Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
  • alt=""
    FATT

    Tliet kwarti tal-flotta tal-ajru kummerċjali attwali tar-Russja nbniet fl-UE, fl-Istati Uniti u fil-Kanada. Dan ifisser li r-Russja mhux se tkun tista’ żżomm il-flotta tagħha skont l-istandards internazzjonali.

Bis-settur tat-trasport Russu fil-mira ħalli

tiġi ristretta l-kapaċità tal-industrija Russa li takkwista oġġetti ewlenin u tfixkel is-setturi tat-toroq, tal-avjazzjoni u marittimi tagħha, l-UE imponiet:

  • projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet, il-bejgħ, il-forniment jew it-trasferiment tal-inġenji tal-ajru, il-partijiet u t-tagħmir tal-inġenji tal-ajru kollha lejn ir-Russja
  • projbizzjoni fuq trasportaturi ta’ pajjiżi terzi li jwettqu titjiriet domestiċi fir-Russja
  • projbizzjoni fuq trasportaturi ta’ pajjiżi terzi li jfornu oġġetti tal-avjazzjoni lil linji tal-ajru Russi jew għal titjiriet domestiċi fir-Russja
  • projbizzjoni fuq titjiriet mhux skedati jekk persuna Russa tiddeċiedi l-oriġini jew id-destinazzjoni (irrispettivament mis-sjieda u l-kontroll fuq l-inġenju tal-ajru)
  • projbizzjoni fuq il-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija, manutenzjoni jew servizzi finanzjarji relatati kollha
  • għeluq tal-ispazju tal-ajru tal-UE għall-inġenji tal-ajru kollha li għandhom sjieda Russa, huma irreġistrati fir-Russja jew ikkontrollati minnha, inklużi jets privati ta’ oligarki
  • restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti tan-navigazzjoni marittima u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni bir-radju
  • projbizzjoni sħiħa tal-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq Russi u Belorussi li jaħdmu fl-UE (ċerti eċċezzjonijiet se jkopru elementi essenzjali, bħall-agrikoltura u l-prodotti tal-ikel, l-għajnuna umanitarja kif ukoll l-enerġija)
  • projbizzjoni sħiħa fuq trakkijiet bi trailers u semi-trailers Russi milli jittrasportaw merkanzija lejn l-UE. Dan se jrażżan iċ-ċirkomvenzjoni tal-projbizzjoni għall-operaturi Russi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, biex ma tinġarrx merkanzija fl-UE
  • projbizzjoni fuq kumpaniji tal-UE li huma proprjetà ta’ 25% jew aktar ta’ persuni Russi li jittrasportaw merkanzija bit-triq fl-UE jew li jsiru impriżi tat-trasport bit-triq tal-UE
  • projbizzjoni fuq id-dħul ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera Russa fil-portijiet tal-UE (japplikaw eċċezzjonijiet għal skopijiet mediċi, tal-ikel, tal-enerġija u umanitarji)
  • projbizzjoni fuq l-aċċess għall-port u l-forniment ta’ servizzi għal bastimenti li jgħinu l-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna. Dan jinkludi bastimenti li jittrasportaw tagħmir militari, qamħ Ukren misruq, jew komponenti tal-LNG, kif ukoll il-bastimenti tal-flotta suspettuża tar-Russja li jittrasportaw iż-żejt bi prattiki qarrieqa tat-trasport bil-baħar
  • irtirar tar-rikonoxximent tar-Reġistru Marittimu Russu tat-Tbaħħir fil-livell tal-UE u projbizzjoni fuq id-dħul għall-bastimenti kollha ċċertifikati minnu, irrispettivament mill-bandiera li jtajru
  • projbizzjoni ta’ servizzi marittimi mill-operaturi kollha tal-UE għall-kummerċ bejn ir-Russja u pajjiżi terzi sakemm dan ma jaqax taħt il-limitu massimu tal-prezz taż-żejt
  • aċċess ristrett għas-servizzi finanzjarji għall-ferroviji Russi
  • sanzjonijiet fuq diversi individwi marbutin mas-settur tat-trasport – inkluż il-Ministru tat-Trasport Russu
  • projbizzjoni ta’ aċċess għall-portijiet tal-UE għal bastimenti li jwettqu trasferimenti minn vapur għal vapur suspettati li qed jiksru l-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjoni taż-żejt jew il-limitu massimu tal-prezz tal-Koalizzjoni tal-G7
  • projbizzjoni ta’ aċċess għal portijiet tal-UE għal bastimenti jekk bastiment ma jinnotifikax lill-awtorità kompetenti mill-anqas 48 siegħa qabel dwar trasferiment minn vapur għal vapur li jseħħ fiż-Żona Ekonomika Esklużiva ta’ Stat Membru jew sa 12-il mil nawtiku mil-linja bażi tal-kosta ta’ dak l-Istat Membru
  • projbizzjoni ta’ aċċess għall-portijiet tal-UE għall-bastimenti li jimmanipulaw jew jitfu s-sistema ta’ traċċar tan-navigazzjoni tagħhom meta jittrasportaw iż-żejt Russu li l-importazzjoni tiegħu hi pprojbita jew li hu soġġett għall-limitu massimu tal-prezz tal-G7
  • projbizzjoni fuq it-tranżazzjonijiet ta’ infrastruttura Russa speċifika, inklużi ajruporti u portijiet marittimi
  • projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet fuq portijiet f’pajjiżi terzi li huma strumentali għall-isforz tal-gwerra Russu.
  • projbizzjoni fuq is-servizzi ta’ riassigurazzjoni fir-rigward ta’ bastimenti u inġenji tal-ajru tal-gvern Russu jew ta’ persuni Russi sa ħames snin wara l-bejgħ tagħhom lil pajjiżi terzi. 

Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 24 Ottubru 2025