Biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu sikur matul il-pandemija tal-COVID-19, l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE.
Fl-1 ta’ Lulju 2023, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) adottat is-sistema tal-UE ta’ ċertifikazzjoni diġitali tal-COVID-19 biex tistabbilixxi sistema globali li se tgħin tipproteġi liċ-ċittadini madwar id-dinja minn theddid għas-saħħa kontinwu u futur, inklużi pandemiji.
Għodda b’saħħitha għall-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna
Iċ-ċertifikat COVID Diġitali tal-UE kien element kruċjali fir-rispons tal-Ewropa għall-pandemija tal-COVID-19, b’aktar minn 2.3 biljun ċertifikat maħruġ.
Iċ-ċertifikat, li kopra t-tilqim, l-ittestjar u l-irkupru mill-COVID-19, iffaċilita l-ivvjaġġar sikur għaċ-ċittadini, u kien ukoll kruċjali biex tiġi appoġġjata l-industrija tat-turiżmu tal-Ewropa li ntlaqtet ħażin ħafna.
Iċ-ċertifikat iffaċilita l-ivvjaġġar sikur għaċ-ċittadini madwar l-Unjoni Ewropea meta l-Istati Membri rrestrinġew l-ivvjaġġar għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika. Barra minn hekk, ippermetta l-koordinazzjoni tat-tneħħija ta’ dawn ir-restrizzjonijiet mill-mument li kien possibbli. Tabilħaqq minn Awwissu 2022 ma kien għad hemm ebda restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar intra-UE.
Iċ-ċertifikat COVID Diġitali tal-UE kien ukoll suċċess madwar id-dinja: hu stabbilixxa standard globali għall-ivvjaġġar internazzjonali u kien l-unika sistema operattiva fil-livell internazzjonali. 51 pajjiż f’erba’ kontinenti bbenefikaw minn din is-sistema.
Ir-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2021 u skada fit-30 ta’ Ġunju 2023.
Pass lejn is-sigurtà tas-saħħa globali
Fl-1 ta’ Lulju 2023, id-WHO adottat is-sistema tal-UE ta’ ċertifikazzjoni diġitali tal-COVID-19 biex tistabbilixxi sistema globali li se tgħin tipproteġi liċ-ċittadini madwar id-dinja minn theddid għas-saħħa kontinwu u futur, inklużi pandemiji. Dan huwa l-ewwel element kostitwenti tan-Network Globali taċ-Ċertifikazzjoni tas-Saħħa Diġitali tad-WHO li se jiżviluppa sistema għall-verifika globali tad-dokumenti tas-saħħa biex jipprovdi saħħa aħjar għal kulħadd.
Id-WHO se tiffaċilita dan il-proċess globalment taħt l-istruttura tagħha stess bl-ewwel każ ta’ użu jkun il-konverġenza taċ-ċertifikati diġitali tal-COVID-19. Dan jinkludi l-adozzjoni ta’ standards tal-UE u l-validazzjoni tal-firem diġitali għall-prevenzjoni tal-frodi. B’dan il-mod, id-WHO mhux se jkollha aċċess għal ebda data personali sottostanti, li tibqa’ l-qasam esklużiv tal-gvernijiet nazzjonali.
Sħubija diġitali bejn l-UE u d-WHO
Biex tiffaċilita l-adozzjoni taċ-ċertifikat COVID Diġitali tal-UE mid-WHO u tikkontribwixxi għat-tħaddim u l-iżvilupp ulterjuri tiegħu, id-WHO u l-Kummissjoni Ewropea qablu li jissieħbu fis-saħħa diġitali.
Din is-sħubija se taħdem biex tiżviluppa s-sistema tad-WHO mil-lat tekniku permezz ta’ approċċ gradwali sakemm tasal li tkopri każijiet ta’ użu addizzjonali, li jistgħu jinkludu, pereżempju, id-diġitalizzazzjoni taċ-Ċertifikat Internazzjonali tat-Tilqim jew tal-Profilassi. L-espansjoni ta’ dawn is-soluzzjonijiet diġitali se tkun essenzjali biex titwassal saħħa mtejba liċ-ċittadini madwar id-dinja.
In-Network Globali taċ-Ċertifikazzjoni tas-Saħħa Diġitali
In-Network Globali taċ-Ċertifikazzjoni tas-Saħħa Diġitali hu sistema volontarja li tista’ tgħin liċ-ċittadini jivvalidaw id-dokumenti tas-saħħa tagħhom u jużaw id-data elettronika tagħhom dwar is-saħħa b’mod sikur u sigur.
Is-sħubija fin-Network Globali taċ-Ċertifikazzjoni tas-Saħħa Diġitali tad-WHO hi volontarja għall-Istati Membri. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill adottata fis-27 ta’ Ġunju 2023 tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jissieħbu fis-sistema tad-WHO, u biex ikomplu joħorġu ċ-ċertifikati tal-COVID-19 fuq talba.
Il-Kummissjoni u d-WHO ffirmaw Arranġament Amministrattiv mhux vinkolanti bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet. L-Arranġament Amministrattiv hu dokument tekniku li jistabbilixxi l-għan bejn il-Kummissjoni Ewropea u d-WHO li jikkollaboraw dwar l-adozzjoni tal-qafas taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE u l-iżvilupp ulterjuri tan-Network Globali taċ-Ċertifikazzjoni tas-Saħħa Diġitali.
Kronoloġija
- 1 ta' Lulju 2023
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tadotta s-sistema tal-UE ta’ ċertifikazzjoni diġitali tal-COVID-19 biex tistabbilixxi sistema globali li se tgħin tipproteġi liċ-ċittadini madwar id-dinja minn theddid għas-saħħa kontinwu u futur, inklużi pandemiji.
- 30 ta' Ġunju 2023
Ir-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jiskadi.
- 13 ta' Diċembru 2022
Il-Kunsill jadotta Rakkomandazzjoni riveduta dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha fuq l-ivvjaġġar intra-UE.
- 29 ta' Ġunju 2022
Estensjoni tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE sat-30 ta’ Ġunju 2023. L-Istati Membri issa jistgħu joħorġu ċertifikati tat-tilqim lill-parteċipanti tal-provi kliniċi u se jirrikonoxxu tipi addizzjonali ta’ testijiet tal-antiġeni.
- 29 ta' Marzu 2022
Regoli ġodda jeżentaw lill-minorenni mill-perjodu ta’ aċċettazzjoni ta’ 9 xhur għaċ-ċertifikati tat-tilqim.
- 22 ta' Frar 2022
Iċ-ċertifikati tal-fejqan issa jistgħu jinħarġu abbażi tat-testijiet rapidi tal-antiġeni
- 25 ta' Jannar 2022
Il-Kunsill jadotta rakkomandazzjoni riveduta dwar miżuri li jiżguraw il-koordinazzjoni tal-ivvjaġġar sikur fl-UE, abbażi tas-sitwazzjoni individwali tal-persuni u mhux aktar tar-reġjun ta’ oriġini.
- 21 ta' Diċembru 2021
Il-Kummissjoni tadotta regoli li jistabbilixxu perjodu ta’ aċċettazzjoni vinkolanti ta’ 9 xhur taċ-ċertifikati tat-tilqim għall-finijiet tal-ivvjaġġar fl-UE.
- 1 ta’ Lulju - 12 ta’ Awwissu 2021
Perjodu ta' dħul gradwali: jekk Stat Membru jkun għadu mhux lest li joħroġ iċ-ċertifikat il-ġdid liċ-ċittadini tiegħu, xorta jistgħu jintużaw formati oħrajn u dawn għandhom jiġu aċċettati fi Stati Membri oħrajn.
- 1 ta' Lulju 2021
Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jidħol fis-seħħ fl-UE kollha.
- nofs Ġunju 2021
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill riveduta dwar l-ivvjaġġar fl-UE.
- 1 - 30 ta' Ġunju 2021
Fażi ta’ preparazzjoni: L-Istati Membri jistgħu jniedu ċ-ċertifikat fuq bażi volontarja sakemm ikunu lesti li joħorġu u jivverifikaw iċ-ċertifikati, u jkollhom il-bażi legali meħtieġa fis-seħħ.
- 1 ta' Ġunju 2021
L-EU Gateway (interkonnessjoni tas-sistemi nazzjonali) issir attiva.
- 20 ta' Mejju 2021
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu fuq iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE.
- 7 ta' Mejju 2021
Il-Kummissjoni bdiet it-test pilota tal-infrastruttura tal-interoperabbiltà tal-UE (EU Gateway) li se tiffaċilita l-awtentikazzjoni taċ-Ċertifikati tal-UE.
- 22 ta' April 2021
Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri fin-Network tal-e-Saħħa qablu dwar linji gwida li jiddeskrivu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ewlenin għall-implimentazzjoni tas-sistema. Dan kien pass kruċjali biex tiġi stabbilita l-infrastruttura meħtieġa fil-livell tal-UE.
- 14 ta' April 2021
Il-Kunsill adotta l-mandat tiegħu biex jibda negozjati mal-Parlament Ewropew dwar il-proposta.
- 17 ta' Marzu 2021
Il-Kummissjoni pproponiet test leġiżlattiv li jistabbilixxi qafas komuni għal ċertifikat tal-UE.
- 27 ta' Jannar 2021
Ġew adottati linji gwida li jistabbilixxu r-rekwiżiti tal-interoperabbiltà taċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni diġitali, li jibnu fuq id-diskussjoni li saret bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fin-Network tal-e-Saħħa minn Novembru 2020.