Mur għall-kontenut ewlieni

Kontribuzzjonijiet nazzjonali

Il-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) mill-Istati Membri huma l-ikbar sors ta’ dħul għall-baġit tal-UE. Dan jiżgura li n-nefqa kollha li ntlaħaq qbil dwarha jkollha kopertura ta’ dħul suffiċjenti, u b’hekk tiggarantixxi li l-baġit tal-UE jkun dejjem ibbilanċjat.

Ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-Introjtu Nazzjonali Gross (ING), imsejħa wkoll kontribuzzjonijiet nazzjonali, kienet stabbilita bħala element ewlieni “residwu” tas-sistema tar-riżorsi proprji biex jiġi żgurat li l-infiq li ntlaħaq qbil dwaru kollu f’baġit annwali jkun kopert b’mod suffiċjenti mid-dħul totali tal-baġit tal-UE. B'dan, il-baġit tal-UE dejjem ikun inizjalment ibbilanċjat, jiġifieri fl-istadju tal-adozzjoni tiegħu.

Hi meqjusa bħala sors ta’ bbilanċjar tal-baġit tal-UE. Dan għaliex l-ammont tagħha tvarja sena b’sena, skont id-dħul globali meħtieġ biex ikopri l-infiq, wara li jitqiesu l-ammonti li ġejjin minn dazji doganali, kontribuzzjonijiet ibbażati fuq il-VAT u sorsi oħra (multi imposti meta n-negozji jonqsu milli jikkonformaw mar-regoli tal-UE, taxxi minn salarji tal-istaff tal-UE, imgħax bankarju, u kontribuzzjonijiet minn pajjiżi terzi).

Matul iż-żmien, il-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING saru l-komponent predominanti fis-sistema tar-riżorsi proprji, li jammontaw għal aktar minn 70% tad-dħul tal-UE.

Kif taħdem din ir-riżorsa proprja fid-dettall?

Il-perċentwal li għandu jiġi applikat għall-ING ta’ kull Stat Membru (ir-rata ta’ ġbir) ivarja sena b’sena u huwa ddeterminat skont it-total tad-dħul l-ieħor kollu tal-baġit tal-UE. L-ING ta’ kull Stat Membru bil-prezzijiet tas-suq hu ddefinit skont is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali (ESA 2010), li hi qafas tal-kontabbiltà kompatibbli internazzjonalment użat biex jiddeskrivi “ekonomija totali” (jiġifieri reġjun, pajjiż jew grupp ta’ pajjiżi). Il-Kummissjoni tivverifika r-riżorsi u l-metodi użati mill-Istati Membri biex jikkalkulaw l-ING.

Skont id-dħul annwali totali meħtieġ biex jiġi ffinanzjat l-infiq, tiġi applikata rata ta’ ġbir uniformi għall-ING ta’ kull Stat Membru. L-ammont totali ta’ riżorsi proprji li jistgħu jinġabru mill-Istati Membri huwa limitat b’referenza għall-ING tal-UE – is-somma tal-ING tal-Istati Membri kollha. Għall-perjodu 2021-2027, l-ammont totali ta’ riżorsi proprji allokati lill-UE biex ikopru l-approprjazzjonijiet annwali għall-pagamenti ma jistax jaqbeż 1.40% tal-ING tal-UE. Għal aktar informazzjoni, ara l-Limiti massimi tad-dħul.

Nikkumplementaw il-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING

Għalkemm il-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING jipprovdu stabbiltà u suffiċjenza għall-baġit tal-UE, il-predominanza ta’ din ir-riżorsa proprja żżid il-perċezzjoni li l-kontribuzzjonijiet nazzjonali mhumiex ħlief fattur ta’ kost. Madankollu, l-Istati Membri li jikkontribwixxu aktar għall-baġit tal-UE milli jirċievu direttament effettivament iħallsu inqas bħala medja minn Stati Membri oħra f’perċentwal tal-ġid tagħhom (introjtu nazzjonali gross – ING), filwaqt li huma fost l-akbar benefiċjarji tas-suq uniku u l-integrazzjoni tal-UE.

Kulħadd huwa rebbieħ bħala parti mis-suq uniku, li jindirizza l-isfida tal-migrazzjoni u jiġġieled kontra t-terroriżmu u t-tibdil fil-klima flimkien. L-UE – immexxija mill-baġit tal-UE – toħloq valur miżjud għal kulħadd li jmur lil hinn minn kwalunkwe kalkolu matematiku.

Barra minn hekk, l-iżviluppi ekonomiċi reċenti joħolqu sfida għall-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa u tal-istatistika f’dak li għandu x’jaqsam mal-kejl preċiż tal-ING, li hu l-ewwel bażi għall-valutazzjoni tal-ġid. B’mod partikolari, id-dematerjalizzazzjoni ta’ ħafna servizzi, it-tixrid rapidu tal-kummerċ elettroniku, il-piż dejjem jikber tal-assi intanġibbli u ċ-ċaqliq kbir u rapidu fl-investimenti kapitali barranin joħolqu sfidi sinifikanti f’dan il-qasam.

Għal dawn ir-raġunijiet, sabiex tiġi żgurata kondiviżjoni ġusta tal-piż bejn l-Istati Membri u biex tmur lura għall-funzjoni ta’ bilanċ tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING filwaqt li jitnaqqas il-piż fuq l-Istati Membri, il-Kummissjoni se taħdem lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda għall-baġit tal-UE. Dawn se jikkomplementaw il-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING, filwaqt li jindirizzaw il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq.