Din l-informazzjoni hi disponibbli wkoll: bl-Ukren | українська | bir-Russu | русский
Fatti u ċifri
Min qed jiġi sanzjonat
L-Unjoni Ewropea ssanzjonat aktar minn 2,700 individwu u entità. Dawn jinkludu:
- it-tmexxija Russa
- l-uffiċjali bi grad għoli
- l-istaff militari
- il-kmandanti tal-grupp Wagner
- in-negozjanti u l-oligarki prominenti
- il-propagandisti favur il-Kremlin u kontra l-Ukrajna
- il-persuni u l-entitajiet li joperaw fis-settur militari u tal-IT Russu
- l-orkestraturi tal-hekk imsejħa “elezzjonijiet” illegali reċenti fit-territorji Ukreni li r-Russja okkupat temporanjament
- il-figuri ewlenin involuti fir-“riedukazzjoni” furzata tat-tfal Ukreni jew id-deportazzjoni illegali ta’ tfal Ukreni lejn ir-Russja
- il-kumpaniji attivi fl-inġinerija spazjali, fis-settur kimiku, fis-settur tal-isplużivi u kumpaniji Russi ewlenin tal-enerġija
- individwi u entitajiet involuti fil-kumpless militari u industrijali tar-Russja jew li jibbenefikaw minnu
- individwi u entitajiet li jappoġġaw l-operazzjonijiet ta’ tankers taż-żejt mhux sikuri
- individwi u entitajiet minn pajjiżi terzi li jiffaċilitaw iċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet tar-Russja jew jappoġġaw il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna billi jipprovdu komponenti sensittivi għall-industrija militari Russa
Individwi sanzjonati
- il-kontijiet kollha fil-banek tal-UE huma ffriżati
- ipprojbiti milli jivvjaġġaw fi kwalunkwe post fl-UE
- hu illegali li jiġu pprovduti assi jew fondi mill-UE lil dawn l-individwi
Kumpaniji u organizzazzjonijiet sanzjonati
- il-kontijiet kollha fil-banek tal-UE huma ffriżati
- hu illegali li jiġu pprovduti assi jew fondi, direttament jew indirettament, lilhom
Task Force “Iffriżar u Sekwestru”
Il-Kummissjoni waqqfet it-“Task Force Iffriżar u Sekwestru” biex tesplora r-rabtiet bejn l-assi li jappartjenu għal persuni elenkati taħt is-sanzjonijiet tal-UE u l-attivitajiet kriminali. L-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri. L-għan tat-Task Force hu li ssaħħaħ il-koordinazzjoni fil-livell operazzjonali biex tiżgura infurzar effettiv tas-sanzjonijiet tal-UE fl-Istati Membri kollha.
It-Task Force hi magħmula minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, punti ta’ kuntatt minn kull Stat Membru, l-Eurojust u l-Europol. It-Task Force tikkoordina l-ħidma tagħha mat-“Task Force Eliti, Prokuri, u Oligarki Russi (REPO)” stabbilita bejn il-pajjiżi tal-G7, l-Awstralja u l-Unjoni Ewropea.
Kuntratti pubbliċi u finanzjament Ewropew
- Il-projbizzjoni totali fuq il-parteċipazzjoni ta’ ċittadini u entitajiet Russi f’kuntratti ta’ akkwist fl-UE.
- Ir-restrizzjoni fuq appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju għal entitajiet li huma ta’ proprjetà pubblika tar-Russja jew ikkontrollati mir-Russja fi programmi tal-UE, tal-Euratom u tal-Istati Membri. Mhu se jiġi konkluż l-ebda kuntratt jew ftehim ġdid ma’ korpi pubbliċi Russi jew entitajiet relatati.
FATT
Il-Kummissjoni temmet il-parteċipazzjoni ta’ korpi pubbliċi Russi jew entitajiet relatati fil-ftehimiet ta’ għotja kollha li għaddejjin, u ssospendiet il-pagamenti relatati kollha sakemm ikun avżat mod ieħor, taħt Orizzont 2020, il-Euratom, u l-Erasmus+.
Għal Orizzont Ewropa (minbarra l-Kunsill Ewropew tar-Riċerka u l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni), l-entitajiet ġuridiċi kollha (pubbliċi u privati) stabbiliti fir-Russja, fil-Belarussja jew f’territorji mhux ikkontrollati mill-Gvern tal-Ukrajna mhumiex eliġibbli biex jipparteċipaw. Bħala deroga ġenerali, persuni fiżiċi stabbiliti f’dawk it-territorji xorta jistgħu jipparteċipaw fl-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie jekk ma jkunux fil-lista ta’ sanzjonijiet.
Wara l-20-il pakkett ta’ sanzjonijiet, huwa pprojbit li jiġi aċċettat finanzjament, inkluż donazzjonijiet jew għotjiet, mill-gvern Russu fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Dan japplika għal istituti ta’ riċerka, stabbilimenti ta’ edukazzjoni għolja u korpi oħra fl-UE, kif ukoll individwi assoċjati ma’ dawn l-entitajiet.
Sanzjonijiet li jgħinu fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-interferenza Russi
Il-mezzi ta’ diżinformazzjoni tal-istat u favur il-Kremlin huma essenzjali u strumentali fl-appoġġ tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Huma jikkostitwixxu theddida sinifikanti u diretta għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà tal-UE. Dan hu għaliex l-UE ddeċidiet li tissanzjona l-assi ta’ diżinformazzjoni u ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni tal-Kremlin.
Hemm sospensjoni fis-seħħ tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni ta’:
- Sputnik u s-sussidjarji, inkluż Sputnik Arabic
- Russia Today u s-sussidjarji, inklużi Russia Today English, Russia Today UK, Russia Today Germany, Russia Today France, Russia Today Spanish, Russia Today Arabic, Russia Today Balkan
- Rossiya RTR/RTR Planeta
- Rossiya 24/Russia 24
- TV Centre International
- NTV/NTV Mir
- Rossiya 1
- REN TV
- Pervyi Kanal
- RIA FAN
- Oriental Review
- Tsargrad
- New Eastern Outlook
- Katehon
- Voice of Europe
- RIA Novosti
- Izvestia
- Rossiyskaya Gazeta
- EADaily
- Fondsk
- Lenta
- NewsFront
- RuBaltic
- SouthFront
- Strategic Culture Foundation
- Krasnaya Zvezda
Il-liċenzji, l-awtorizzazzjonijiet u l-arranġamenti ta’ distribuzzjoni rilevanti kollha - permezz tal-cable, is-satellita, l-IPTV, il-pjattaformi, is-siti web u l-apps - huma sospiżi. Dan jirrigwarda wkoll ix-xandir lejn pajjiżi terzi.
Ir-reklamar ta’ prodotti jew servizzi fuq stazzjonijiet sanzjonati ġie pprojbit ukoll.
L-20-il pakkett ta’ sanzjonijiet introduċa miżuri biex jiġu indirizzati mezzi mirja li jiżgiċċaw il-projbizzjoni tax-xandir billi jxerrdu fuq l-internet l-istess kontenut bħal dak tal-mezzi tal-propaganda elenkati (bħal Russia Today, Sputnik eċċ.). Il-kontenut ta’ dawn is-siti u d-dominji mirja huwa pprojbit ukoll milli jiġi distribwit fl-UE.
Id-19-il pakkett ta’ sanzjonijiet daħħal obbligu għad-diplomatiċi Russi, li jivvjaġġaw madwar l-UE lil hinn mill-pajjiż ta’ akkreditazzjoni tagħhom, li jinfurmaw lill-Istat Membru rilevanti tal-UE minn qabel. Din il-miżura hija maħsuba biex tindirizza l-attivitajiet ta’ intelligence dejjem aktar ostili li jappoġġaw l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.
Wara l-14-il pakkett ta’ sanzjonijiet, il-partiti politiċi, l-NGOs u l-fornituri ta’ servizzi tal-media fl-UE huma pprojbiti milli jaċċettaw finanzjament mill-istat Russu u mill-alleati tiegħu. Il-miżura ġiet introdotta biex tipproteġi l-integrità u l-indipendenza tal-proċessi politiċi tal-UE, tipproteġi liċ-ċittadin tal-UE mill-manipulazzjoni u tiddefendi l-affarijiet interni tal-UE mill-interferenza barranija.
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 23 April 2026
