-aktar mod affidabbli biex jinkisru l-ktajjen tal-infezzjoni. Jekk il-coronavirus jitħalla jkompli jinfirex mingħajr kontroll, eventwalment is-servizzi tal-kura tas-saħħa ma jkunux jistgħu jlaħħqu, u dan iwassal għal rati ogħla ta’ mortalità.

        • icon medical

          Oqgħod attent minn nies online li jgħidu li sabu “kura mirakoluża”

          Jekk issegwi parir mediku minn sorsi mhux familjari jew mhux affidabbli tista’ tipperikola saħħtek. Ftakar li l-vaċċini awtorizzati għall-użu mill-Kummissjoni Ewropea se jidhru fil-paġna web dedikata għall-Vaċċini sikuri kontra l-COVID-19. Il-vaċċini elenkati hemmhekk ġew approvati wara evalwazzjoni bir-reqqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, li bħalissa qed tirrivedi wkoll il-vaċċini li saru minn kumpaniji farmaċewtiċi oħra. Għandek tkun xettiku dwar kull min jiddikjara li għandu trattament tal-coronavirus li ma ġiex approvat mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini jew li ma ġiex irrakkomandat lilek mill-awtoritajiet tas-saħħa nazzjonali tiegħek. Jekk normalment ma tafdahx, tibdiex tafdah issa!

          Aħsibha darbtejn qabel ma tixxerja xi informazzjoni li tara fuq il-media soċjali dwar it-trattamenti u kun ċert li tagħmel kontroverifika ta’ informazzjoni dwar żviluppi ġodda minn sorsi fdati. Eżempju ta’ dan huwa d-diskussjoni dwar l-Idrossiklorokina (mediċina li tintuża għall-prevenzjoni u t-trattament tal-malarja), li ngħatat ħafna attenzjoni, minkejja li evidenza minn studji kkontrollati s’issa turi li d-droga hija ineffettiva kontra l-coronavirus. Taqbadx u tieħu din id-droga jew kwalunkwe “kura mirakoluża” oħra. Tista’ tibqa’ aġġornat dwar it-trattamenti u l-mediċini potenzjali kollha tal-Covid-19 fuq is-sit web tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.

        • mobile phone icon

          Il-coronavirus jinfirex biss minn persuna għal oħra permezz ta’ taqtiriet li persuna ttajjar meta tagħtas, tisgħol jew titfa’ n-nifs ’il barra, mhux permezz tan-networks mobbli.

          Mit komuni ħafna li qed jiġi pperpetwat online hu li l-introduzzjoni tan-networks 5G hija r-raġuni wara l-pandemija tal-coronavirus. Dan mhuwiex minnu. It-teoriji ta’ komplott li b’mod inkorrett jorbtu l-5G u l-pandemija tal-coronavirus qed iwasslu biex iż-żewġ affarijiet jitħawdu ma’ xulxin, possibbilment minħabba li t-tnejn huma relattivament ġodda u ma tistax tarahom. Il-5G huwa sempliċiment il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ networks mobbli u, bħan-networks 4G ta’ bħalissa, ma jistax jinteraġixxi ma’ virus. Il-5G juża mewġ tar-radju biex jikkonnettja apparati differenti u mhuwiex vettur għall-virus, li jibqa’ jgħix biss fi qtar likwidu. Evidenza aktar attenwanti kontra din il-mit hija li l-coronavirus infirex mad-dinja kollha, filwaqt li n-networks 5G għadhom ma ġewx implimentati kullimkien. Ħafna pajjiżi li m’għandhom l-ebda network 5G kellhom tifqigħat kbar tal-coronavirus. Sempliċiment, m’hemm l-ebda korrelazzjoni bejn il-coronavirus u n-networks 5G.

          Il-protezzjoni tan-nies hija l-prijorità ewlenija tal-UE, u din hija r-raġuni għaliex il-limiti tal-esponiment tal-UE jsegwu l-approċċ “aħjar uff milli aħħ”. Fil-fatt, il-limiti ta’ esponiment tal-UE għall-pubbliku ġenerali, inklużi għall-5G, huma 50 darba inqas minn dak li (skont l-evidenza xjentifika disponibbli) jista’ jkollu impatt fuq is-saħħa tan-nies. L-installazzjonijiet kollha tal-5G iridu jilħqu dawn l-istandards inkredibilment għoljin qabel ma jitħallew joperaw. Kieku ma kien hemm ebda mod kif jintuża l-5G mingħajr ma jiġu pperikolati s-saħħa u l-benesseri tan-nies fl-Ewropa, l-UE ma kinitx tirrakkomanda l-użu tagħha u l-Istati Membri kienu jipprojbixxuha.

        • Icon with three people holding hands under the globe

          L-UE għandha pjan ikkoordinat għall-irkupru tal-Ewropa, billi tappoġġja lin-nies u lin-negozji filwaqt li tkompli tindirizza t-tħassib dwar is-saħħa

          L-UE qed tiffoka l-isforzi tagħha fuq il-bidu mill-ġdid tal-attività ekonomika u l-bini ta’ Ewropa aktar ġusta, aktar ekoloġika u aktar diġitali. Il-Pjan ta’ Rkupru bil-baġit globali tiegħu ta’ €1.8 triljun, se jgħin lill-Ewropa tirkupra mill-kriżi u se jappoġġja diversi setturi Ewropej waqt il-ħruġ mil-lockdown. Dan jinkludi programmi ewlenin bħan-NextGenerationEU, li se jiżgura li l-irkupru jkun sostenibbli, inklużiv u ġust għal kulħadd – inklużi dawk f’żoni rurali u dawk li ntlaqtu ħażin mill-kriżi. L-istrument tan-NextGenerationEU, li nħoloq bl-input tal-Istati Membri kollha, se jżid l-attività ekonomika fl-UE kollha. Il-kisba ta’ fondi se tiddependi fuq il-promulgazzjoni ta’ riformi ekonomiċi, iżda mingħajr ma jiġu imposti miżuri ta’ awsterità.

          L-UE hija ħerqana wkoll li tiżgura li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jkomplu jivvjaġġaw fl-Ewropa mingħajr ma jpoġġu lilhom infushom f’riskju li jiġu infettati bil-virus. Ir-Re-open EU, il-pjattaforma web li oriġinarjament tnediet biex tgħin lill-Ewropej jivvjaġġaw matul il-pandemija tal-coronavirus, inbidlet f’punt uniku ta’ servizz għal informazzjoni dwar l-istat tal-miżuri tas-saħħa, ir-restrizzjonijiet u l-possibbiltajiet ta’ vvjaġġar fl-UE kollha. L-UE u l-Istati Membri qed jagħtu prijorità lis-sikurezza u l-benessri tan-nies.

        • Syiringe

          M’hemm l-ebda komplott wara l-isforz globali biex titwaqqaf il-pandemija - ix-xjenzjati qed ifittxu vaċċini għal kulħadd

          Meta teorija tippreżentalek lil xi ħadd konvenjenti ħafna biex twaħħal fih għall-problemi kollha tagħna, għandek taħsibha darbtejn qabel ma tafdaha. Ġeneralment, it-teoriji ta’ komplott jiġbdulek l-attenzjoni minħabba li jippreżentawk bi tweġibiet simplistiċi u diretti żżejjed għal mistoqsijiet kumplessi. Huma għandhom forom prevedibbli u jiffukaw fuq “għadu” ċar u identifikabbli b’mod faċli. Dawn isegwu mudelli prevedibbli u stereoskopiċi u li jiġu replikati f’diversi xenarji, u jinbidlu biss biex jiffokaw fuq atturi differenti. Tħallix lil dawn is-soluzzjonijiet simplistiċi u foloz għall-aħħar għal din il-kriżi kumplessa tas-saħħa jidħku bik.

          Waħda min dawn it-teoriji tiddikkjara – mingħajr ebda evidenza kredibbli biex issostniha - li Bill Gates ħoloq il-coronavirus bħala parti minn xi skema bi skopijiet ħżiena. Dan ovvjament mhuwiex minnu. Il-Fondazzjoni Bill u Melinda Gates għandha storja twila li tiġġieled biex jinqered mard perikoluż madwar id-dinja, bħall-poljo. Biex jingħeleb il-coronavirus, il-Fondazzjoni tat $125 miljun għall-isforz internazzjonali kollettiv u indipendenti għall-iżvilupp u l-użu ta’ dijanjostika, terapiji, u vaċċini kontra l-coronavirus. Il-fondazzjoni kkontribwixxiet u appoġġjat b’mod attiv il-maratona ta’ wegħdiet ta’ donazzjonijiet għar-Rispons Globali għall-Coronavirus li bdiet il-Kummissjoni Ewropea fl-4 ta’ Mejju, li rreġistrat €15.9 biljun f’wegħdiet ta’ donazzjonijiet minn donaturi biex jgħinu fil-finanzjament għall-iżvilupp u għall-użu universali tad-dijanjostikatat-trattamenti u tal-vaċċini kontra l-coronavirus. Ovvjament, kwalunkwe vaċċin kontra l-coronavirus se jkollu jgħaddi minn provi kliniċi rigorużi qabel ma jiġi approvat.

          • icon data protection

            L-UE għandha fost l-aktar protezzjoni tad-data u regoli dwar il-privatezza b'saħħithom fid-dinja. Il-pandemija tal-coronavirus ma tbiddel xejn minn dan.

            It-teknoloġiji diġitali jistgħu jipproteġu u jsalvaw il-ħajjiet. Pereżempju, l-użu volontarju tal-apps għat-traċċar u t-twissija tal-coronavirus jista’ jkollu rwol ewlieni fil-fażijiet kollha tal-kriżi u, b’mod partikolari meta jiżdiedu mill-ġdid il-każijiet ġodda, jikkomplementa miżuri oħrajn bħal aktar ittestjar. Apps bħal dawn jistgħu jgħinu biex iwaqqfu t-tixrid tal-virus billi jitkissru l-ktajjen tal-infezzjoni u jibagħtu twissija lil min jużahom jekk ikun ġie qrib ta’ persuna infettata. L-apps kollha għat-traċċar tal-kuntatti tal-coronavirus iridu jaħdmu b’mod volontarju, trasparenti u sikur, bejn il-fruntieri, u jirrispettaw bis-sħiħ il-privatezza tan-nies.

            Sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament xieraq tal-apps għat-traċċar tal-kuntatti, il-Kummissjoni qed tospita portal tal-interoperabbiltà: infrastruttura diġitali meħtieġa biex tiżgura li s-servers nazzjonali tal-apps ikunu jistgħu jikkomunikaw l-informazzjoni bejniethom. Din is-soluzzjoni, li tkopri l-maġġoranza vasta tal-apps għat-traċċar imnedija fl-UE, se tappoġġja kemm lill-vjaġġaturi fuq negozju kif ukoll lit-turisti biex jivvjaġġaw b’mod sikur fl-Ewropa filwaqt li l-pandemija għadha għaddejja.

            • disinfo

              Il-maskri tal-wiċċ jgħinuk iżżomm f’saħħtek, huma kompletament sikuri, u għandhom jintużaw u jintremew kif suppost.

              Kollha kemm aħna nixtiequ nipproteġu lilna nfusna mill-coronavirus, u l-maskri jistgħu jgħinu biex iżommuna sikuri u b’saħħitna matul din il-pandemija jekk jintużaw b’mod korrett. Dawn jistgħu jillimitaw ħafna il-firxa tal-coronavirus, speċjalment fi spazji magħluqa. Jekk int infettat tista’ ma tesperjenza l-ebda sintomu, f’liema każ maskra tal-wiċċ tista’ tipproteġi lill-oħrajn.

              Il-maskri jiġu kkomplementati b’tekniki preventivi oħra, bħall-ħasil tal-idejn u t-tbegħid soċjali, u waħedhom ma jistgħux jiggarantixxu protezzjoni sħiħa. Jeħtieġ li jintlibsu u jitneħħew b’mod korrett. L-użu xieraq tal-maskra tal-wiċċ fih innifsu ma jwassalx għal kundizzjonijiet bħall-ipoksja (nuqqas ta’ ossiġenu) jew il-hypercapnia (avvelenament bid-diossidu tal-karbonju). L-UE tiżgura li l-maskri distribwiti permezz ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ tal-UE jkunu ta’ kwalità tajba biżżejjed permezz ta’ testijiet qabel il-forniment.

            • icon magnified virus

              Il-coronavirus jista’ jinfetta u jiżviluppa kumplikazzjonijiet għal kulħadd, anke jekk ikunu fi grupp b’riskju baxx.

              Kull ġenerazzjoni ta’ Ewropej sabet quddiemha sfida jew theddida kbira – l-isfida tal-ġenerazzjoni tagħna hija l-coronavirus. Il-coronavirus hu daqshekk ta’ theddida minħabba li hu infettiv ħafna. Kulħadd jista’ jiġi infettat u dan jista’ jwassal għal kumplikazzjonijiet serji anke fost dawk li altrimenti huma żgħażagħ u b’saħħithom.

              L-UE wieġbet billi pprijoritizzat il-ħajja u l-għajxien b’ħidma mill-qrib mal-Istati Membri biex tikkoordina u tixxerja l-informazzjoni, kif ukoll billi tuża kull għodda għad-dispożizzjoni tagħha biex tnaqqas ir-ritmu tat-tixrid u ssib soluzzjonijiet. Bħalissa ma nafux kif se tiżviluppa l-pandemija fil-futur, iżda għandna nkunu ppreparati għal dik il-possibbiltà.

              Kemm iż-żgħażagħ kif ukoll l-anzjani huma f’riskju meta jinjoraw il-pariri uffiċjali. Barra minn hekk, għadna ma nafux x’inhuma l-effetti fit-tul tal-virus. Ir-riċerka xjentifika għadha għaddejja u sempliċiment ma nafux biżżejjed dwar il-virus biex nivvalutaw kemm jista’ jagħmel ħsara. Dak li nafu hu li kulħadd jista’ jiġi infettat.

              Kulħadd għandu sehem x’jaqdi fil-ġlieda kontra l-virus. Dan jinkludi l-ħasil ta’ idejk sew, l-evitar li tmiss wiċċek u r-rispett tat-tbegħid soċjali fl-ispazji pubbliċi, kif ukoll l-iżolament jekk għandek is-sintomi.

            • icon data protection

              Il-miżuri tal-lockdown fl-Ewropa kollha huma temporanji u ma jindikawx it-tmiem tad-demokrazija jew tal-valuri Ewropej.

              Ir-rispett tat-tbegħid soċjali u t-twettiq tal-linji gwida tal-COVID-19 isalvaw il-ħajjiet u jwaqqfu t-tixrid tal-coronavirus. Dawn il-miżuri huma bbażati fuq l-aħħar evidenza xjentifika u fuq id-data disponibbli għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet f’kull Stat Membru. Il-gvernijiet nazzjonali u l-Kummissjoni huma konxji wkoll tal-effett mentali u ekonomiku li dawn il-lockdowns għandhom fuq il-popolazzjoni, u huma impenjati li l-virus jiġi kkontrollat u li l-UE terġa’ tinfetaħ malajr kemm jista’ jkun.

              Valuri fundamentali Ewropej bħal-libertà tal-moviment u tal-espressjoni huma integrali għall-mudell u l-istil ta’ ħajja tal-UE, u dawn l-oqsma issa huma aktar importanti minn qatt qabel f’dan iż-żmien ta’ kriżi. Il-miżuri ta’ lockdown ma jibagħtux is-sinjal ta’ tmiem jew ta’ kompromess dwar dawn il-valuri, iżda huma meħtieġa biex tiġi indirizzata ż-żieda rapida f’każijiet ġodda tal-Covid-19 li dehru matul il-pandemija. Kull darba li n-numru ta’ każijiet ġodda jonqos għal livell aċċettabbli, jitneħħew ir-restrizzjonijiet temporanji u l-Ewropej ikunu jistgħu jerġgħu jibdew il-movimenti normali tagħhom. Dawn il-miżuri huma implimentati biss mill-Istati Membri b’reazzjoni għal sitwazzjonijiet estremament ħżiena. L-UE hija impenjata li tiżgura li dawn il-valuri jiġu rispettati fl-Unjoni kollha matul dan il-perjodu diffiċli u lil hinn minn dan il-perjodu.

            • robot

              Huma meħtieġa aktar investigazzjonijiet biex tiġi kkonfermata l-oriġini tal-pandemija tal-COVID-19.

              Huwa importanti aktar minn qatt qabel li naħdmu flimkien f’solidarjetà ma’ pajjiżi fid-dinja kollha fil-ġlieda kontra l-coronavirus. Id-diżinformazzjoni u l-akkużi bla bażi dwar l-oriġini tal-coronavirus jistgħu faċilment jagħmlu ħsara lin-networks ta’ appoġġ internazzjonali vitali u jipperikolaw il-ħajjiet. L-UE tappoġġja l-isforzi globali biex jiġu identifikati l-oriġini tal-pandemija, bħall-Istudju Globali tal-Oriġini tal-Coronavirus tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

              Il-marda tal-COVID-19 hi kkawżata minn razza ta’ coronavirus (li fiha nnifisha hi tip ta’ virus) imsejħa Sars-CoV-2, u ġiet irrappurtata lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fil-31 ta’ Diċembru 2019 f’Wuhan, iċ-Ċina. Il-coronaviruses jikkawżaw mard respiratorju u jistgħu jiġu trażmessi minn annimali għall-bnedmin. Ma nafux b’ċertezza assoluta minn fejn oriġina l-virus. Madankollu, l-Istudju Globali tal-Oriġini tal-Coronavirus tad-WHO jiddikjara li hu possibbli li l-COVID-19 oriġinat bħala riżultat ta’ riperkussjoni żoonotika diretta. Min-naħa l-oħra, abbażi tal-evidenza disponibbli, inċident fil-laboratorju fl-Istitut ta’ Viroloġija ta’ Wuhan ġie kklassifikat bħala estremament improbabbli. Madankollu, huma meħtieġa aktar investigazzjonijiet biex jiġu kkonfermati l-oriġini tal-COVID-19, mingħajr ma tiġi eskluża ebda possibbiltà.

              Għandhom isiru mistoqsijiet importanti u neċessarji dwar ir-rappurtar u t-trattament tat-tifqigħa, iżda li nwaħħlu mingħajr bażi fl-oħrajn għal din il-marda mhux se jagħmel is-sitwazzjoni attwali aħjar – flimkien biss jistgħu l-Ewropa, u d-dinja, jegħlbu l-pandemija tal-coronavirus. Is-saħħa globali hi responsabbiltà komuni għal kulħadd. Kull ommissjoni jew dewmien fl-ixxerjar ta’ informazzjoni dwar is-saħħa pubblika jista’ jkollu impatt negattiv fid-dinja kollha.

            • Small icon showing a radio signal inside a speech bubble

              Filwaqt li l-UE għandha l-għan li taħdem b’mod kooperattiv u kostruttiv mal-ġirien tagħha, aħna dejjem se nikxfu d-diżinformazzjoni dannuża u s-sorsi tagħha.

              Id-diżinformazzjoni tagħmel ħsara lill-kapaċità tagħna li nieħdu deċiżjonijiet tajbin billi timlik b’informazzjoni kunfliġġenti, toħloqlok konfużjoni u tagħmlek inċert. Il-konsegwenzi jistgħu jkunu serji – tista’ saħansitra thedded is-sigurtà tan-nies filwaqt li tagħmel ħsara lill-fiduċja fil-gvernijiet u l-media, u ddgħajjef ir-rwol globali tagħna. Aħna partikolarment vulnerabbli għad-diżinformazzjoni f’mumenti ta’ stress – u xi wħud qed jużaw il-pandemija tal-coronavirus biex jolqtuna meta nkunu fl-aktar pożizzjoni vulnerabbli.

              L-analisti fl-EUvsDisinfo jsibu li qed jixxerrdu b’mod attiv informazzjoni u dikjarazzjonijiet foloz mad-dinja kollha biex ixerrdu l-konfużjoni u n-nuqqas ta’ fiduċja dwar ir-rispons tal-Ewropa għall-coronavirus. Atturi barranin inklużi pajjiżi terzi, b’mod partikolari r-Russja u ċ-Ċina, involvew ruħhom f’operazzjonijiet ta’ influwenza u f’kampanji ta’ diżinformazzjoni mmirati dwar il-coronavirus fl-UE, fil-viċinat tagħha u globalment, hekk kif ifittxu li jdgħajfu d-dibattitu demokratiku u li jaggravaw il-polarizzazzjoni soċjali, u b’hekk itejbu l-immaġni tagħhom fil-kuntest tal-coronavirus. L-aħjar mod biex naffaċjaw dawn l-attentati, hu li jiġu identifikati dawk responsabbli u li ngħidu l-verità aħna stess kmieni u ta’ spiss. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jaħdmu biex jidentifikaw u jqajmu kuxjenza dwar it-tixrid tad-diżinformazzjoni dwar il-virus.

            • icon worldwide

              Il-viruses ma jinteressahomx minn fejn int. Ma jinteressahomx mill-etniċità tiegħek jew x’passaport għandek.

              Fi bnadi differenti tad-dinja, in-nies qed jippruvaw jitfgħu l-ħtija tal-coronavirus fuq gruppi differenti – billi jsejħulu l-virus Ewropew, il-virus Ċiniż, il-virus Brittaniku jew il-virus Amerikan. Il-fatt hu li l-virus jinfirex minn persuna infettata għal oħra permezz ta’ taqtiriet respiratorji li persuna ttajjar meta tagħtas, tisgħol jew titfa’ n-nifs ’il barra u ma tinġarr minn ebda popolazzjoni jew grupp partikolari. Jekk taqra li l-migranti jew gruppi etniċi speċifiċi qed ixerrdu l-virus apposta, kun żgur li ma hemm l-ebda bażi xjentifika għal tali dikjarazzjonijiet. Fil-fatt, il-coronavirus huwa kriżi globali li teħtieġ solidarjetà globali.

            • Shield

              L-UE tappoġġja l-investimenti tal-Istati Membri fis-saħħa pubblika

              L-UE tappoġġja l-investiment sod fis-saħħa pubblika u r-regoli fiskali tal-UE qatt ma kien jeħtiġilhom tnaqqis f’dan il-qasam. Fl-Ewropa, in-nies u s-saħħa tagħhom jiġu l-ewwel u l-infiq pubbliku fuq il-kura tas-saħħa żdied fil-biċċa l-kbira tal-istati tal-UE matul l-aħħar għaxar snin. Din hi politika li b’mod konsistenti kienet ta’ distinzjoni għall-Unjoni Ewropea mad-dinja kollha. Dan l-aħħar, l-UE nediet pjan biex jiġu appoġġjati l-pajjiżi matul il-kriżi, biex ir-regoli jiġu aġġustati sabiex il-pajjiżi jkunu jistgħu jonfqu aktar fuq is-servizzi ta’ emerġenza u jiffukaw fuq dak li hu l-aktar importanti – li jipproteġu lin-nies.

              Dan lanqas mhu xi ħaġa ġdida – mill-kriżi finanzjarja tal-2008 ’l hawn, l-UE daħħlet fis-seħħ ħafna inizjattivi finanzjarji biex tappoġġja lill-Istati Membri kollha – b’mod partikolari f’dawk l-aktar milquta ħażin mill-kriżi, bħall-Greċja, Spanja u l-Italja. F’pajjiżi bħall-Greċja dawn ir-riformi ma sarrfux fi ħsara fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom – għall-kuntrarju, il-Programm ta’ Appoġġ għall-Istabbiltà tal-UE għen biex tiġi msaħħa l-kopertura għall-kura tas-saħħa universali u sistema ta’ kura tas-saħħa komprensiva. Minbarra l-appoġġ għan-negozji ż-żgħar, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u proġetti relatati mal-klima, il-Pjan ta’ Investiment għen biex jiffinanzja għadd kbir ta’ proġetti fis-settur tas-saħħa, bħall-iżvilupp ta’ trattamenti ġodda tal-kanċer u l-espansjoni u l-immodernizzar tal-isptarijiet. Il-Kummissjoni ressqet ukoll il-programm l-UE għas-Saħħa biex issaħħaħ l-azzjonijiet tal-UE kontra l-pandemiji. Il-programm hu mistenni li jkollu baġit ta’ €5.1 biljun, li se jipprovdi finanzjament għall-pajjiżi tal-UE, l-organizzazzjonijiet tas-saħħa u l-NGOs.

            • law icon

              L-UE qed tieħu ħsieb l-affarijiet li hija responsabbli għalihom biex il-gvernijiet ikunu jistgħu jibqgħu ffukati fuq il-prijoritajiet tagħhom.

              Il-kapaċità li jgħaddu l-liġijiet nazzjonali u li jieħdu deċiżjonijiet biex jindirizzaw il-coronavirus hija kompletament f’idejn l-Istati Membri u xi reġjuni fi ħdan l-Istati Membri. Il-Kummissjoni Ewropea m’għandhiex id-dritt li tinterferixxi fil-leġiżlazzjoni u fid-deċiżjonijiet nazzjonali dwar suġġetti bħas-saħħa. Min-naħa l-oħra, l-UE tista’ tiġbor flimkien politiki Ewropej u tikkoordina inizjattivi pan-Ewropej biex tiġi indirizzata l-kriżi flimkien mal-Istati Membri. Eżempju ta’ dan huwa li d-deċiżjoni li jsir “lockdown” u li l-fruntieri ta’ pajjiż jingħalqu ssir fuq livell nazzjonali, filwaqt li l-mobilizzazzjoni ta’ aktar minn €100 miljun biex jinstabu vaċċin, trattamenti ġodda u testijiet dijanjostiċi ssir fuq il-livell tal-UE mill-programm tar-riċerka u l-innovazzjoni, Orizzont 2020. Dan żdied mal-wegħda attwali tal-Kummissjoni ta’ €15.9-il biljun lill-Inizjattiva ta’ Rispons Globali għall-Coronavirus, imnedija mill-President von der Leyen fl-4 ta’ Mejju.

            Tħallix il-bots iqarrquk

            Nirrappurtaw id-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni lill-pjattaformi

            Informazzjoni falza u qarrieqa li qed tiċċirkola online dwar il-vaċċini kontra l-COVID-19 thedded l-abbiltà tagħna biex nirkupraw mill-pandemija. Id-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni dwar il-vaċċini tnaqqas il-fiduċja tan-nies fix-xjenza medika u fil-professjonisti tas-saħħa. Għalhekk huwa kruċjali għal kulħadd li jagħmel il-parti tiegħu u jikseb il-fatti t-tajbin.

            Tista’ tgħin fit-trażżin tat-tixrid tal-miżinformazzjoni billi tirrapporta l-kontenut online li temmen li hu falz jew qarrieqi. Biex tgħinek tagħmel dan, id-WHO ħolqot paġna tal-web li turik kif tirrapporta l-kontenut falz jew qarrieqi fuq il-pjattaformi tal-media soċjali.

            Irrapporta d-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni

            Identifikazzjoni ta’ teoriji ta’ komplott

            It-tifqigħa tal-coronavirus kienet akkumpanjata minn mewġiet ta’ teoriji perikolużi ta’ komplott, li fil-biċċa l-kbira nfirxu online. Dawn it-teoriji jippreżentaw spjegazzjonijiet perikolużi u pjuttost straordinarji dwar minn fejn seta’ oriġina l-virus u dwar min għandu jingħata t-tort għat-tixrid tiegħu. Bħala parti mill-approċċ komprensiv biex nindirizzaw l-impatt negattiv tat-teoriji ta’ komplott, il-Kummissjoni Ewropea u l-UNESCO qed jippubblikaw sett ta’ infografika edukattiva aċċessibbli li għandha l-għan li tgħin liċ-ċittadini jidentifikaw – u jiġġieldu – it-teoriji ta’ komplott.

            Tgħallem aktar

            Attent minn prattiki qarrieqa online

            Oqgħod attent għall-prattiki qarrieqa online relatati ma’ prodotti li jallegaw li jistgħu jfejqu jew jipprevjenu l-infezzjonijiet tal-COVID-19. Negozjanti diżonesti jistgħu jirreklamaw jew jippruvaw ibigħu prodotti bħal maskri protettivi jew sanitizzaturi li allegatament jistgħu jipprevjenu jew ifejqu infezzjoni iżda dawn il-prodotti jistgħu jkunu foloz u tista’ tkun ingannat. Hawnhekk tista’ ssib pariri li jistgħu jgħinuk tidentifika u tevita prattiki qarrieqa potenzjali.

            Fit-2 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport annwali tagħha dwar is-Safety Gate, is-sistema ta’ twissija rapida tal-UE għal prodotti tal-konsumatur perikolużi li tgħin biex prodotti perikolużi mhux tal-ikel jitneħħew mis-suq.

            Dokumenti tas-Safety Gate

            Riżorsi u għodod online

            Skopri għażla ta’ riżorsi u għodod online għall-istudenti, l-għalliema u l-edukaturi matul it-tifqigħa tal-COVID-19.

            Aqra l-post tagħna fuq Medium dwar il-5 affarijiet utli li għandek tkun taf dwar il-coronavirus