Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili
Matul il-pandemija tal-COVID-19, l-UE kkoordinat u ffinanzjat it-twassil ta’ tagħmir mediku u oġġetti relatati, u kkofinanzjat titjiriet ta’ ripatrijazzjoni għal kważi 100,000 ċittadin tal-UE permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.
Oġġetti ta’ tagħmir protettiv, bħal maskri tal-wiċċ, ġagagi, ingwanti, goggles, overalls, diżinfettant, u prodotti oħrajn twasslu fl-Ewropa kollha u d-dinja, lil pajjiżi li fittxew l-għajnuna.
B’mod ġenerali, matul il-pandemija tal-COVID-19, l-UE:
-
ikkoordinati u kkofinanzjati konsenji ta’ aktar minn 190 miljun oġġett ta’ tagħmir mediku u ta’ protezzjoni personali
-
saħħet l-isptarijiet bi staff mediku addizzjonali
-
ipprovdiet aktar minn 10.5 miljun doża ta’ vaċċini lil aktar minn 55 pajjiż fl-Ewropa u madwar id-dinja permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.
L-assistenza kienet possibbli bis-saħħa taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (ERCC) tal-UE, iċ-ċentru ta’ emerġenza tal-Unjoni Ewropea. L-ERCC wieġeb għal aktar minn 170 talba addizzjonali għal assistenza relatata mal-COVID-19, li ma jinkludux ir-ripatrijazzjonijiet.
rescEU - riżerva komuni ta’ tagħmir mediku
Il-kapaċità ta’ riżerva medika strateġika tar-rescEU nħolqot mill-Kummissjoni fl-2021 biex twieġeb aktar malajr għall-ħtiġijiet ikkawżati minn kriżijiet tas-saħħa bħall-pandemija tal-COVID-19.
Ir-riżerva komuni ppermettiet il-konsenja rapida ta’ aktar minn 3 miljun oġġett ta’ tagħmir mediku u protettiv u provvisti tal-laboratorju lill-Istati Membri li qed jiffaċċjaw il-pandemija.
Il-ħażna ġiet ospitata f'10 pajjiżi tal-UE (il-Belġju, il-Kroazja, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Slovenja, l-Iżvezja, u n-Netherlands), u kienet iffinanzjata kompletament mill-Kummissjoni.

Approċċ ta’ Tim Ewropa – assistenza barra mill-UE
Mit-tifqigħa tal-COVID-19 fil-bidu tal-2020 sa tmiem l-2021, ġew żborżati €47.7 biljun f’approċċ ta’ Tim Ewropa b’appoġġ għal aktar minn 140 pajjiż sieħeb biex tiġi indirizzata l-pandemija u l-konsegwenzi tagħha. Dan l-appoġġ ġie rrapportat mill-Kummissjoni taħt mekkaniżmu ta’ monitoraġġ konġunt ta’ Tim Ewropa u kkombina riżorsi mill-Kummissjoni, l-Istati Membri tal-UE, il-Bank Ewropew tal-Investiment, u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp.
Minn €53.7 biljun globali li mmobilizza l-pakkett Tim Ewropa, ġew żborżati €47.7 biljun sa Diċembru 2021, bħala rispons għall-ħtiġijiet umanitarji ta’ emerġenza (€3 biljun), biex jissaħħu s-sistemi tas-saħħa, tal-ilma u tas-sanità (€10.6 biljun), u biex jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija, inkluż it-telf ta’ impjiegi u l-edukazzjoni (€34.1 biljun).
Dawn il-ħlasijiet relattivi għall-impenji saru lil:
-
Viċinat Ewropew: €13.6 biljun minn €15.6 biljun
-
L-Afrika sub-Saħarjana: €8.3 biljun minn €9 biljun
-
Balkani tal-Punent u Turkija: €6.8 biljun minn €7.6 biljun
-
Asja u Paċifiku: €4 biljun minn €4.3 biljun
-
Amerka Latina u Karibew: €2.5 biljun minn €3.2 biljun
-
Afrika, Karibew u Paċifiku, reġjonali: €539 miljun minn €743 miljun
-
Territorji extra-Ewropej u Greenland: €579 miljun minn €631 miljun
-
Programmi globali: €8.6 biljun minn €9.7 biljun
L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) ilha tiġbor u tippubblika data dwar ir-rispons globali tad-donaturi għall-COVID-19 bħala parti mir-rapportar statistiku annwali tagħha dwar l-assistenza għall-iżvilupp. Għaċ-ċifri dwar ir-rispons globali tal-atturi tal-approċċ ta’ Tim Ewropa għall-pandemija mill-2022, id-data li tista’ tiġi ddawnlowdjata se tkun disponibbli għall-konsultazzjoni fil-bażi tad-data online tal-OECD (is-Sistema ta’ Rapportar tal-Kredituri (CRS)) fejn tista’ tiddawnlowdja s-sett tad-data u tħares lejn it-tranżazzjonijiet immarkati bil-kelma ewlenija tal-COVID (#COVID-19). Id-data rispettiva għall-2022 hi mistennija li tiġi rilaxxata mill-OECD f’Diċembru 2023.
Tilqim globali
Il-pandemiji m’għandhomx fruntieri. Sa minn kmieni, l-UE stinkat biex tiggarantixxi aċċess ekwu għal vaċċini kontra l-COVID-19 affordabbli, sikuri u effettivi għal kulħadd. L-UE organizzat ir-Rispons Globali għall-Coronavirus, nediet flimkien mas-sħab l-Aċċelleratur tal-Aċċess għall-Għodod kontra l-COVID-19 (ACT), u appoġġjat lill-COVAX, inizjattiva globali mmirata lejn aċċess ekwu għall-vaċċini kontra l-COVID-19.
Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Bank Ewropew tal-Investiment saru investitur ewlieni fil-COVAX, b’aktar minn €5 biljun biex jagħmlu disponibbli 1.8 biljun doża ta’ vaċċini għal 92 pajjiż b’introjtu baxx u medju.
B’mod parallel, il-mekkaniżmu l-ġdid tal-UE għall-ixxerjar tal-vaċċini ppermetta lill-Istati Membri jixxerjaw dożi mixtrija mill-UE ma’ pajjiżi terzi, inkluż permezz tal-COVAX
Sa Awwissu 2021, l-Istati Membri tal-UE xxerjaw aktar minn 530 miljun doża għal donazzjoni lil pajjiżi madwar id-dinja. Il-maġġoranza l-kbira, madwar 445 miljun doża, ġew ixxerjati permezz tal-COVAX. Barra minn hekk, l-Istati Membri tal-UE wasslu 87 miljun doża permezz ta’ donazzjonijiet bilaterali – pereżempju lill-ġirien tagħna fil-Balkani tal-Punent.
L-UE appoġġjat ukoll lis-sħab bi strateġiji ta’ tilqim u d-distribuzzjoni tal-provvisti, bi €300 miljun addizzjonali biex taċċellera l-introduzzjoni u l-użu tal-vaċċini fl-Afrika u €100 miljun addizzjonali biex ittejjeb l-aċċess u l-użu tad-dijanjostika, u t-terapiji, u ssaħħaħ is-sistemi tas-saħħa fil-pajjiżi sħab.
Biex tingħata spinta lill-manifattura lokali u l-aċċess għall-vaċċini fl-Afrika, f’Mejju 2021 Tim Ewropa nieda inizjattiva ta’ €1 biljun b’appoġġ għall-għan tal-Unjoni Afrikana li timmanifattura lokalment 60% tal-vaċċini użati fil-kontinent sal-2040. Fi sħubija ma’ Spanja, l-UE nediet ukoll sħubija mal-Amerika Latina u l-Karibew biex tappoġġja l-manifattura lokali ta’ vaċċini, mediċini u teknoloġiji oħrajn tas-saħħa, u biex issaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa.