Il-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Mercosur li japplika b’mod proviżorju mill-1 ta’ Mejju 2026, joħloq żona kummerċjali b’total ta’ 700 miljun ruħ. Fuqu kien hemm qbil bejn l-UE u l-blokk kummerċjali tal-Amerika t’Isfel, li jinkludi l-Arġentina, il-Brażil, il-Paragwaj, u l-Urugwaj. Il-ftehim isaħħaħ lill-ekonomija u lis-sħubijiet globali tal-Ewropa filwaqt li jipproteġi lill-bdiewa, lill-konsumaturi u lill-istandards ambjentali tal-UE. Il-ftehim
- ineħħi l-ostakli għall-kummerċ
- joħloq impjiegi u opportunitajiet ta’ negozju
- jiżgura salvagwardji b’saħħithom għar-regoli tal-UE u l-kompetizzjoni ġusta

Opportunitajiet għan-negozji tal-UE
Il-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Mercosur inaqqas it-tariffi fuq
- il-karozzi (bħalissa sa 35%)
- il-makkinarju (qabel bejn 14 u 20%)
- il-farmaċewtiċi (qabel sa 14%)
u ħafna prodotti oħra li se jiffrankaw lill-impriżi tal-UE aktar minn €4 biljun kull sena.
Il-Mercosur huwa fornitur ewlieni ta’ materjali vitali għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Pereżempju, l-UE timporta 82% tan-nijobju tagħha mill-Mercosur biex tipproduċi kalamiti superkonduttivi għall-iskanners tal-MRI u għat-trattament tal-kanċer. Il-ftehim bejn l-UE u l-Mercosur jgħin biex ikun żgurat aċċess sostenibbli għall-materja prima kritika.
Il-kumpaniji tal-UE jistgħu jagħmlu offerti fuq il-kuntratti tal-gvernijiet tal-Mercosur.
Is-suq federali tal-akkwist tal-Brażil waħdu jaqbeż €8 biljun fis-sena.
Benefiċċji għall-bdiewa u l-konsumaturi tal-UE
Il-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Mercosur inaqqas it-tariffi għoljin li kien hawn fuq il-prodotti agroalimentari ewlenin tal-UE, bħall-inbid u l-ispirti (sa 35%), iċ-ċikkulata (20%), u ż-żejt taż-żebbuġa (sa 31.5 %). L-esportazzjonijiet tal-UE ta’ prodotti agrikoli huma mistennija li jiżdiedu bi kważi 50%.
Qligħ mistenni minn tariffi mnaqqsa
Il-bdiewa u l-produtturi tal-ikel tal-UE jibbenefikaw ukoll mill-ftehim, billi dan
Hekk kif il-ftehim jiġi implimentat, il-Kummissjoni Ewropea se timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi tas-suq, speċjalment fl-agrikoltura. Jekk ikun meħtieġ, se jiġu applikati salvagwardji li jipproteġu prodotti Ewropej sensittivi kontra kwalunkwe żieda f’daqqa, biex jiġu protetti l-bdiewa Ewropej u tiġi żgurata sħubija ġusta u bbilanċjata mal-Mercosur. Barra minn hekk, €6.3 biljun bħala xibka ta’ sikurezza se jipproteġu lill-bdiewa tal-UE f’każ ta’ tfixkil fis-suq.
Żamma tal-istandards għoljin tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza tal-ikel
L-Ewropej igawdu minn ikel sikur u tajjeb għas-saħħa permezz tal-ogħla standards tas-saħħa u tal-ikel fid-dinja u dan il-ftehim il-ġdid iħarishom. Biex jiġi żgurat li dawn l-istandards jinżammu
L-UE u l-Istati Membri tagħha jivverifikaw l-importazzjonijiet permezz ta’ taħlita ta’ kontrolli kemm fil-pajjiżi barranin kif ukoll fil-fruntieri tal-UE. Dawn il-kontrolli japplikaw għall-pajjiżi kollha, irrispettivament minn jekk għandhomx ftehim kummerċjali mal-UE fis-seħħ jew le. Dawn il-kontrolli se jiżdiedu fis-sentejn li ġejjin.
Dawn il-miżuri jiżguraw li l-ikel importat ikompli jkun sikur u tajjeb għas-saħħa, filwaqt li jappoġġaw is-sigurtà tal-ikel.
Mistoqsijiet frekwenti
Għaliex l-UE nnegozjat ftehim ta’ sħubija mal-Mercosur?
Il-Mercosur huwa suq kbir għall-esportazzjonijiet tal-UE. S’issa, id-ditti tal-UE esportaw lejn l-erba’ pajjiżi fundaturi tal-Mercosur
- €55 biljun f’merkanzija (fl-2024)
- €29 biljun f’servizzi (fl-2023)
Id-ditti Ewropej ilhom jiffaċċjaw ħafna ostakoli kummerċjali meta jesportaw lejn dawn il-pajjiżi. Ħaġa li tagħmilha diffiċli għalihom biex jikkompetu b’kundizzjonijiet ġusti.
Anke b’dawn l-ostakli għall-kummerċ, l-UE kellha sehem ta’ 16.9% mill-kummerċ tal-Mercosur fl-2023, u l-ftehim kummerċjali jista’ jsaħħaħ lill-esportazzjonijiet tal-UE f’dan is-suq ta’ 295 miljun persuna.
L-UE kkonkludiet ftehimiet kummerċjali ma’ pajjiżi oħra tal-Amerika Latina?
L-UE diġà għandha ftehimiet kummerċjali fis-seħħ ma’ kważi l-pajjiżi l-oħra kollha fl-Amerika Latina. Permezz tal-kisba ta’ ftehim mal-pajjiżi tal-Mercosur nistgħu inkomplu nżidu l-aċċess preferenzjali għall-esportaturi tal-UE u nsaħħu r-rabtiet politiċi tagħna mal-pajjiżi tal-Amerika Latina.
X’se niksbu bil-ftehim bejn l-UE u l-Mercosur?
Il-ftehim ta’ sħubija tal-UE mal-Mercosur se
- jagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji tal-UE biex ibigħu u jinvestu fil-Mercosur
- jiżgura aċċess sostenibbli għall-materja prima u jsaħħaħ is-sigurtà ekonomika tal-UE
- jgħin lill-UE u lill-Mercosur ifasslu regoli kummerċjali globali skont l-ogħla standards tal-UE
- jibgħat sinjal b’saħħtu favur kummerċ ibbażat fuq ir-regoli, u kontra l-protezzjoniżmu
- ikompli jintegra l-katini ta’ valur bejn iż-żewġ reġjuni, u b’hekk jgħin lill-industriji fuq iż-żewġ naħat biex jibqgħu kompetittivi fis-suq globali
- jippromwovi l-valuri Ewropej permezz ta’ impenji dwar l-iżvilupp sostenibbli, it-tibdil fil-klima u d-drittijiet tal-ħaddiema
Kif se jaffettwaw is-suq tal-UE l-importazzjonijiet mill-pajjiżi tal-Mercosur?
Il-ftehim mal-Mercosur se jkollu impatt bilanċjat fuq is-suq tal-UE. Joħloq kundizzjonijiet aħjar għall-kummerċ ta’ ċerti prodotti. Madankollu jistabbilixxi wkoll limiti (jiġifieri kwoti) fuq il-kwantità tal-prodotti tal-Mercosur li jistgħu jgawdu minn kundizzjonijiet kummerċjali aħjar. Għalhekk, it-tariffi mnaqqsa ma japplikawx għal kollox, u mhumiex applikati mingħajr limiti. Dan speċjalment fil-każ tal-prodotti agrikoli, meta l-UE tiftaħ biss is-suq tagħha b’mod limitat, u soġġett għal ħafna kundizzjonijiet bħall-ħarsien tar-regoli tal-UE għas-sikurezza, u ż-żieda raġonevoli fl-importazzjonijiet.
Vera li l-ftehim hu dwar it-tpartit tal-karozzi tal-UE mal-prodotti agrikoli bħaċ-ċanga?
Le. Il-ftehim hu bilanċjat li jgawdu minnu s-setturi kollha tal-ekonomija fl-UE.
L-esportazzjonijiet industrijali tal-UE jirrappreżentaw 91% tal-esportazzjonijiet totali kollha lejn il-kumplament tad-dinja, u għalhekk il-ftehim xi drabi ġie ppreżentat bħala “tajjeb biex nesportaw il-karozzi”. Madankollu, il-ftehim jipprovdi wkoll ħafna opportunitajiet għall-esportazzjonijiet tas-settur agroalimentari. Bil-ftehim, l-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE lejn il-pajjiżi tal-Mercosur mistennija jiżdiedu b’50%, u dan jirrappreżenta €1.2 biljun f’valur tal-esportazzjoni addizzjonali għall-prodotti tal-ikel u tax-xorb famużi tal-UE.
Dan bis-saħħa tat-tnaqqis fit-tariffi għoljin ħafna tal-Mercosur fuq l-esportazzjonijiet tal-UE minħabba l-ftehim fis-seħħ. Qabel, l-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE lejn il-pajjiżi tal-Mercosur kienu jirrappreżentaw biss 6% tal-esportazzjonijiet tagħna lejn ir-reġjun. Dan prinċipalment minħabba tariffi għoljin ħafna fil-Mercosur. Iżda bil-patt fis-seħħ, it-tariffi se jitneħħew pass pass minn fuq prodotti bħall-inbid, li bħalissa hu soġġett għal tariffi sa 35%, iż-żejt taż-żebbuġa, soġġett għal tariffi sa 31.5%, u l-ġobon, soġġett għal tariffi ta’ 28%.
Kien hemm kontroll demokratiku fuq kif ġie konkluż il-ftehim?
Il-ftehim bejn l-UE u l-Mercosur hu soġġett għal kontroll demokratiku f’kull stadju.
Il-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE u l-Membri tal-Parlament Ewropew kienu involuti b’mod attiv fil-proċess tan-negozjati tul dawn il-25 sena. Il-Kummissjoni Ewropea nnegozjat il-ftehim kummerċjali f’isem l-UE, wara mandat mogħti mill-pajjiżi kollha tal-UE. Il-proċess kien trasparenti u responsabbli. Il-Parlament Ewropew waqqaf ukoll Grupp ta’ monitoraġġ speċjali biex isegwi n-negozjati mill-qrib.
Fl-aħħar mill-aħħar, id-deċiżjoni li l-ftehim jiġi ffirmat u konkluż ittieħdet minn 27 gvern fil-Kunsill li kienet teħtieġ maġġoranza kwalifikata. Il-gvernijiet tal-Istati Membri taw is-setgħa lill-Kummissjoni biex tapplika l-ftehim bejn l-UE u l-Mercosur b’mod proviżorju malli l-pajjiżi tal-Mercosur ikunu rratifikaw il-ftehim min-naħa tagħhom. Permezz ta’ dan, il-kumpaniji tal-UE jistgħu jgawdu mill-ftehim mill-1 ta’ Mejju 2026. Il-ftehim se jidħol fis-seħħ formalment meta l-Parlament Ewropew ikun ta l-kunsens tiegħu.
Liema prodotti agrikoli huma l-aktar sensittivi u kif inhuma protetti?
L-iktar setturi sensittivi jinkludu ċ-ċanga, il-pollam u z-zokkor. Biex nipproteġuhom mill-kompetizzjoni barranija, il-ftehim:
- jistabbilixxi limiti, jew “kwoti” dwar kemm jistgħu jiġu importati
- inaqqas gradwalment it-tariffi fuq l-importazzjoni
L-UE tista’ twaqqaf jew tillimita malajr dawn l-importazzjonijiet jekk żieda toħloq, jew sempliċiment biss thedded li toħloq, dannu serju lis-setturi rilevanti tal-UE. Isir ukoll monitoraġġ mill-qrib tal-livell ta’ importazzjonijiet biex ikun jista’ jiġi investigat kwalunkwe tħassib.
Pereżempju:
Ċanga: 99,000 tunnellata ċanga importata mill-Mercosur se tgawdi minn tariffa mnaqqsa ta’ 7.5%. Dan jirrappreżenta l-ekwivalenti ta’ 1.5% tal-produzzjoni attwali taċ-ċanġa fl-UE. Għalhekk ifisser li ammont żgħir ħafna taċ-ċanga mill-Mercosur (ekwivalenti għal 1.5% tal-produzzjoni fl-UE) se tidħol fis-suq tal-UE b’dazji mnaqqsa, filwaqt li mhux se jkun hemm kwota mingħajr dazju għaċ-ċanga.
Pollam: 180,000 tunnellata pollam importat mill-Mercosur se jgawdi mit-tneħħija tad-dazji, li għandhom jiddaħħlu bil-mod il-mod fuq 5 snin. Dan ifisser li huwa biss l-ekwivalenti ta’ 1.3% tal-produzzjoni attwali tal-pollam fl-UE li se tgawdi mit-tneħħija tat-tariffi, u dan se jsir b’mod gradwali u monitorjat.
Etanol: 450,000 tunnellata etanol importat mill-Mercosur se jgawdi mit-tneħħija tad-dazji. Dan se jkun limitat biss għall-użu fl-industrija kimika.
Ross: 60,000 tunnellata ross importat mill-Mercosur se jgawdi mit-tneħħija tad-dazji, li għandhom jiddaħħlu bil-mod il-mod fuq 5 snin. L-UE mhijiex awtosuffiċjenti fil-produzzjoni tagħha tar-ross peress li tipproduċi inqas minn 50% tar-ross li għandha bżonn.
Għasel: 45,000 tunnellata għasel importat mill-Mercosur se jgawdi mit-tneħħija tad-dazji, li għandhom jiddaħħlu bil-mod il-mod fuq 5 snin. Dan se jsir b’mod gradwali u monitorjat.
L-UE x’qed timporta bħalissa mill-pajjiżi tal-Mercosur?
Madwar 13% tal-importazzjonijiet kollha tal-UE fl-2025 ġew mill-pajjiżi tal-Mercosur. Ħafna minn dawn il-prodotti ma jistgħux isiru fis-swieq tagħna jew ma nsibuhomx faċilment.
L-importazzjonijiet ewlenin mill-pajjiżi tal-Mercosur fl-2025 kienu:
- Għelejjel taż-żrieragħ żejtnin u għelejjel li fihom il-proteini (34%, b’valur ta’ €8.55 biljun)
- Kafè, te, kawkaw u ħwawar (26.4%, b’valur ta’ €6.66 biljun)
- Ċanga u vitella (7.7%, b’valur ta’ €1.94 biljun)
- Frott u ġewż (7.6%, b’valur ta’ €1.91 biljun)
X’appoġġ jeżisti għall-bdiewa tal-UE li jistgħu jintlaqtu mill-ftehim?
Il-bdiewa tal-UE se jitħarsu minn kwalunkwe tfixkil potenzjali fis-suq, b’mod partikolari permezz ta’ xibka ta’ sikurezza ta’ €6.3 biljun li l-UE qed twaqqaf taħt il-baġit fit-tul li jmiss tagħha.
Il-ftehim se jħalli li jiġi prodott laħam b’sustanzi projbiti fl-UE, bħal ormoni jew ċerti antibijotiċi?
Le. L-ikel kollu importat minn pajjiżi terzi jrid ikun konformi mal-istess rekwiżiti sanitarji bħall-ikel prodott fl-UE. Jekk dan ma jkunx il-każ, jiġi rifjutat fil-fruntiera tal-UE.
Kuntest
In-negozjati dwar il-ftehim bejn l-UE u l-Mercosur bdew fis-sena 2000 u għaddew minn diversi fażijiet matul is-snin. Laħqu l-qofol tagħhom fis-6 ta’ Diċembru 2024, meta l-Unjoni Ewropea u l-erba’ pajjiżi fundaturi tal-Mercosur laħqu ftehim politiku dwar Ftehim ta’ Sħubija ambizzjuż, ibbilanċjat u komprensiv. Fid-9 ta’ Jannar 2026, il-pajjiżi tal-UE approvaw formalment il-ftehim kummerċjali.
Wara l-applikazzjoni proviżorja, il-Kummissjoni se tkompli taħdem ukoll biex tiżgura l-konklużjoni kompluta tagħha skont it-Trattati tal-UE.
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 30 April 2026